IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 18 ta’ Ġunju, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn kull min, fil-ġranet li fihom kont rikoverat fil-Policlinico Gemelli, urieni għożża, interess u ħbiberija, u żgurani li kien qed jgħinni bit-talb.  Din il-qrubija umana u spiritwali, kienet għalija għajnuna kbira u faraġ.  Grazzi lil kulħadd, grazzi lilkom, grazzi minn qalbi!

Illum, fl-Evanġelju, Ġesù jsejjaħ bl-isem – isejjaħ bl-isem – u jibgħat lit-tnax l-Appostlu.  Meta jibgħathom jistedinhom iħabbru ħaġa waħda: “Intom u sejrin ħabbru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet (Mt 10,7).  Hi l-istess aħbar li biha Ġesù beda l-predikazzjoni tiegħu: is-Saltna t’Alla, jiġifieri s-sinjorija ta’ mħabbtu, qorbot lejna, ġiet fostna.  U din mhix aħbar bħall-oħrajn, iżda r-realtà fundamentali tal-ħajja: il-qrubija ta’ Alla, il-qrubija ta’ Ġesù.

Infatti, jekk Alla tas-smewwiet hu qrib, aħna m’aħniex waħdena fid-dinja u anki waqt id-diffikultajiet ma nitilfux il-fiduċja.  Din hi l-ewwel ħaġa li għandha tingħad lin-nies: Alla mhux imbiegħed, iżda hu Missier.  Alla mhux ‘il bogħod: hu Missier, jafek u jħobbok; irid iżommok minn idejk, anki meta tkun tilgħeġ fi tlajja weqfin ħafna u mimlijin ostakli, anki meta taqa’ u ssibha diffiċli biex tqum u terġa’ tibda miexi; Hu, il-Mulej, qiegħed hemm, miegħek.  Anzi, ta’ spiss, fil-mumenti li fihom int tkun l-aktar dgħajjef tista’ tħoss il-preżenza tiegħu ferm aktar qrib.  Hu jaf it-triq, Hu jinsab miegħek, Hu Missierek!  Hu Missieri!  Hu Missierna lkoll!

Nieqfu fuq din l-istampa, għax it-tħabbira li Alla hu qrib tfisser stedina biex nidħlu fil-mentalità ta’ tifel, li jimxi mqabbad ma’ id missieru: kollox ikun jidher differenti.  Id-dinja, kbira u misterjuża, issir familjari u żgura, għax it-tifel jaf li hu mħares.  Ma jibqax jibża’ u jitgħallem jinfetaħ, jiltaqa’ ma persuni oħra, isib ħbieb ġodda, jitgħallem bil-ferħ affarijiet li ma kienx jafhom, imbagħad imur lura d-dar u jirrakkonta dak kollu li jkun ra, filwaqt li fih tikber ix-xewqa li jsir adult u jibda’ jagħmel dak li kien jara jagħmel missieru.  Di hi r-raġuni għala Ġesù jibda’ minn hawn, din hi r-raġuni għala l-qrubija ta’ Alla hi l-ewwel aħbar: meta nkunu qrib Alla negħlbu l-biża’, ninfetħu għall-imħabba, nissaħħu fit-tajjeb u nħossu l-bżonn u l-ferħ li nħabbru.

Jekk irridu nkunu appostli tajbin, irridu nkunu bħat-tfal: noqgħodu “bilqiegħda f’ħoġor Alla” u minn hemm inħarsu lejn id-dinja bil-fiduċja u bl-imħabba biex nagħtu xhieda li Alla hu Missier, li Hu biss jibdlilna qlubna mill-qiegħ u jtina dak il-ferħ u dik il-paċi li aħna ma nistgħux niksbu bil-ħila tagħna waħedna.

Inħabbru li Alla hu qrib.  Imma kif nagħmluh dan?  Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jirrikmanda biex noqgħodux inlabalbu żejjed, imma nagħmlu ġesti ta’ mħabba u tama f’isem il-Mulej; ma rreddnux wisq, imma nagħmlu l-ġesti: “Fejqu lill-morda – jgħid – qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten.  B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10,8).  Dan u l-qofol tal-aħbar: it-testimonjanza gratwita, is-servizz.  Ngħidilkom  ħaġa: inħossni mistgħaġeb b’dawk li jgħidu ħafna (parolai), għax ilabalbu ħafna bla ma jagħmlu xejn.

Issa ejjew nagħmlu ftit mistoqsijiet: aħna, li nemmnu f’Alla qrib, nafdaw fih?  Nafu nħarsu ‘l quddiem bil-fiduċja, bħat-tifel li jaf li missieru qed iġorru fuq dirgħajh?  Nafu noqgħodu f’ħoġor il-Missier bit-talb, bis-smigħ tal-Kelma, billi nersqu lejn is-Sagramenti?  U fl-aħħar, magħqudin miegħu, nafu nagħmlu l-kuraġġ lill-oħrajn, inkunu qrib min qed ibati, min hu mbiegħed u wkoll min hu ostili?  Din hi l-konkretezza tal-fidi, dan hu dak li jiswa.

U issa nitolbu lil Marija biex tgħinna nħossuna maħbubin u biex issaħħilna l-qrubija u l-fiduċja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Nhar it-Tlieta li ġej, jaħbat il-Jum Dinji tar-Rifuġjat, imniedi mill-Ġnus Magħquda: biswied il-qalb kbir u tant niket niftakar fil-vittmi tan-nawfraġju gravi ħafna li seħħ dawn l-aħħar ġranet ‘il barra mill-kosta tal-Greċja.......  U donnu li l-baħar kien kalm!  Inġedded it-talb tiegħi għal dawk li tilfu ħajithom u nitlob bil-ħerqa li dejjem isir kulma hu possibbli biex traġedji bħal dawn ma jibqgħux isiru.

U nitlob ukoll għal dawk l-imsejkna studenti żgħażagħ, vittmi tal-attakk brutali li sar fuq skola fil-punent tal-Uganda.  Dan it-taqbid, dawn il-gwerer kullimkien.... nitolbu għall-paċi!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn bosta pajjiżi oħra, partikolarment lill-fidili minn Florida u minn Monaco di Baviera.  Insellem lill-iskejjel “San Ġwanni Pawlu II” minn Opole (Polonja) u “San Filippu Neri” minn Londra.

Insellem ukoll lill-gruppi minn Zogno, Guardiagrele u Poggiomarino, kif ukoll lill-Iskola “Rosario Scardigno” minn Molfetta.  U nsellem ukoll lis-sorijiet ta’ Marija Bambina li qed isegwu l-Angelus.

Nipperseveraw fit-talb għall-popolazzjoni tal-martri Ukrajna – ma ninsewhiex! – għax qed tbati ħafna.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi, l-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber