IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 19 ta’ Diċembru, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L’Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, il-raba’ Ħadd tal-Avvent, jirrakkonta ż-żjara li għamlet Marija lil Eliżabetta (cfr Lq 1, 39-45).  Wara li rċeviet it-tħabbira tal-anġlu, il-Verġni Marija ma baqgħetx id-dar, thewden fuq dak li ġralha u taħseb dwar il-problemi u x’seta jinqala’, li ċertament ma kienux se jonqsu:  għax, miskina, ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel wara dik l-aħbar, minħabba l-kultura tal-epoka....  Ma setgħetx tifhem...  Bil-maqlub, l-ewwel ma ħasbet kien dwar min jinsab fil-bżonn: minflok ingħalqet fiha nfisha, fil-problemi tagħha, taħseb f’min hu fil-bżonn, taħseb f’Eliżabetta, qariba tagħha, li hi mgħobbija biż-żmien u tqila: ħaġa stramba, mirakoluża.  Bil-ġenerożità, Marija tibda vjaġġ, bla ma beżgħet mill-inkonvenjenzi tat-triq, billi wieġbet qiesu b’molla minn ġewwa li sejħitilha biex tkun qrib u tagħti l-għajnuna.  Triq twila, kilometri fuq kilometri, u ma kienx hemm tal-linja!  Kella tmur bil-mixi.  Hi toħroġ biex tmur tgħin, biex taqsam il-ferħ tagħha.  Lil Eliżabetta Marija ttiha l-ferħ ta’ Ġesù, il-ferħ li kellha f’qalbha u f’ġufha.  Tmur għandha u tistqarr dak li qed tħoss, u din l-istqarrija mbagħad, saret talba, il-Magnificat, li lkoll kemm aħna nafuh.  U t-test jgħid li Marija “qamet u telqet tħaffef” (v. 39).

Qamet u telqet.  F’dawn l-aħħar jiem tal-mixja tal-Avvent ejjew inħallu dawn iż-żewġ verbi jmexxuna.  Inqumu u mmorru ngħaġġlu: huma ż-żewġ movimenti li għamlet Marija waqt li tistedinna biex nagħmlu bħalha issa li qed joqrob il-Milied.  Qabel kollox, inqumu.  Wara t-tħabbira tal-anġlu kien se jibda żmien diffiċli għall-Verġni Marija: bit-tqala mhux mistennija tagħha kienet se ssib li min ma jifhimhiex u tiftaħha wkoll għal kastigi ħorox, anki għat-tħaġġir, skont il-kultura ta’ dak iż-żmien.  Nimmaġinaw kemm ħsibijiet u taħbil il-moħħ kellha!  Madankollu ma taqtax qalbha, ma titgħakkisx, imma tqum.  Ma ddawwarx ħarsitha ‘l isfel, lejn il-problemi, imma ‘l fuq, lejn Alla.  U ma qagħditx taħseb kif se tfittex l-għajnuna imma lil min tista’ tagħti l-għajnuna.   Dejjem taħseb fl-oħrajn: hekk hi Marija, taħseb dejjem fil-ħtiġijiet tal-oħrajn.  L-istess tagħmel aktar tard, waqt it-Tieġ ta’ Kana, meta tintebaħ li naqashom l-inbid.  Kienet problema ta’ ħaddieħor, imma Hi taħseb f’dak li ġara u tipprova ssib soluzzjoni.  Marija dejjem taħseb fl-oħrajn.  Taħseb fina wkoll.

Ejjew nitgħallmu mill-Madonna u nagħmlu tagħna dan it-tip ta’ reazzjoni: inqumu, speċjalment meta d-diffikultajiet idaħħluna fir-riskju li nitgħattnu.  Inqumu biex ma nibqgħux imwaħħlin mal-problemi, u negħrqu nitħassru lilna nfusna, inkella naqgħu fi swied il-qalb li jipparalizzana.  Imma għalfejn inqumu?  Għaliex Alla hu kbir u lest jerfagħna jekk aħna nnewlulu jdejna.  Allura ejjew nitfgħu f’idejh il-ħsibijiet negattivi, il-biżgħat li jimblukkaw kull ħerqa u ma jħalluniex nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  U mbagħad nagħmlu bħal Marija: nagħtu ħarsa madwarna u nfittxu xi persuna li nkunu nistgħu ntuha l-għajnuna!  Hemm xi anzjan li nafu u lil nista’ ntih xi daqqa t’id, ftit kumpanija?  Kullħadd jaħseb dwar dan.  Jew nista’ nkun ta’ servizz lil xi persuna, inkun ġentili, inċemplilha?  Imma lil min nista’ nagħti ftit għajnuna?  Inqum u nagħti l-għajnuna.  Meta ngħinu lil ħaddieħor inkunu qed ngħinu lilna nfusna, nintrefgħu mid-diffikultajiet tagħna.

It-tieni moviment hu nimxu b’pass mgħaġġel.  Ma jfissirx li nimxu bl-ansjetà, b’nifisna maqtugħ, le, mhux dan ifisser.  Ifisser li jiemna ngħadduhom b’pass hieni, inħarsu ‘l quddiem bil-fiduċja, bla ma nħallu s-sens li kollox nagħmlu fuq il-qalb ikaxkarna, ilsiera tat-tgemgim – dan it-tgemgim jirvina bosta ħajjiet, għax bniedem jibda jilmenta u jilmenta u ħajtu titgħarraq.  It-tgemgim dejjem iġagħlek tfittex il-ħtija f’ħaddieħor.  Hi u sejra lejn id-dar ta’ Eliżabetta, Marija timxi bil-pass ħafif ta’ min għandu qalbu mimlija b’Alla, mimlija bil-ferħ tiegħu.  Allura, nistaqsu lilna nfusna, biex jisfagħlna ta’ ġid: kif inhu “l-pass” tiegħi?  Jien propożittiv jew nitlajja fil-malinkonija, fis-swied il-qalb?  Nimxi ‘l quddiem bit-tama jew wieqaf nibki xortija?  Jekk nimxu bil-pass għajjien tat-tgemgim u t-tqassis lil ħadd ma nwasslulu lil Alla, inwasslu biss imrar, affarijiet koroħ.  Jagħmlilna tajjeb, minflok, li jkollna ftit umoriżmu sân, kif kellhom, per eżempju, San Tumas More u San Filippu Neri.  Nistgħu nitolbu wkoll dil-grazzja, il-grazzja tal-umoriżmu sân: jagħmlilna tajjeb ħafna.  Ma ninsewx li l-ewwel att ta’ karità li nistgħu nagħmlu lill-proxxmu hu li noffrulu wiċċ seren u mbissem.  U nwasslulu l-ferħ ta’ Ġesù, kif għamlet Marija lil Eliżabetta.

Omm Alla tmexxina minn idejna, tgħinna biex inqumu u nħaffu l-pass lejn il-Milied!

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti, nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjonijiet tal-Filippini li ntlaqtu minn tifun qawwi li qered bosta djar.  Jalla l-Bambin Ġesù (is-Santo Niño) jnissel il-faraġ u t-tama fil-familji li l-aktar jinsabu f’diffikultà; u lilna lkoll jispirana biex ngħinu b’mod konkret!  L-ewwel għajnuna konkreta hija t-talb, u mbagħad l-għajnuniet l-oħra.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-komunità peruvjana ta’ Ruma u l-grupp folkloristiku miġburin hawn fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ad unur “ta’ Niño Jesús Andino” ta’ Choqcca, post mnejn ġie l-presepju li għandna f’dil-pjazza.  Grazzi!  Insellem lill-Banda Mużikali minn Soriano al Cimino.  Nixtieq nismagħhom wara.. (il-banda bdiet iddoqq “Happy brthday”..).  Kemm idoqqu tajjeb dawn!  Insellem lill-fidili minn Terni, lill-iscouts minn Marigliano u lill-adoloxxenti minn Cingoli (Macerata).

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja t-tajba f’dawn l-aħħar jiem tal-Avvent li qed iħejjijna għat-twelid ta’ Ġesù.  Jalla jkun għal kulħadd żmien ta’ stennija u kollaborazzjoni: tama, tama u talb, fil-kumpanija tal-Verġni Marija, mara tal-istennija.   U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.  U issa l-banda, ħalli jdoqqu xi ħaġa sabiħa!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber