IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 18 ta’ Diċembru, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, ir-raba’ u l-aħħar Ħadd tal-Avvent, il-liturġija tippreżentalna l-figura ta’ San Ġużepp (cfr Mt 1,18-24).  Hu bniedem  ġust, li wasal biex jiżżewweġ.  Nistgħu nimmaġinaw x’kien qed joħlom dwar il-ġejjieni tiegħu: familja sabiħa, mara ta’ għożża u tant ulied bravi, u xogħol dinjituz: ħolm sempliċi imma tajjeb, ħolm tan-nies sempliċi u twajbin.  F’daqqa waħda, però, dan il-ħolma titfarrak minħabba skoperta soprendenti:  Marija, l-għarusa mwiegħda, qed tistenna tarbija, u dit-tarbija mhix tiegħu!  X’qatt seta’ ħass Ġużeppi?  Konfużjoni, niket, fixla, forsi ħassu irritat u deluz ukoll....  Ġarrab il-piż li jħoss id-dinja li qed taqa’ fuqu!  U x’jista’ jagħmel?

Il-Liġi ttih żewġ possibbiltajiet.  L-ewwel li jiddenunzja lil Marija u jġagħala tħallas il-prezz tal-infedeltà mistħajla.  It-tieni kienet li jħassar l-għerusija bil-moħbi, mingħajr ma jxandar l-iskandlu ta’ Marija li l-konsegwenzi tiegħu kienu iebsin ħafna, u b’hekk jitgħabba hu bil-piz tal-mistħija.  Ġużeppi jagħżel dit-tieni triq, it-triq tal-ħniena.  U hekkhu, li fl-eqqel tal-kriżi, waqt li kien jaħseb u jipprova jifhem dan kollu, Alla jixgħellu f’qalbu dawl ġdid: f’ħolma jħabbarlu li l-maternità ta’ Marija mhix frott ta’ tradiment, imma hi l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, u t-tarbija li se titwieled hija s-Salvatur (cfr vv. 20-21); Marija kellha tkun omm il-Messija u hu (Ġużeppi) kellu jkun il-kustodju ta’ binha.  Meta qam, Ġużeppi fehem li l-akbar ħolma ta’ kull Lhudi- li jkun missier il-Messija – qed isseħħ fih b’mod assolutament mhux mistenni.

Infatti, biex seħħ dan ma kienx biżżejjed li hu kien ġej min-nisel ta’ David u kien josserva l-liġi bir-reqqa, imma kellu jafda għal kollox f’Alla, jilqa’ lil-Marija u lil binha b’mod differenti għal kollox minn kif kien qed jimmaġina, differenti minn kif kien isir minn dejjem.  Fi kliem ieħor Ġużeppi kellu jinsa ċ-ċertezzi ta’ serħan ir-ras, jinsa’ l-pjanijiet perfetti tiegħu, l-aspettattivi leġittimi tiegħu u jinfetaħ għall-misteru tal-ġejjieni.  U quddiem Alla, li jħawwad il-pjanijiet tagħna u jitlob minna l-fiduċja, Ġużeppi jwieġeb iva.  Il-kuraġġ ta’ Ġużeppi huwa erojku u jitwettaq fis-skiet: il-kuraġġ tiegħu hu li jafda, jafda, jilqa’ u huwa lest (disponibbli), ma jitlob ebda garanzija oħra.

Ħuti, x’jgħid lilna Ġużeppi llum?  Aħna wkoll għandna l-ħolm tagħna, forsi fi żmien il-Milied naħsbu aktar dwaru, nitkellmu bejnietna dwaru.  Forsi nitnikktu minħabba ħolm li ġġarraf u naraw li l-aħjar stennija tagħna dejjem trid tħabbat wiċċha ma’ sitwazzjonijiet mhux mistennija, skunċertanti.  U meta jiġrilna dan, Ġużeppi jurina t-triq: ma nistgħux ngħakksu lilna nfusna b’sentimenti negattivi bħalma huma r-rabja u l-għeluq, din it-triq hi żbaljata!  Minflok, hemm bżonn li wieħed jilqa’ s-sorpriżi tal-ħajja, u l-kriżijiet ukoll, b’ċerta attenzjoni: meta nkunu ninsabu fi kriżi hemm bżonn ma nagħmlux għażliet għaġġilija, skont l-istint, iżda ngħaddu kollox mill-għarbiel, kif għamel Ġużeppi, “inqisu kollox” (cfr v. 20) u nserrħu fuq il-kriterju essenzjali: il-ħniena t’Alla.  Meta l-kriżi ngħixuha bla ma nċedu għall-għeluq, għar-rabja, għall-biża’, imma minflok, nħallu l-bieb miftuħ għal Alla, Hu jkun jista’ jidħol fl-azzjoni.  Hu espert biex il-kriżi jittrasformaha f’ħolma: iva, il-kriżijiet Alla jiftħilhom perspettivi ġodda, li aħna ma konniex nimmaġinawhom qabel, forsi mhux skont l-istennija tagħna, imma kif jaf Hu.  U, ħuti, dawn huma l-ixqfa ta’ Alla: soprendenti, imma l-wisa’ tagħhom hu bla tarf u ferm isbaħ minn tagħna!  Il-Verġni Marija tgħinna nibqgħu ngħixu miftuħin għas-sorpriżi t’Alla.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed tħassibni s-sitwazzjoni li nħolqot fil-Kuridur ta’ Lachin, fin-nofsinhar tal-Kawkażu.  Jien imħasseb partikolarment  minħabba l-kundizzjonijiet umani prekarji tal-popolazzjonijiet, li hemm ir-riskju li jkomplu sejrin lura matul-l-istaġun tax-xitwa.  Nitlob lil kulmin għandu x’jaqsam biex jimpenja ruħu ħalli tinstab soluzzjoni paċifika għall-ġid tan-nies.

Nitolbu wkoll għall-paċi fil-Perù, sabiex tieqaf il-vjolenza fil-pajjiż u tinbeda t-triq tad-djalogu ħalli l-kriżi politika u soċjali li qed tifleġ il-popolazzjoni, tintemm.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn California u lil dawk minn Madrid; kif ukoll il-gruppi minn Praia a mare, Catania, Caraglio u mill-parroċċa tal-Qaddisin Protormartri, li tinsab f’Ruma.

Lill-Verġni Marija, li l-liturġija tistedinna nikkuntemplawha f’dar-raba’ Ħadd tal-Avvent, nitolbuha tmiss il-qlub ta’ min jista’ jwaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna.  Ma ninsewx it-tbatija ta’ dak il-poplu, speċjalment tat-tfal, tal-anzjani, tal-persuni morda.  Nitolbu, nitolbu!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja t-tajba f’din l-aħħar ġimgħa tal-Avvent.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber