IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 20 ta’ Frar 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum Ġesù jagħti lid-dixxipli xi struzzjonijiet fundamentali għall-ħajja.  Il-Mulej qed jirreferi għas-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, dawk li għalina jkunu test, eżami, dawk li jqegħeduna wiċċ imb’wiċċ ma’ min hu għadu tagħna u ostili, quddiem min dejjem ifittex li jagħmlilna l-ħsara.  F’każi bħal dawn id-dixxiplu ta’ Ġesù għandu sejħa biex ma jħallix l-istint tal-mibegħda jirkbu, imma jmur ‘l hinn, ferm aktar ‘l hinn.  Imur ‘l hinn mill-istint, imur ‘l hinn mill-mibegħda.  Ġesù jgħid: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, għamlu l-ġid lil min jobgħodkom” (Lq 6,27).  U jkun aktar konkret: “Lil min itik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek biex itik fuq l-oħra” (.v. 29).  Meta aħna nisimgħu dan, jidhrilna li l-Mulej qed jitlob l-impossibbli minna.  Imbagħad għax għandi nħobb lill-għedewwa?  Jekk lill-prepotenti ma tiqfilhomx, kull inġustizzja ssib it-triq imwittija, u dan mhux ġust.  Imma hu propju hekk?  Veru li l-Mulej jitlob affarijiet impossibbli, anzi inġusti?  Veru?

Ħa neżaminaw ftit, qabel kollox, dak is-sens ta’ inġustizzja li nħossu meta ndawru wiċċna n-naħa l-oħra.  Waqt il-passjoni, waqt dak il-proċess inġust quddiem il-qassisi il-kbir, f’ħin  minnhom Ġesù jalqa’ daqqa ta’ ħarta mingħand wieħed mis-suldati.  U Hu kif iġib ruħu?  Ma jinsultahx, le, lis-suldat jgħidlu” “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” (Ġw 18,23).   Jitlob kont tal-offiża li saritlu.  Li ddawwar wiċċek in-naħa l-oħra ma jfissirx li ċċedi għall-inġustizzja.  Bil-mistoqsija tiegħu Ġesù jiddenunzja dak li hu inġust.  Imma dan jagħmlu mingħajr rabja, mingħajr vjolenza, anzi, bil-ġentilezza.  Ma jridx jaqbad diskussjoni, imma jrid jitfi l-mibegħda, dan hu importanti ħafna: it-tifi tal-mibegħda u l-inġustizzja fl-istess ħin, bit-tama li lil ħija ħati nreġġgħu lura.  Mhux ħafifa din, imma Ġesù għamilha, u jgħidilna biex nagħmlu hekk aħna wkoll.  Dan ifisser iddawwar wiċċek in-naħa l-oħra: il-manswetudni ta’ Ġesù hi tweġiba aktar qawwija mid-daqqa li rċieva.  Li ddawwar wiċċek ma jfissrix li inti tellief, imma hi l-azzjoni ta’ min hu mogħni b’forza interjuri akbar.  Li ddawwar wiċċek ifisser li tegħleb il-ħażin bit-tajjeb, ħaġa li tiftaħ selħa fil-qalb tal-għadu, u ċċarrat il-maskra tal-mibegħda tiegħu. U dan l-atteġġjament, li ddawwar wiċċek, mhux frott tal-kalkolu jew tal-mibegħda, imma tal-imħabba.  Għeżież ħuti, hi l-imħabba gratwita u li ma tistħoqqilniex li aħna nirċievu mingħand Ġesù, li tiġġenera fi qlubna atteġġjament jixbaħ lil tiegħu, li jirrifjuta kull vendetta.  Aħna mdorrijin inpattu: “Għamiltli dan, jien nagħmillek ħaġ’oħra”, jew li  nżommu fi qlubna dan ir-raknur, mibegħda li tagħmlilna d-deni, li teqred il-persuna.

Niġu għall-oġġezzjoni l-oħra: possibbli li persuna tasal tħobb lill-għedewwa tagħha?  Kieku jiddependi minna biss, ikun impossibbli.  Imma niftakru li meta l-Mulej jitlob xi ħaġa jagħmel dan għax irid itiha.  Il-Mulej qatt ma jitlob xejn  mingħandna jekk Hu ma jkunx tahielna minn qabel.  Meta jgħidli biex inħobb lill-għedewwa, irid itini wkoll il-ħila li nasal għal dan.  Mingħajr dil-ħila aħna ma naslux, imma Hu jgħidlek “ħobb lill-għadu” u jtik il-ħila li tħobb.  Santu Wistin kien jitlob hekk – isimgħu kemm hi sabiħa dit-talba -: “Mulej,  tini dak li qed titlob minni u itlobni kuma trid” (Confessioni, X, 29.40), għax tkun tajthieli minn qabel.  X’nitolbuh?  X’inhu dak li Alla hu kuntent li jtina?  Il-qawwa biex iħobbu, li mhix oġġett imma hija l-Ispirtu s-Santu.  Il-qawwa tal-imħabba hu l-Ispirtu s-Santu, u bl-Ispirtu ta’ Ġesù nkunu nistgħu nwieġbu għall-ħażin bit-tajjeb, inkunu nistgħu nħobbu lil min jagħmilna l-ħsara.  Hekk jagħmlu l-insara.  Kemm hu ta’ niket meta persuni u popli kburin li huma nsara jħarsu lejn l-oħrajn bħala għedewwa u jgħaddilhom minn moħħhom li jibdew xi gwerra bejniethom!  Hu ta’ swied il-qalb kbir.

U aħna nippruvaw ngħejxu l-istediniet ta’ Ġesù?  Niftakru f’xi persuna li għamlitilna l-ħsara.  Kulħadd jaħseb f’xi persuna.  Hi ħaġa komuni li ġarrabna l-ħsara minn xi ħadd, naħsbu f’dik il-persuna.  Forsi hemm xi ftit mibegħda fina.  Allura din il-mibegħda nqegħdu ħdejha l-immaġni ta’ Ġesù, manswet, waqt il-proċess, wara d-daqqa ta’ ħarta.  U mbagħad nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jissawwab fi qlubna.  Fl-aħħar nitolbu għal dik il-persuna, nitolbu għal min għamlilna l-ħsara (cfr Lq 6,28).  Meta xi ħadd jagħmilna l-ħsara aħna mill-ewwel immorru nirrakkuntaw kollox lil ħaddieħor u nħossuna vittmi.  Nieqfu, u nitolbu lill-Mulej għal dik il-persuna, biex jagħtiha l-għajnuna, u b’hekk jittaffa fina dan is-sentiment ta’ mibegħda.  Li nitolbu għal min ittrattana ħażin hi l-ewwel ħaġa meħtieġa biex il-ħażin nibdluh f’tajjeb.  It-talb.  Il-Verġni Marija tgħinna nkunu operaturi tal-paċi ma’ kulħadd, speċjalment ma min hu ostili għalina u ma jogħġobniex.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet li ntlaqtu minn traġedji naturali dawn l-aħħar ġranet.  Qed niftakar b’mod partikolari fix-xlokk tal-Madagaskar, ifflaġellat minn serje ta’ ċikluni, u fiż-żona ta’ Petropolis fil-Brażil li nqerdet minħabba għarar u tiġrif ieħor.  Il-Mulej jilqa’ lill-mejtin fil-paċi tiegħu, ifarraġ lill-familjari u jwieżen lil kulmin qed jagħti l-għajnuna.

Illum hi l-Ġurnata Nazzjonali tal-ħaddiema sanitarji u rridu nfakkru lil tant tobba, infermieri, volontarji li jkunu qrib il-morda, jikkurawhom, jaħjuhom, jgħinuhom.  “Ħadd ma jsalva waħdu”, kien it-titlu tal-programm “A Sua Immagine”.  Ħadd ma jsalva waħdu.  U fil-mard ikollna bżonn li xi ħadd biex isalvana, biex jgħinna.  Dalgħodu, tabib kien qed jgħidli li fi żmien il-Covid kien hemm persuna qed tmut u qaltlu:”Tista’ żżommli jdejja għax qed immut u għandi bżonn idek?”  Il-ħaddiema sanitarji erojċi wrew l-eroiżmu tagħhom fi żmiem il-Covid, imma l-eroiżmu jibqa’ kuljum.  Lit-tobba, lill-infermieri, lill-volontarji, intuhom applaws u ngħidulhom grazzi kbira!

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Madrid, Segovia, Burgos u Valladolid, fi Spagna – tant spanjoli! -; kif ukoll lil dawk ġejjin mill-parroċċa Santa Francesca Cabrini f’Ruma u lill-istudenti tal-Istitut tal-Qlub Imqaddsa minn Barletta.

Insellem u ngħamel kuraġġ lill-grupp “Proġett Arka” li dawn l-aħħar ġranet inawguraw l-attivitajiet soċjali tagħhom hawn f’Ruma, biex jgħinu lill-persuni li m’għandhomx dar fissa.  U nsellem lill-adoloxxenti tal-Immakulata, kemm huma bravi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber