IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 20 ta’ Marzu, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ninsabu fil-qofol tal-mixja tar-Randan u fil-bidu tiegħu, l-Evanġelju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù li jikkkumenta dwar xi ġrajjiet li seħħew.  Waqt li kienet għada friska t-tifkira tat-tmintax-il persuna li kienu mietu fit-tiġrif ta’ torri, jirakkuntawlu wkoll dwar xi Galilej li sfaw maqtulin minn Pilatu (cfr 13,1).  U hemm mistoqsija li donnha takkumpanja dawn l-aħbarijiet traġiċi: ta’ min hi l-ħtija ta’ dawn il-fatti terribbli?  Forsi dawn in-nies kienu aktar ħatja minn oħrajn u Alla ried jikkastigahom?  Dawn huma mistoqsijiet li jibqgħu jkunu dejjem attwali; meta l-aħbarijiet ħżiena jgħakksuna u nħossuna bla saħħa quddiem il-ħażen, spiss nistaqsu lilna nfusna: forsi dan hu kastig minn Alla?  Huwa Hu li jibgħat xi gwerra jew pandemija biex jikkastigana minħabba dnubietna?  U għaliex il-Mulej jibqa’ passiv?

Irridu noqgħodu attenti: meta l-ħażen itaqqalna nirriskjaw li ħsiebna jittappan, u biex insibu tweġiba faċli għal dak li ma nagħrfux nispjegawh, nispiċċaw biex inwaħħlu f’Alla.  U bosta drabi, id-drawwa bla sens u kerha tad-dagħa, minn dan tinbet.  Kemm drabi nwaħħlu fih għad-diżgrazzji li jiġru fid-dinja u Hu, minflok, iħallina dejjem ħielsa u ma jindaħalx, qatt ma jimponi ruhu, imma jibqa’ biss jurina lilu nnifsu;  Hu li qatt ma juża l-vjolenza, anzi, isofri magħna!  Infatti, Ġesù jirrifjuta u jikkritka l-idea li nwaħħlu f’Alla għall-ħażen tagħna: dawk in-nies li nqatlu minn Pilatu u dawk li mietu taħt it-tiġrif tat-torri ma kinux ħatja aktar minn oħrajn u lanqas huma vittmi ta’ xi Alla bla qalb u vendikattiv, li mank jeżisti!  Il-ħażen qatt ma jista’ jiġi minn Alla għax Hu “ma mexiex magħna skont ma’ ħaqqhom ħtijietna” (Salm 103, 10), imma skont il-ħniena tiegħu.  Dan hu l-istil ta’ Alla.  Ma jistax jimxi magħna mod ieħor.  Dejjem jimxi magħna bil-ħniena.

Imma minflok inwaħħlu f’Alla, jgħid Ġesù, hemm bżonn inħarsu fina nfusna: huwa d-dnub li jġib il-mewt; huma l-egoiżmi tagħna li jkissru r-relazzjonijiet; huma l-għażliet żbaljati u vjolenti tagħna li jinċitaw il-ħażen.  F’dan il-waqt il-Mulej joffri l-vera soluzzjoni.  Liema hi?  Il-konverżjoni: “jekk ma tindmux ilkoll tintilfu xorta waħda” (Lq 13,5).  Hi stedina urġenti, speċjalment f’daż-żmien tar-Randan.  Ejjew nilqugħa b’qalbna miftuha.  Nikkonvertu mill-ħażen, niċħdu d-dnub li jsaħħarna, ninfetħu għal-loġika tal-Evanġelju: għax fejn isaltnu l-imħabba u l-fraternità, il-ħażen m’għandux aktar setgħa!

Iżda Ġesù jaf li l-konverżjoni mhix ħaġa ħafifa, u jrid jgħinna f’dan.  Jaf li bosta drabi nerġgħu naqgħu fl-istess żbalji u fl-istess dnubiet; li naqtgħu qalbna, u aktarx, naħsbu li l-impenn tagħna fit-tajjeb hu fieragħ f’dinja fejn il-ħażen donnu jsaltan dejjem.  U allura, wara l-appell tiegħu, itina l-kuraġġ permezz ta’ parabbola li tirrakkonta kemm Alla għandu paċenzja.  Għandna niftakru fil-paċenzja t’Alla, il-paċenzja li Alla jieħu bina.  Joffrielna t-tixbiha farraġha tas-siġra tat-tin li ma tagħmilx frott fiż-żmien tagħha, li iżda, ma titqaċċatx: itiha aktar żmien, possibbiltà oħra.  Jien inħobb naħseb li isem sabih li joqgħod lil Alla jkun “Alla li jagħti ċans ieħor”: dejjem itina opportunità oħra, dejjem, dejjem.  Hekk hi ħnientu.  Hekk jagħmel magħna l-Mulej: ma jbarriniex minn imħabbtu, ma jaqtax qalbu, ma jegħjiex jerġa’ jtina l-fiduċja bil-ħlewwa.  Ħuti, Alla jemmen fina!  Alla jafda fina u jimxi magħna bil-paċenzja, il-paċenzja t’Alla magħna.  Ma jaqtax qalbu imma dejjem jerġa’ jimliena bit-tama.  Alla hu Missier u jħares lejk bħala missier: bħall-aħjar fost il-missirijiet, ma jħarisx lejn ir-riżultati li għadek ma ksibtx, imma lejn il-frott li għad tista’ tikseb; ma jżommx kont tan-nuqqasijiet tiegħek, imma jseddaq il-possibbiltajiet tiegħek; ma jibqax jimraħ fuq l-imgħoddi tiegħek, imma bil-fiduċja jemmen fil-ġejjieni tiegħek.  Għax Alla jinsab qribna, Hu jinsab qrib tagħna.  L-istil ta’ Alla – ma ninsewx -: qrubija, Hu qrib bil-ħniena u t-tenerezza.  Hekk jimxi magħna Alla: qrib, ħanin u mimli ħlewwa.

Għalhekk nitolbu lill-Verġni Marija biex timliena bit-tama u l-kuraġġ u tkebbes fina x-xewqa tal-konverżjoni.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Sfortunatament għadha għaddejja l-aggressjoni vjolenti kontra l-Ukrajna, massakru bla sens fejn ta’ kuljum qed iseħħu straġi u atroċitajiet.  M’hemm ebda ġustifikazzjoni għal dan!  Nitlob minn qiegħ qalbi lill-atturi kollha tal-komunità internazzjonali biex jimpenjaw ruħhom bis-serjetà ħalli jwaqqfu dil-gwerra diżgustanti.

Dil-ġimgħa wkoll, missili u bombi niżlu fuq nies ċivili, anzjani u ommijiet tqal.  Mort inżur lit-tfal feruti li hawn f’Ruma.  Wieħed driegħu nieqes, l-ieħor b’ġerħa f’rasu... Tfal innoċenti.  Qed niftakar fil-miljuni ta’ rifuġjati ukrajni li jkollhom jaħarbu u jħallu kollox warajhom u nħoss niket kbir għal dawk li lanqas għandhom il-possibbiltà li jaħarbu.  Tant nanniet, morda u foqra, mifrudin mill-familjari tagħhom, tant tfal u persuni fraġli jibqgħu hemm biex imutu taħt il-bombi, bla ma jista’ jkollhom għajnuna u li lanqas jistgħu jsibu kenn fix-xelters.  Dan kollu hu diżuman!  Anzi, huwa wkoll sagrileġġ, għax jeħodha kontra s-sagralità tal-ħajja umana, fuq kollox, kontra l-ħajja umana bla difiża, li għandha tkun rispettata u mħarsa, mhux tisfa’ merquda, u dan jiġi qabel kull xorta ta’ strateġija!  Ma ninsewx, hija krudeltà, diżumana u sagrilega!  Nitolbu fis-skiet għal dawk kollha li qed isofri.

Hu ta’ faraġ li naf li l-popolazzjoni li baqgħet taħt il-bombi mhix nieqsa l-qrubija tar-rgħajja, li f’dawn il-jiem traġiċi qed jgħixu l-Evanġelju tal-karità u tal-fraternità.  Dal-ġranet smajt lil xi wħud minnhom bit-telefon, kif huma qrib il-poplu t’Alla.  Grazzi għeżież ħuti rġiel u nisa għal dix-xhieda u għas-sapport konkret li qed toffru bil-kuraġġ lil tant nies li jinsabu f’diperazzjoni!  Qed niftakar ukoll fin-Nunzju Appostoliku, li għadu kif inħatar, Monsinjur Visvaldas Kulbokas, li sa mill-bidu tal-gwerra baqa’ fi Kyiv flimkien mal-kollaboraturi tiegħu u bil-peżenza tiegħu, ta’ kuljum, qed iżomm lili qrib il-poplu martri tal-Ukrajna.  Ejjew inkunu qrib dal-poplu, inħaddnuh bl-għożża u b’impenn konkret u bit-talb.  U jekk jogħġobkom, ejjew ma nidrawx il-gwerra u l-vjolenza!  Ma ngħejjew qatt nilqgħu bil-ġenerożità, kif qed isir: mhux biss issa, fl-emerġenza, imma wkoll fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.  Għax intom tafu li għall-ewwel ilkoll kemm aħna nagħmlu ħilitna kollha biex nilqgħu, imma wara, nidraw u qlubna jibirdu xi ftit u ninsew.  Niftakru f’dawn in-nisa, f’dawn it-tfal li maż-żmien, bla xogħol, mifrudin minn żwieġhom, se jibdew ifittxuhom “l-isqra spekulaturi” tas-soċjetà.  Nipproteġuhom, jekk jogħġobkom.

Nistieden lil kull komunità u lil kull fidil biex jingħaqdu miegħi il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu, Solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu, biex nagħmlu att solenni ta’ konsagrazzjoni tal-umanità, speċjalment tar-Russja u tal-Ukrajna, lill-Qalb Immakulata ta’ Marija, sabiex Hi, is-Sultana tal-Paċi, ġġibilna l-paċi fid-dinja.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem partikolarment lill-fidili minn Madrid, lill-grupp internazzjonali “Agorà ta’ dawk li jgħammru fl-art”, lit-tobba u dawk li jagħtu l-għajnuna fis-servizz tal-emerġenza 118, lit-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku “Charis” – li hu l-uniku wieħed li għandu għarfien uffiċjali”, mhux l-oħrajn -, lill-membri tal-Moviment tal-Fokolari.  Insellem lill-Piccolo Coro tal-Antoniano ta’ Bologna flimkien mal-banda tal-Puluzija tal-Istat, il-kor “Ensemble Vox Cordis” minn Fornovo, il-kor “San Vincenzo Grossi” minn Pizzighettone, lill-adoloxxenti tal-istqarrija tal-fidi minn Angera, Sesto Calende u Ternate, lill-pellegrinaġġ mid-djoċesi ta’ Asti u lill-fidili minn Venezja u Sassari.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber