IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 20 ta' Ġunju, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-liturġija tal-lum għandna l-episodju ta' meta Ġesł sikket it-tempesta (Mk 4,35-41).  Id-dgħajsa li biha d-dixxipli kienu qed jaqsmu l-għadira nqabdet f'riefnu u mewġ u huma beżgħu li se jegħrqu.  Ġesł qiegħed magħhom fid-dgħajsa, iżda jinsab fil-poppa fuq l-imħadda, rieqed.  Id-dixxipli mimlijin biża' jgħajtulu: "Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?" (v. 38).

Ħafna drabi aħna wkoll, meta nħkimna mill-provi tal-ħajja, għollejna leħinna lejn il-Mulej: "Għaliex tibqa' sieket u ma tagħmel xejn għalija?"  L-aktar meta donnu jidhrilna li qed negħrqu għax l-imħabba jew il-proġett li nkunu investejna t-tamiet kbar tagħna fihom, jgħibu; jew meta nsibu ruħna vittmi tal-mewġ insistenti tal-ansjetą; inkella meta nsibu ruħna mgħaddsin taħt il-probemi jew mitlufin fil-baħar tal-ħajja, bla rotta u mingħajr port.  Jew ukoll fil-waqtiet li fihom nitilfu l-ħeġġa biex nimxu 'l quddiem għax bla xogħol jew inkella minħabba djanjosi mhux mistennija li timliena biża' minħabba saħħitna jew minħabba s-saħħa ta' xi persuna għażiża għalina.  Hemm ħafna mumeni li fihom aħna nħossuna f'tempesta, inħossu li kważi spiċċajna.

F'dawn is-sitwazzjonijiet u f'ħafna oħrajn, aħna wkoll inħossuna fgati bil-biża' u, bħad-dixxipli, nirriskjaw li ma nibqgħux naraw dak li hu l-aktar importanti.  Infatti, fuq id-dagħjsa, minkejja li rieqed, hemm Ġesł, u magħhom qed jaqsam dak kollu li qed iseħħ.  L-irqad tiegħu, jekk min-naħa jħallina bla kliem, mill-oħra qed jgħaddina minn prova.  Il-Mulej jinsab hemm, preżenti; infatti qed jistenna lilna - biex ngħidu hekk - li ndaħħluh fl-istorja tagħna, ninvokawh, inqegħduh fiċ-ċentru ta' dak kollu li ngħixu.  L-irqad tiegħu qed jipprovokana biex inqumu.  Għax biex inkunu dixxipli ta' Ġesł mhux biżżejjed nemmnu li hemm Alla, li jeżisti, imma hemm bżonn nirriskjaw miegħu, hemm bżonn ukoll li ngħollu leħinna miegħu.  Isimgħu din: hemm bżonn ngħajjtu.  Bosta drabi t-talb hu għajta: "Mulej, salvani!".  Fil-programm "A sua immagine", illum, Jum ir-Rifuġjat, kont qed nara li dawk il-bosta li jiġu bid-dgħajjes, x'ħin ikunu se jegħrqu, jgħajtu: "Salvana!"  Fil-ħajja tagħna wkoll jiġri l-istess: "Mulej, salvana!", u t-talba tinbidel f'għajta.

Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: liema huma l-irjieħ li qed iħabbtu fuq ħajti, liema hu l-mewġ li mhux qed iħallini nbaħħar u l-ħajja spiritwali tiegħi, il-ħajja familjari tiegħi, u anki l-ħajja psikika tiegħi, qed ipoġġuhomli fil-periklu?  Lil Ġesł ngħidulu dan kollu, nirrakkuntawlu kollox.  Hu hekk jixtieq, irid li aħna niggranfaw miegħu biex insibu kenn mill-mewġ anomalu tal-ħajja.  L-Evanġelju jirrakkonta li d-dixxipli resqu lejn Ġesł, qajmuh u kellmuh (cfr v. 38).   Dan hu l-bidu tal-fidi tagħna: nagħrfu li waħedna ma nistgħux nibqgħu fil-wiċċ, li neħtieġu lil Ġesł bħalma l-baħrin jeħtieġu l-istilel biex isbu r-rotta.  Il-fidi tibda' billi nemmnu li m'aħniex awtosuffiċjenti, li nħossu li għandna bżonn lil Alla.  Meta negħlbu t-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna, meta nissuperaw ir-reliġjożitą falza li ma tkunx trid tiskomda lil Alla, meta ngħajtu, Hu jista' jagħmel l-għeġubijiet bina.  Hija l-qawwa ġentili u straordinarja tat-talb li tagħmel il-mirakli.

Meta d-dixxipli jitolbuh, Ġesł jsikket ir-riħ u l-mewġ.  U jagħmlilhom mistoqsija, mistoqsija li tolqot lilna wkoll: "Għaliex qed tibżgħu? M'għandkomx fidi?" (v. 40).  Id-dixxipli ħallew il-biża' taħkimhom għax baqgħu jħarsu lejn il-mewġ aktar milli lejn Ġesł.   U l-biża' jġagħalna nħarsu lejn id-diffikultajiet, lejn il-problemi koroħ, minflok inħarsu lejn il-Mulej, li bosta drabi jkun rieqed.  L-istess aħna: kemm drabi nibqgħu niffissaw fuq il-problemi minflok li mmorru għand il-Mulej u l-ansjetajiet tagħna nitfgħuhom f'ħoġru!  Kemm drabi lill-Mulej inwarbuh f'rokna, fit-tarf tad-dagħjsa tal-ħajja, biex inqjmuh biss meta niġu fil-bżonn!  Nitolbu llum il-grazzja ta' fidi li qatt ma tgħejja tfittex lill-Mulej, li tħabbat fuq il-Qalb tiegħu.  Il-Verġni Marija, li tul ħajjitha qatt ma hediet tqiegħed il-fiduċja tagħha f'Alla, tqajjem fina mill-ġdid il-ħtieġa vitali li nafdaw fih kuljum.

 

WARA l-ANGELUS

 

Għeżież ħuti!

Ngħaqqad leħni ma' dik tal-Isqfijiet tal-Myanmar li l-ġimgħa li għaddiet għamlu appell biex jiġbdu l-attenzjoni tad-dinja kollha dwar l-esperjenza ħarxa ta' eluf ta' persuni li f'dak il-pajjiż sfaw itturufnati u qed imutu bil-ġuħ: "Aħna nitolbu bil-ħerqa u bil-ġentilezza kollha biex jinfetħu kuruduri umanitarji u sabiex il-knejjes, il-pagodi, il-monasteri, il-moskej, it-tempji, kif ukoll l-iskejjel u l-isptarijiet" ikunu rispettati bħala mkejjen newtrali ta' rifuġju.  Jalla l-Qalb ta' Kristu tmis qlub kulħadd u ġġib il-paċi fil-Myanmar.

Illum qed niċċelebraw Jum ir-Rifuġjat, imniedi mill-Ġnus Magħquda, bit-tema: "Flimkien nistgħu nagħmlu differenza".  Niftħu qlubna għar-rifuġjati; nagħmlu tagħna n-niket tagħhom u l-ferħ tagħhom; nitgħallmu mis-sens ta' adattament tagħhom! U hekk, ilkoll flimkien, insawru komunitą aktar umana, familja waħda u sħiħa.

Nagħti merħba minn qalbi lilkom ilkoll li ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Qed nara, peruvjani, pollakki... u pajjiżi oħra hemmhekk..... .  Insellem partikolarment  lill-Assoċjazzjoni Gwidi u Scouts Kattoliċi Taljani; lid-delegazzjoni tal-ommijiet għalliema fl-iskejjel taljani; liż-żgħażagħ taċ-Ċentru Padre Nostro ta' Palermo li kien imwaqqaf mill-Beatu don Puglisi;  lill-adoloxxenti minn Tremignon u Vaccarino u lill-fidili min-Niscemi, Bari, Anzio u Villa di Briano.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber