IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 18 ta' Ottubru, 2020

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta' dan il-Ħadd (cfr Mt 22,15-21) jurina lil Ġesù jħabbat wiċċu mal-ipokrisija tal-għedewwa tiegħu.  Huma jagħmlulu ħafna kuimplimenti - għall-bidu, tant kumplimenti - imma mbagħad jagħmlulu mistoqsija insidjuża biex iġibuh f'diffikultà u jnaqqsulu ġieħu mal-poplu.  Jistaqsuh: "Sewwa jew le li wieħed iħallas it-tribut lil Ċesari?" (v. 17), jiġifieri li jitħallsu t-taxxi lil Ċesari.  Dak iż-żmien fil-Palestina, il-ħakma tal-imperu ruman kienet iddarras - u wieħed jifhimha għax kienu invażuri - anki għal raġunijiet reliġjużi.  Għall-popolazzjoni, il-kult tal-imperatur, imsaħħaħ bix-xbieha tiegħu fuq il-muniti, kienet offiża għal Alla ta' Iżrael.  Dawk li kienu jkellmu lil Ġesù huma konvinti li m'hemmx alternattiva għall-mistoqsija tagħhom: jew "iva", inkella "le".  Kienu qed jistennew li b'dil-mistoqsija żgur li se jagħlqu lil Ġesù f'rokna u jwaqqgħuh f'nasba.  Imma hu jifhem il-ħażen tagħhom u jeħles min-nasba.  Allura jitlobhom juruh il-munita, il-munita tat-taxxi, jeħodha f'idejh u jistaqsi ta' min hija x-xbieha li hemm imnaqqxa.  Huma jwieġbu li hi ta' Ċesari, jiġifieri dik tal-imperatur.   Allura Ġesù jwieġeb: "Agħti lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari u lil Alla dak li hu ta' Alla" (v. 21).

B'din it-tweġiba Ġesù jerfa' ruħu 'l fuq mill-polemika.  Ġesù dejjem hu fuq kollox.  Min-naħa jagħraf li t-taxxa lil Ċesari għandha titħallas - u lilna wkoll, it-taxxi għandhom jitħallsu -  għax ix-xbieha li hemm fuq il-munita hija tiegħu; imma fuq kollox ifakkar li kull persuna ġġorr fiha xbieha oħra - inġorruha fi qlubna, f'ruħna -: dik ta' Alla, u għalhekk huwa lilu u lilu biss li kull wieħed u waħda minna aħna midjunin għall-eżistenza tagħna, ta' ħajjitna.

F'dis-sentenza ta' Ġesù m'hemmx biss il-kriterju tad-distinzjoni bejn l-isfera politika u l-isfera reliġuża, imma joħorġu ċari l-orjentamenti tal-missjoni ta' dawk li jemmnu f'kull żmien, għalina wkoll illum.  Il-ħlas tat-taxxi hu dmir taċ-ċittadini kif ukoll il-ħarsien tal-liġijiet ġusti  tal-istat.  Fl-istess waqt, jeħtieġ ikun affermat il-primat ta' Alla fil-ħajja umana u fl-istorja, bir-rispett lejn id-dritt ta' Alla fuq dak kollu li hu tiegħu.

Minn hawn titnissel il-missjoni tal-Knisja u tal-insara: li jitkellmu dwar Alla u jkunu xhieda tiegħu mal-bnedmin ta' żmienhom.  Kull wieħed u waħda minna, bis-saħħa tal-Magħmudija, aħna msejħin biex inkunu preżenza ħajja fis-soċjetà, nanimawha bl-Evanġelju u b-ilma tal-ħajja vitali tal-Ispirtu s-Santu.  Ifisser li nimpenjaw ruħna bl-umiltà u fl-istess ħin bil-kuraġġ, u nagħtu s-sehem tagħna fil-bini ta' ċiviltà ta' mħabba fejn isaltnu l-ġustizzja u l-fraternità.

Maria Santissma tgħin lil kulħadd biex jibqa' bogħod minn kull ipokrisija u biex inkunu ċittadini onesti u kostruttivi.  U twieżen lilna d-dixxipli ta' Kristu fil-missjoni tax-xhieda li Alla hu ċ-ċentru u s-sens tal-ħajja.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Illum qed niċċelebraw il-Jum Missjunarju Dinji li għandu bħala tema "Hawn jien, ibgħat lili.  Nissieġa tal-fraternità".  Sabiħa dil-kelma "nissieġa": kull nisrani hu msejjaħ biex ikun nissieġ tal-fraternità.  B'mod speċjali dawn huma l-missjunarji rġiel u nisa - saċerdoti, persuni konsagrati u lajċi - li jiżirgħu l-Evanġelju fl-għalqa kbira tad-dinja.  Niltolbu għalihom u ngħinuhom b'mod konkret.  F'dan il-qafas irrid niżżi ħajr lil Alla għall-ħelsien tant mistenni ta' Patri Pier Luigi Maccalli... - insellmulu b'dan l-applaws! - li kien inħataf sentejn ilu fin-Niġer.  Nifirħu wkoll għax miegħu inħelsu tliet ostaġġi oħra.  Inkomplu nitolbu għall-missjunarji u l-katekisti u anki għal dawk li huma persegwitati jew li jinħatfu f'diversi nħawi tad-dinja.

Nixtieq nagħti kelma ta' inkoraġġiment u sostenn lis-sajjieda li għal aktar minn xahar ilhom maqbudin fil-Libja u lill-familjari tagħhom.  Iżommu ħajja t-tama li ma jdumux ma jerġgħu iħaddnu magħhom lill-għeżież tagħhom jekk jafdaw f'Marija Kewkba tal-Baħar.  Nitlob ukoll għad-diversi taħdidiet li qed isiru fuq livell internazzjonali sabiex ikunu ta' fejda għall-ġejjieni tal-Libja.  Ħuti, waslet is-siegħa li titwaqqaf kull għamla ta' ostilità favur id-djalogu li jwassal għall-paċi, għall-istabbiltà u għall-għaqda fil-pajjiż.  Nitolbu flimkien għas-sajjieda u għal-Libja, fis-skiet.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti.  B'mod partikolari insellem u nbierek b'għożża lill-komunità peruvjana ta' Ruma, miġbura hawn bix-xbieha meqjuma tas-Señor de los Milagros (Is-Sinjur tal-Mirakli). Applaws  lill-komunità peruvjana u wkoll lill-volontarji tal-Għaqda Taljana għall-Ħarsien tal-Annimali u l-Legalità.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub mit-Taljan għalll-Malti minn Joe Huber