IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 19 ta’ Frar, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-kliem li jgħidilna Ġesù fl-Evanġelju ta’ dal-Ħadd hu kliem iebes u jidher paradossali: Hu jistedinna ndwru wiċċna n-naħa l-oħra u saħansitra biex inħobbu lill-għedewwa (cfr Mt 5, 38-38).  Għalina hi ħaġa normali nħobbu lil min iħobbna u nkunu ħbieb ta’ min hu ħabib tagħna; madankollu. Ġesù jipprovokana u jgħidilna: jekk iġġibu ruħkom hekk, “m’intom tagħmlu xejn straordinarju” (v. 47).  “Xi ħlas jistħoqqilkom?”  Dan hu l-punt li dwaru rrid niġbdilkom l-attenzjoni llum, fuq dil-frażi: x’hemm straordinarju f’għemilkom.

“Straordinarju” hu dak li jmur ‘l hinn mil-limiti ordinarji, li jogħla ‘l fuq mid-drawwiet tas-soltu u mill-kalkoli li tiddettalna l-prudenza.  Iżda, ġeneralment, aħna nfittxu li jkollna kollox fl-ordni u taħt kontroll, b’mod li kollox jissodisfa l-istennija tagħna, il-qies tagħna; nibżgħu li ma nirċievu xejn lura jew li noħorġu għonqna żżejjed u mbagħad nibqgħu b’xiber imnieħer, nippreferu nħobbu biss lil  min iħobbna biex nevitaw id-delużjonijiet, nagħmlu l-ġid ma’ min hu twajjeb magħna, inkunu ġenerużi biss ma’ min jista’ jroddilna lura l-favur; u lil min jittrattana ħażin inweġbuh bl-istess ton biex b’hekk inkunu sibna bilanċ.  Imma l-Mulej iwiddibna: dan mhux biżżejjed!  Forsi ngħidu: dan mhux kristjan!  Jekk nibqgħu nimirħu f’dak li hu tas-soltu, nibbilanċjaw bejn dak li nagħtu u dak li nirċievu, l-affarijiet ma jinbidlux.  Kieku Alla jimxi b’dil-loġika nitilfu kull tama ta’ salvazzjoni!  Imma, b’xorti tajba tagħna, l-imħabba t’Alla hi dejjem “straordinarja”, tmur ‘l hinn, tmur ‘l hinn mill-kriterji li soltu aħna l-bnedmin ngħixu fir-relazzjonijiet tagħna.

Allura, kliem Ġesù jisfidana.  Filwaqt li aħna nippruvaw nibqgħu nirraġunaw skont dak li ordinarjament hu utilitarju, Hu jitolbna ninfetħu għal dak li hu straordinarju, għal imħabba gratwita straordinarja; filwaqt li aħna dejjem moħħna biex nivvendikaw ruħna, Kristu jixprunana biex ngħixu l-iżbilanċ tal-imħabba.  Ġesù mhux accountant tal-affari tiegħu: le!  Dejjem imexxi lejn l-iżbilanċ tal-imħabba.  M’għandniex għalfejn niskantaw b’dan.  Kieku Alla ma żbilanċjax ruħu, aħna qatt ma stajna nkunu salvati: kien l-iżbilanċjament tas-salib li salvana!  Ġesù ma kienx jiġi jfittixna meta aħna konna mitlufin u mbegħdin, ma kienx se jibqa’ jħobbna sal-aħħar, ma kienx se jħaddan is-salib għalina, li ma kienx jistħoqqilna dan kollu, u ma stajna rrodulu xejn lura.  Kif jikteb l-Appostlu Pawlu “bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb; għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruz.  Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna midinbin” (Rum 5,7-8).  Hekk hu, Alla jħobbna waqt li aħna midinbin, mhux għax aħna tajbin jew għax nistgħu ntuh xi ħaġa lura.  Ħuti, l-imħabba t’Alla hi mħabba dejjem bla qies, lil hinn mill-kalkoli, dejjem sproporzjonata.  U llum qed jitlobna ngħixu bl-istess mod, għax hekk biss inkunu nagħtu xhieda tiegħu verament.

Ħuti, il-Mulej jirrikmandalna biex noħorġu mil-loġika tal-interessi personali u biex ma nkejlux l-imħabba bil-miżien tal-kalkoli u tal-konvenjenzi.  Jistedinna biex għad-deni ma nweġbux bid-deni, biex nirriskjaw fit-tajjeb, nirriskjaw fl-għotja, anki jekk nirċievu ftit jew xejn lura.  Għax hi din l-imħabba li ftit ftit tittrasforma l-kunflitti, tqassar id-distanzi, tegħleb l-ostilità u tfejjaq il-feriti tal-mibgħeda.  Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna, kull wieħed u waħda minna: jien, f’ħajti nimxi bil-loġika tal-interessi jew b’dik tal-gratwità, kif jagħmel Alla?  L-imħabba straordinarja ta’ Kristu mhix faċli, imma hi possibbli; hi possibbli għax Hu stess jgħinna billi jtina d-don tal-Ispirtu, l-imħabba tiegħu bla limiti.

Nitolbu lill-Madonna, li meta tat ‘l-iva’ tagħha lil Alla bla ma qieset xejn, ippremettietlu jagħmel minna kapulavur tal-grazzja tiegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

L-imħabba ta’ Ġesù titlob minna li nħallu s-sitwazzjonijiet ta’ min għaddej mill-provi imissuna.  Qed naħseb speċjalment fis-Sirja u t-Turkija, fl-għadd kbir ta’ vittmi tat-terremot, imma wkoll fid-drammi tal-ħajja ta’ kuljum tal-għażiż poplu ukren u ta’ tant popli li qed ibatu minħabba l-gwerra jew minħabba l-faqar, min-nuqqas ta’ libertà jew mill-katastrofi ambjentali: tant popli...  F’das-sens, jien qrib il-popolazzjoni ta’ New Zealand, li dawn l-aħħar jiem intlaqtet minn ċiklun qerriedi.  Ħuti, ma ninsewx li min qed ibati u naraw li l-karità tagħna tkun attenta, tkun konkreta!

Insellem lilkom ilkoll lilkom li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem lill-pellegrini minn Oviedo (Spanja) u lill-istudenti minn Vila Pouca de Aguiar fil-Portugall.

Insellem lill-gruppi tal-Azzjoni Kattolika minn Rimini u Saccolongo; lill-fidili minn Lentiai, Torin u Bolzano; lill-adoloxxenti tal-Ġriżma min Valvasone u Almenno San Salvatore; lilll-adoloxxenti u ż-żgħażagħ minn Tricesimo, Leno, Chiuppano u Fino Mornasco: lill-abbatini minn Arcene u lill-istudenti tal-iskola Sant’Ambrogio minn Milan.

 Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber