IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 18 ta’ Settembru, 2022

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-parabbola li jippreżentalna l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (cfr Lq 16, 1.13) tidher li hi ftit diffiċli biex tinftiehem.  Ġesù jirrakkonta storja ta’ korruzzjoni: amministratur diżonest, li jisraq, imbagħad meta sidu jsir jaf, jaħdem b’moħħu biex joħroġ mis-sitwazzjoni.  Nistaqsu lilna nfusna: fiex jikkonsisti dal-ħażen tal-moħħ – min qed jużaħ hu korrott -, u xi jrid jgħidilna Ġesù?

Mir-rakkont naraw li dan l-amministratur korrott jispiċċa fl-inkwiet għax abbuża mill-ġid ta’ sidu; issa jkollu jagħti kont u se jispiċċa jitlef ix-xogħol.  Imma hu ma jħossux tellief, ma jirrassenjax ruħu għad-destin u ma jilgħabhiex tal-vittma; bil-maqlub, mill-ewwel jaħseb bil-ħażen, ifittex soluzzjoni, għandu l-inizjattiva.  Minnufih Ġesù jieħu spunt minn din l-istorja biex itina l-ewwel provokazzjoni: “ulied id-dinja - qal - jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom” (v. 8).  Jiġifieri jiġri illi min jimxi fid-dlam, skont il-kriterji tad-dinja, jaf idabbar rasu meta jinqala’ l-għawġ, jaf iħaddem rasu aktar mill-oħrajn; iżda d-dixxipli ta’ Ġesù, jiġifieri aħna, kultant inkunu reqdin, inkella inġenwi, ma nafux nieħdu l-inizjattiva biex infittxu mnejn se noħorġu meta nkunu f’diffikultà (cfr Il-Ferħ tal-Vanġelu, 24).  Per eżempju, qed naħseb fil-waqtiet ta’ kriżijiet personali, soċjali, imma ekkleżjali wkoll: xi drabi nħallu l-qtigħ il-qalb jirkibna, jew inkella ninfexxew ingemgmu jew naqgħu fil-vittimiżmu.  Iżda – jgħid Ġesù – jista’ jkollna moħħ li jilħqilna skont l-Evanġelju,  nishru u nkunu attenti biex niddixxernu r-realtà, inkunu kreattivi biex infittxu soluzzjonijiet tajbin, għalina u għall-oħrajn.

Iżda hemm tagħlima oħra li joffrielna Ġesù.  Infatti, fiex jikkonsisti l-ħażen ta’ moħħ l-amministratur?  Hu jaqtagħha li jnaqqas id-dejn ta’ min hu midjun ma’ sidu u hekk isir ħabib magħhom bit-tama li jkunu jistgħu jgħinuh meta s-sid ikeċċih.  L-ewwel kien jaħżen il-ġid għalih, issa qed jużah biex jitħabbeb ma’ min jista’ jgħinu aktar tard.  Fl-istess triq jisraq.  Allura Ġesù joffrielna tagħlima dwar l-użu tal-ġid: “Agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex tagħhom (v. 9).  Jiġifieri li biex nirtu l-ħajja ta’ dejjem, m’hemmx għalfejn naħżnu l-ġid ta’ did-dinja, imma dak li jgħodd hu l-karità li nkunu għexna fir-relazzjonijiet ma’ ħutna.  Allura din hi l-istedina ta’ Ġesù: tużawx il-ġid ta’ did-dinja għalikom infuskom biss u għall-egoiżmu tagħkom, imma nqdew bih biex tiġġeneraw il-ħbiberija, biex toħolqu relazzjonijiet tajbin, biex timxu bil-karità, biex tmexxu ‘l quddiem il-fraternità u tieħdu ħsieb l-aktar dgħajfa.

Ħuti, fid-dinja tal-lum ukoll hemm stejjer ta’ korruzzjoni bħal dik tal-Evanġelju; imġieba diżonesta, politika inġusta, egoiżmi li jiddominaw l-għażliet tal-individwi tal-istituzzjonijiet, u tant aktar sitwazzjonijiet oskuri.  Imma aħna l-insara m’għandniex permess naqtgħu qalbna, jew, agħar, inħallu kollox jgħaddi, nibqgħu indifferenti.  Bil-maqlub, aħna msejħin biex inkunu kreattivi aħna w nagħmlu l-ġid, bil-prudenza u l-astuzja tal-Evanġelju, billi nużaw il-ġid tad-dinja – mhux biss dak materjali, imma d-doni kollha li rċevejna mingħand il-Mulej – mhux biex nistgħanu aħna, imma biex niġġeneraw imħabba fraterna u ħbiberija soċjali.  Dan huwa importanti ħafna: bl-atteġġjament tagħna niġġeneraw il-ħbiberija soċjali.

Nitolbu lil Marija Santissma, tgħinna nkunu bħalha, foqra fl-ispirtu u għonja fil-karità ma’ xulxin.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

 

Niżżi ħajr lil Alla għall-vjaġġ li għamilt fil-jiem li għaddew, fil-Kazakhstan, fl-okkażjoni tas-seba’ Kungress tal-Mexxejja tar-Reliġjonijiet dinjin u tradizzjonali.  Hu ħsieb tiegħi li nitkellem dwaru waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li ġej.

Jien imnikket ħafna minħabba l-ġlied reċenti bejn l-Azerbajġan u l-Armenia.  Nesprimi l-qrubija spiritwali tiegħi lejn il-familji tal-vittmi, u nħeġġeġ lill-partijiet biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, bl-għan li jintlaħaq ftehim ta’ paċi.  Ma ninsewx: il-paċi hi possibbli meta jisktu l-armi u jibda d-djalogu!  U nkomplu nitolbu għall-martri Ukrajna u għall-paċi f’kull art imdemmija minħabba l-gwerra.

Nixtieq niżgura li qed nitlob għall-popolazzjonijiet tar-reġjun tal-Marche (fl-Italja) li ntlaqtu minn għarar vjolenti.  Nitlob għall-mejtin u għall-familjari tagħhom, għall-feruti u għal min ġarrab ħsarat kbar.  Il-Mulej jagħti l-qawwa lil dawk il-komunitajiet!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lir-Reliġjużi nisa ta’ Marija Immakulata ġejjin minn diversi komunitajiet madwar l-Afrika, l-Amerika Latina, l-Asja u l-Ewropa; kif ukoll lill-fidili minn Siviglia u l-Grupp Sekulari s-Sinjura Tagħna taċ-Ċenaklu.

Insellem lill-grupp minn Caturano, mid-djoċesi ta’ Capua; lill-adoloxxenti minn Soliera (Modena); lill-membri tal-komunità “Ulied is-Sema”; lill-Pro Loco mir-reġjun ta’ Lazio u lill-grupp tat-tobba veterinarji mill-provinċja ta’ Verona, flimkien mal-familjari tagħhom.  Insellem ukoll liż-żgħażagħ tal-“Economy di Francesco” li llum jinsabu hawn fil-pjazza: ibqgħu dejjem mexjin ‘il quddiem!  Niltaqgħu dalwaqt f’Assisi.

Ħsieb speċjali jmur lejn il-foqra u l-volontarji “tad-Dar ta’ Żakkew”, minn Mesagne: il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci! 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber