IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 19 ta’ Novembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna l-parabbola tat-talenti (cfr Mt 25,14-30).  Wieħed raġel kien se jsiefer u jħalli t-talenti tiegħu, jiġifieri ġidu, “kapital”, f’idejn il-qaddejja: it-talenti kienu biċċa flus.  Iqassamhom skont il-ħiliet ta’ kull wieħed.  Meta reġa’ lura beda jagħmel il-kontijiet magħhom.  Tnejn minnhom irduppjaw dak li kienu rċevew mingħand sidhom u hu jfaħħarhom, filwaqt li t-tielet, minħabba l-biża’, difen it-talent biex imbagħad itihulu lura.  Għal għemilu jirċievi ċanfira iebsa.  Aħna u neżaminaw dil-parabbola, nitgħallmu żewġ modi kif nersqu lejn Alla.

L-ewwel mod hu ta’ dak li difen it-talenti li rċieva, li ma jafx jaħgraf ir-rikkezzi li tah Alla: ma jafdax la fis-sid u lanqas fih innifsu.  Infatti lis-sid jgħidlu: “jiena nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx” (v. 24).  Hu jibża’ minn sidu.  Mhux qed jara l-istima, mhux jara l-fiduċja li l-Mulej għandu fih, imma qed jara biss l-aġir ta’ sid li jippretendi aktar minn dak li jkun ta, imħallef.  Din hi l-immaġni li għandu ta’ Alla: ma jirnexxilux jemmen kemm hu ħanin, ma jirnexxilux jemmen kemm Alla hu twajjeb miegħu.  Għalhekk jibbies u ma jinvolvix ruħu fil-missjoni li rċieva.

Allura, naraw it-tieni mod, fiż-żewġ protagonisti l-oħra, japprezzaw il-fiduċja ta’ sidhom u jroddulu lura l-fiduċja li hu għandu fihom.  Dawn it-tnejn jinvestu kulma kienu rċevew minkejja li ma jafux minn qabel jekk hux kollox se jmurilhom tajjeb: jistudjaw, jaraw il-possibbiltajiet u bil-prudenza jfittxu l-aħjar; jaċċettaw ir-riskju li jilgħabu l-logħba. Jafdaw, jistudjaw u jirriskjaw.  Hekk, juru li għandhom kuraġġ jaġixxu bil-libertà, b’mod kreattiv, u jiġġeneraw għana ġdid (cfr vv. 20-23).

Ħuti, dan hu s-salib it-toroq li għandha quddiem Alla: biża’ jew fiduċja.  Jew quddiem Alla int mimli biża’ inkella għandek fiduċja fil-Mulej.  U aħna, bħall-protagonisti tal-parabbola – ilkoll kemm aħna – irċevejna t-talenti, ilkoll, ferm aktar prezzjużi mill-flus.  Imma l-mod kif aħna se ninvestuhom jiddependi mill-fiduċja li għandna fil-Mulej, li jagħti l-ħelsien lil qalbna, jagħmilna attivi u kreattivi fit-tajjeb.  Tinsewhx dan: il-fiduċja hi ħielsa, dejjem, il-biża’ jipparalizza.  Niftakru: il-biża’ jipparalizza, il-fiduċja teħles.  Dan jgħodd ukoll fl-edukazzjoni tal-ulied.  U nistaqsu: nemmen li Alla hu Missier u jafdali f’idejja doni għax għandu fiduċja fija?  U jien għandi fiduċja fih sal-punt illi nirriskja bla ma naqta’ jiesi wkoll meta r-riżultati ċertament mhux dak mistenni?  Naf fit-talb tiegħi ngħid kuljum: “Mulej, jiena nafda fik, tini l-qawwa li nibqa’ miexi; jiena nafda fik, fil-ħwejjeġ li inti tajtni; urini kif għandi mmexxihom ‘il quddiem”.  Fl-aħħar, bħala Knisja wkoll: fl-ambjenti tagħna nikkultivaw klima ta’ fiduċja, ta’ stima reċiproka li tgħinna nibqgħu mexjin ‘il quddiem flimkien, li lill-persuni trattabhom u f’kulħadd tistimola l-kreattività tal-imħabba?  Naħsbu ftit dwar dan.

U l-Verġni Marija tgħinna negħlbu l-biża’ – qatt m’għandna nibżgħu minn Alla! Qima iva, biża’ le – u nafdaw fil-Mulej.

Wara l-Angelus

Ħuti għeżież!

Ilbieraħ f’Siviglia ġew beatifkati Manuel Gonzales-Serna, saċerdot djoċesan, flimkien ma’ dsatax-il sħabu presbiteri u lajċi, li nqatlu fl-1936 fi klima ta’ persekuzzjoni reliġjuża fil-gwerra ċivili spanjola.  Dawn il-martri kienu xhieda ta’ Kristu sal-aħħar.  L-eżempju tagħhom għandu jkun ta’ faraġ għal tant insara li fi żmienna jisfaw diskriminati minħabba l-fidi.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Inġedded il-qrubija tiegħi mal-għażiża popolazzjoni tal-Myanmar, li sfortunatament għadha tbati minħabba l-vjolenza u s-soprużi.  Nitlob biex ma jaqtgħux qalbhom u jafdaw dejjem fl-għajuna tal-Mulej.

U, ħuti, inkomplu nitolbu għall-martri Ukrajna – qed nara l-bnadar hawn – u għall-popolazzjonijiet tal-Palestina u ta’ Iżrael.  Il-paċi hi possibbli.  Hemm bżonn ir-rieda tajba.  Ma nirrassenjawx ruħna għall-gwerra!  U ma ninsewx li l-gwerra, dejjem, dejjem, dejjem hi telfa.  Jiggwadanjaw biss dawk li jiffabbrikaw l-armi.

Illum qed niċċelebraw is-VII Jum Dinji tal-Foqra li dis-sena għandu t-tema “Iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir” (Tob 4,7).  Irrodd ħajr li kull min fid-djoċesijiet u fil-parroċċi niedew inizjattivi ta’ solidarjetà mal-persuni u l-familji li jsbuha bi tqila biex ikampaw.

U f’dal-jum niftaku wkoll fil-vittmi kollha li tilfu ħajjithom fit-toroq: nitolbu għalihom, għall-familjari. U nimenpjaw ruħna biex naraw li dawn l-inċidenti nilqgħulhom.

Nixtieq insemmi l-Jum Dinji tas-Sajd li se jkun imfakkar pitgħada.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, pellegrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja.  Insellem lill-fidili minn Madrid, minn Ibiza u minn Varsavja, u lill-membri tal-Kunsill tal-Għaqda Dinjija tal-Għalliema Kattoliċi.  Insellem lill-gruppi minn Aprilia, San Ferdinando di Puglia u Sant’Antimo; lill-Assoċjazzjoni FIDAS minn Orta Nova u lill-parteċipanti tal-“Jum Dinji tal-Kondiviżjoni” mill-Moviment Appostolku tal-Għomja.  Tislima speċjali lill-komunità mill-Ekwador ta’ Ruma li qed jiċċelebraw lill-Virgen del Quinche.  U tislima lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan  minn Joe Huber