IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 18 ta' Lulju, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-atteġġjament ta' Ġesù li nosservaw fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 6,30-34), jgħinna nisiltu żewġ aspetti importanti għall-ħajja.  L-ewwel hu l-mistrieħ.  Lill-Appostli li jerġgħu lura mill-għejja tal-missjoni mimlijin entużjażmu u li jibdew jirrakkuntaw dak li wettqu, Ġesù jagħmlilhom stedina bit-tenerezza: "Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit" (v. 31).  Jistedinhom biex jistrieħu.

B'hekk, Ġesù jagħtina tagħlima prezzjuża.  Minkejja li jħossu hieni jara lid-dixxipli ferħanin minħabba l-għeġubijiet tal-predikazzjoni, ma qagħadx jintilef fil-kumplimenti u l-mistoqsijiet, imma jippreokkupa ruħu minħabba l-għejja fiżika u interjuri.  U għaliex jagħmel dan?  Għax irid iwissihom dwar periklu li dejjem iħuf għalina wkoll: il-periklu li ninħakmu mill-ferneżija li rridu nagħmlu ħafna, naqgħu fin-nasba tal-attiviżmu fejn l-aktar ħaġa importanti huma r-riżultati li niksbu jew li nħossuna protagonisti assoluti.  Kemm drabi dan jiġri fil-Knisja: dejjem okkupati, niġru, naħsbu li kollox jiddependi minna u fl-aħħar, nirriskjaw li nittraskuraw lil Ġesù u aħna nispiċċaw biex fiċ-ċentru nqiegħdu dejjem lilna nfusna.  Għalhekk Hu jistieden lil tiegħu biex jistrieħu  flimkien miegħu f'xi mkien imwarrab.  Għax mhux biżżejjed "titfi l-plagg" jeħtieġ tistrieħ bis-serjetà.  U kif isir dan?  Biex isir dan hemm bżonn immorru lura lejn il-qalbha tal-affarijiet: nieqfu, noqgħodu fis-skiet, nitolbu, biex mis-sakra tax-xogħol ma ngħaddux għas-sakra tal-vaganzi.  Ġesù qatt ma tmeżmeż mill-ħtiġijiet tal-folla, imma l-ewwel ħaġa li kien jagħmel kuljum kienet li jmur jitlob fis-skiet, jidħol f'intimità mal-Missier.  L-istedina tenera tiegħu - strieħu ftit - għandna nagħmluha tagħna: ejjew nitħarsu ħuti, mill-effiċjentiżmuu, ejjew inwaqqfu t-tellieqa bla rażan li tfassal l-aġendi tagħna.  Ejjew nitgħallmu nieqfu, nitfu l-mowbajl, nikkuntemplaw in-natura, nirriġeneraw ruħna bid-djalog ma'Alla.

Madankollu l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù u d-dixxipli ma jistgħux jistrieħu kif jixtiequ.  In-nies isibuhom u jiġu minn kull naħa.  Dak il-ħin Ġesù ġietu ħniena.  Dan hu t-tieni aspett: il-ħniena, li hi l-istill ta' Alla.  L-istil ta' Alla hu l-qrubija, il-ħniena u t-tenerezza.  Kemm drabi fl-Evanġelju nsibu din is-sentenza: "Ġietu ħniena".  Ġesù jitqanqal, jiddedika ruħu għan-nies u jerġa' jibda jgħallem (cfr vv. 33-34).  Tidher qiesha kuntradizzjoni, iżda mhix hekk fil-verità.  Infatti hija biss il-qalb mhux maħkma mill-għaġla li ssib il-ħila li titqanqal, jiġifieri li ma tibqax iddur madwarha biss u ma' dak li għandha x'tagħmel biex tinduna bl-oħrajn, bil-ġrieħi tagħhom, bi ħtiġijiethom.  Il-ħniena tiġi mill-kuntemplazzjoni.  Jekk nitgħallmu nistrieħu kif imiss insibu l-ħila li nħennu verament; jekk aħna nikkultivaw fina ħarsa kuntemplattiva, inkomplu ħidmietna mingħajr dak l-atteġġjament ħattaf li jrid jikseb u jżomm kollox għalih; jekk aħna nibqgħu f'kuntatt mal-Mulej u l-aktar parti intima tagħna ma nilluppjawhiex, dak li għandna x'nagħmlu qatt mhu se jkollu s-setgħa li jaqtgħalna nifisna u jiblagħna.  Aħna neħtieġu - isimgħu din -, aħna neħtieġu "ekoloġija tal-qalb", magħmula mill-mistrieħ, mill-kuntemplazzjoni,  mill-ħniena.  Napprofittaw ruħna miż-żmien tas-sajf biex nagħmlu dan!

U issa nitolbu lill-Madonna li kkultivat is-silenzju, it-talb u l-kuntemplazzjoni, u li dejjem tħoss ħniena ternera għalina wliedha.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet tal-Ġermanja, tal-Belġju u tal-Olanda li ntlaqtu minn għarar katastrofiku.  Il-Mulej jilqa' lill-mejtin u jfarraġ lill-familjari.  Iwieżen l-impenn ta' kulħadd fl-għajnuna li qed jagħti li min ġarrab ħsarat kbar.

Tul  din l-aħħar ġimgħa, sfortunatament, waslu aħbarijiet ta' episodji ta' vjolenza li ħarrxu s-sitwazzjoni ta' tant ħutna fl-Afrika tIsfel, li diġà qed ibatu minħabba diffikultajiet ekonomiċi u sanitarji minħabba l-pandemija.  Flimkien mal-Isqfijiet tal-pajjiż nagħmel appell minn qiegħ qalbi lil kulmin hu responsabbli biex jaħdem għall-paċi u jikkollabora mal-awtoritajiet biex tingħata għajnuna lil min hu fil-bżonn.  Jalla x-xewqa li mexxiet lill-poplu tal-Afrika t'Isfel biex jerġa' jwelled l-armonija bejn uliedha kollha, ma tintesiex.

Jien ninsab qrib ukoll l-għażiż poplu kuban f'dawn il-waqtiet diffiċli, partikolarment il-familji li huma li l-aktar qed ibatu.  Nitlob lill-Mulej biex jgħinhom jibnu l-paċi, id-djalogu u s-solidarjetà f'soċjetà ġusta u fraterna.  Inħeġġeġ lill-kubani kollha biex jintelqu fil-protezzjoni materna tal-Verġni Marija tal-Karità ta' Cobre. Hi takkumpanjahom f'dil-mixja.

Insellem lill-għadd kbir ta' żgħażagħ preżenti, partikolarment lill-gruppi mill-Oratorju Sant'Antnin minn Nova Siri, mill-parroċċa Marija Reġina tal-Qaddisin kollha minn Brescia u tal-Oratorju Don Bosco minn San Severo.  Għeżież żgħażagħ, il-mixja t-tajba fit-triq tal-Evanġelju!  Insellem lin-novizzi ta' Ulied Marija Awżiljatriċi, lill-fidli tal-Unità pastorali ta' Camisano u Campodoro mid-Djoċesi ta' Vicenza.  Nixtieq insellem minn qalbi  lill-adoloxxenti tas-CVS mill-Puglia li jinsabu magħqudin magħna permezz tat-televiżjoni.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom,tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber