SOLENNITÁ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDES TA’ KRISTU

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

19 ta’ Ġunju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!

 

Fl-Italja u f’pajjiżi oħra llum qed issir iċ-ċelebrazzjoni tas-solennità tal-Ġisem u d-Demm Qaddis ta’ Kristu.  L-Ewkaristija, imwaqqfa fl-Aħħar Ikla kien il-punt tal-wasla ta’ triq li tulha Ġesù kien ħejja għaliha permezz ta’ xi sinjali, fuq kollox it-tkattir tal-ħobż, li jirrakkuntalna l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (cfr Lq 9, 11b-17).  Ġesù jieħu ħsieb il-folla kbira li ġriet warajh biex tisma’ kelmtu u tinħeles min mard varju.  Ibierek ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jaqsamhom, id-dixxipli jqassmuhom, u “kulħadd kiel u xaba’” (Lq 9, 17), jgħidilna l-Evanġelju.  Fl-Ewkaristija kull wieħed u waħda minna nistgħu nġarrbu esperjenza tal-attenzjoni mimllija mħabba u konkreta tal-Mulej.  Min jirċievi l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu bil-fidi, ma jkunx jiekol biss, imma jixxabba’: Nieklu u nixbgħu: dawn huma żewġ ħtiġijiet fundamentali li tissodisfahom l-Ewkaristija.

Nieklu.  “Ilkoll kielu”, jikteb San Luqa.  Xħin qorob il-lejl id-dixxipli jissuġġerixxu lil Ġesù biex jibgħat il-folla, ħalli jkunu jistgħu jfittxu x’jieklu.  Iżda l-Imgħallem irid jipprovdi għal dan ukoll: lil min kien semgħu ried itih x’jiekol ukoll.  Il-miraklu tal-ħobż u tal-ħut però, ma jsir b’xi mod spettakolari, imma kważi bis-satra, l-istess bħalma ġara f’Kana: il-ħobż beda joktor kif kien għaddej minn id għal oħra.  U waqt li kienu qed jieklu l-folla ndunat li Ġesù jieħu ħsieb kollox.  Dan hu l-Mulej li hemm preżenti fl-Ewkaristija: isejħilna biex inkunu ċittadini tas-Sema, imma fl-istess waqt jagħti kas tal-mixja li rridu naffrontaw hawn f’din l-art.  Jekk fil-barżakka ftit għandi ħobż, Hu jafu u jieħu ħsieb.

Kultant hemm ir-riskju li l-Ewkaristija nagħlquha f’dimensjoni vaga, imbiegħda, forsi mdawla u tfewwaħ bl-inċens, imma bogħod mid-diffikultajiet tal-ħajja ta’ kuljum.  Fir-realtà, il-Mulej għandu għal qalbu l-ħtiġijiet tagħna kollha, ibda minn dawk l-aktar elementari.  U jrid jagħti eżempju lid-dixxipli u jgħid: “Tuhom intom x’jieklu” (v. 13), lil dawk in-nies li kienu semgħuh tul il-ljum.  L-adorazzjoni ewkaristika tagħna tidher ċar meta aħna nieħdu ħsieb il-proxxmu, kif jagħmel Ġesù: madwarna hemm ġuħ għall-ikel, imma wkoll għall-kumpanija, hemm ġuħ għall-faraġ, għall-ħbiberija, għall-ferħ, hemm ġuħ għall-attenzjoni, hemm ġuħ tal-evanġelizzazzjoni.  Dan insibuh fil-Ħobż ewkaristiku: l-attenzjoni li Kristu jagħti lill-ħtiġijiet tagħna, u l-istedina biex nagħmlu l-istess ma’ min jinsab ħdejna.  Hemm bżonn nieklu u nagħtu l-ikel.

Minbarra l-ikel però, qatt ma jonqos li nkunu mxebbgħin.  Il-folla xebgħet, għax l-ikel kien abbundanti, u wkoll minħabba l-ferħ u l-istgħaġib li dan kienet irċevietu mingħand Ġesù!  Żgur li għandna bżonn nieklu, imma wkoll li nixbgħu, jiġifieri li nkunu nafu li l-ikel jingħatalna għall-imħabba.  Fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu nsibu l-preżenza tiegħu, ħajtu mogħtija għal kull wieħed u waħda minna.  Mhux biss itina l-għajnuna biex nibqgħu mexjin, imma jtina lilu nnifsu: isir kumpann tagħna tul il-vjaġġ, jidħol fil-ġrajjiet tagħna, iżur is-solitudni tagħna u jroddilna lura s-sens u l-entużjażmu.  Dan ixebbgħana, meta l-Mulej jagħti sens lil ħajjitna, lid-dlamijiet tagħna, lid-dubji tagħna, iżda Hu jara s-sens u das-sens li jtina l-Mulej ixebbgħana, dan itina “dik ix-xi ħaġa iżjed” li lkoll qed infittxu: jiġifieri l-preżenza tal-Mulej!  Għaliex bis-sħana tal-preżenza tiegħu ħajjitna tinbidel: mingħajru tkun verament monotona.  Aħna u naduraw il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu nitolbuh minn qalbna: “Mulej, tini l-ħobż ta’ kuljum biex nibqa’ miexi, Mulej, xebbagħni bil-preżenza tiegħek!”

Il-Verġni Marija tgħallimna naduraw lil Ġesù ħaj fl-Ewkaristija u biex naqsmuh ma’ ħutna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Siviglia kienu beatifikati xi reliġjużi tal-familja Dumnikana: Angelo Marina Álvarez u dsatax sħabu; Giovanni Aguilar Donis u erba’ sħabu tal-Ordni tal-Predikaturi; Isabella Sánchez Romero, soru anzjana tal-Ordni ta’ San Duminku, u Fruttuoso Pérez Marquez, lajk terzjarju dumnikan.  Ilkoll maqtula b’mibegħda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni reliġjuża li kien hemm fi Spanja fil-qafas tal-gwerra ċivili tas-seklu li għadda.  Ix-xhieda tagħhom ta’ rabta sfiqa ma’ Kristu u l-maħfra lil dawk li qatulhom juruna t-triq tal-qdusija u jtuna l-kuraġġ biex ħajjitna nagħmluha offerta ta’ mħabba lil Alla u lil-ħutna.  Applaws lill-Beati l-ġodda.

Mill-Myanmar għadha tasal il-karba ta’ wġiegħ ta’ bosta persuni li huma neqsin mill-għajnuna umanitarja bażika u li huma mġagħalin jitilqu minn djarhom għax ħarquhomlhom u biex jaħarbu mill-vjolenza.  Ningħaqad mal-appell tal-Isqfijiet ta’ dik l-art maħbuba, ħalli l-komunità internazzjonali ma tinsiex lill-popolazzjoni birmana, sabiex ikunu rispettati d-dinjità umana u d-dritt għall-ħajja, kif ukoll l-imkejjen tal-kult, l-isptarijiet u l-iskejjel.  U nbierek lill-komunità Brimana li tinsab fl-Italja, li llum tinsab hawn.

Nhar l-Erbgħa li ġej, 22 ta’ Ġunju, tibda’ l-Laqgħa Dinjija tal-Familji, li se ssir f’Ruma u fl-istess ħin, b’mod aktar mifrux, madwar id-dinja.  Irrodd ħajr lill-isqfijiet, lill-kappillani  u lill-opraturi tal-pastorali tal-familja li laqqgħu lill-familji għal waqt ta’ riflessjoni, ċelebrazzjoni u festa.  Irrodd ħajr fuq kollox, lill-miżżewġin friski u lill-familji li se jagħtu testimonjanza tal-imħabba familjari bħala vokazzjoni u ħajja ta’ qdusija.  Il-laqgħa t-tajba!

U issa nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji, partikolarment lill-istudenti tal-London Oratory School.  Insellem lill-parteċipanti tal-ewwel kors pastorali ta’ akkoljenza u kura “tal-Ħajja li se titwieled”; lill-fidili minn Gragnano u l-Assoċjazzjoni tar-roti “Pedale Sestese” minn Sesto San Giovanni.  U f’dal-ħin ma ninsewx lill-poplu martirizzat tal-Ukrajna, poplu li qed ibati.  Jien nixtieq li intom tieħdu magħkom dil-mistoqsija: x’qed nagħmel jien illum għall-poplu ukren?  Nitlob?  Nimpenja ruħi?  X’qed nagħmel jien illum għall-poplu ukren?  Kulħadd iwieġeb f’qalbu.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber