IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 18 ta’ Frar, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, l-ewwel Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jippreżentalna lil Ġesù waqt it-tentazzjonijiet fid-deżert (cfr Mk 1,12-15.  It-test jgħidilna: “U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan”.  Fir-Randan aħna wkoll mistednin “nidħlu fid-deżert”, jiġifieri fis-silenzju, fid-dinja interjuri tagħna, biex nisimgħu lil qalbna, f’kuntatt mal-verità.  L-Evanġelju jżid li Kristu “Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi u kienu jaqduh l-anġli” (v. 13).  Bhejjem selvaġġi u anġli kienu l-kumpanija tiegħu.  Iżda f’sens simboliku huma wkoll kumpanija għalina: meta nidħlu fid-deżert interjuri, infatti, hemmhekk nistgħu niltaqgħu ma’ bhejjem selvaġġi u mal-anġli.

Bhejjem selvaġġi.  F’liema sens?  Fis-sens li fil-ħajja spiritwali nistgħu nimmaġinaw li huma l-passjonijiet diżordinati li jċarrtu l-qalb, jippruvaw jaħkmuha.  Jaffaxxinawna, donnhom isaħħruna iżda jekk ma noqgħodux attenti hemm ir-riskju li jiddivorawna.  Dawn il-bhejjem selvaġġi tar-ruħ nistgħu ntuhom isem: il-vizzjijiet varji, il-kilba għall-għana li jjassar kemm fil-kalkolu u wkoll fl-insodisfazzjon, il-vanità tal-edoniżmu li jikkundanna lil dak li jkun għall-ansjetà u s-solitudni, u wkoll ir-rebgħa għall-fama, li ġġib magħha insikurezza u l-ħtieġa bla tmiem ta’ approvazzjoni u protagoniżmu – ma ninswehomx dawn l-affarijiet li nistgħu niltaqgħu magħhom ġewwa fina: regħba, vanità u kilba.  Huma l-bhejjem “selvaġġi” li hemm bżonn irrażżnuhom u niġġieldulhom: inkella jisirqulna l-libertà kollha.  Ir-Randan jgħinna nidħlu fid-deżert ta’ ruħna biex dawn l-affarijiet nikkoreġuhom.

Imbagħad hemm id-deżert tal-anġli.  Huma l-messaġġiera ta’ Alla li jgħinuna, u jagħmlulna l-ġid, infatti l-karatteristika tagħhom skont l-Evanġelju hi l-qadi (cfr v. 13): eżattament il-kuntrarju tal-pussess, tipiku tal-passjonijiet.  Servizz kontra l-pussess.  L-ispirti anġeliċi  ifakkruna fis-sentimenti t-tajbin li jissuġġerielna l-Ispirtu s-Santu.  Filwaqt li t-tentazzjonijiet iqattgħuna, l-aspirazzjonijiet divini jgħaqqduna u jdaħħluna f’armonija: jikkalmaw il-qalb, jiżirgħu fina t-togħma ta’ Kristu, “idewquna s-Sema”.  U biex nilqgħu l-ispirazzjoni ta’ Alla, hemm bżonn nidħlu fis-silenzju u t-talb.  Ir-Randan hu żmien biex nagħmlu dan.

Nistgħu nistaqsu: l-ewwel, liema huma l-passjonijiet diżordinati, “bhejjem selvaġġi” li jitturmentawli qalbi? It-tieni: biex inħalli l-leħen Alla jkellem lil qalbi u nindukraha sewwa, qed naħseb biex nidħol ftit “fid-deżert”, infittex li niddedika xi ftit ħin għal dan matul il-ġurnata?

Il-Verġni Mqaddsa, li ħarset il-Kelma u li t-tentazzjonijet tal-malinn mank missewha, tgħinna fil-mixja tul dan ir-Randan.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Diġà għaddew għaxar xhur minn mindu faqqa’ l-kunflitt bl-armi fis-Sudan, kunflitt li ġab sitwazzjoni umanitarja terribbli.  Nitlob mill-ġdid lin-naħat li qed jitqabu biex iwaqqfu dil-gwerra li tant qed tagħmel ħsara lill-popolazzjoni u lill-ġejjieni tal-pajjiż.  Nitolbu biex maljar kemm jista’ jkun jinstabu toroq ta’ paċi li jibnu l-ġejjieni tal-għażiż Sudan.

Il-vjolenza fuq popolazzjonijiet bla difiża, il-qerda tal-infrastrutturi u l-insikurezza qed jinfirxu mill-ġdid fil-provinċja ta’ Cabo Delgado, fil-Mozambique, fejn dawn l-aħħar jiem ingħatat in-nar ukoll il-missjoni kattolika tas-Sinjura Tagħna tal-Afrika f’Mazeze.  Nitolbu biex dak ir-reġjun mikdud jerġa’ jikseb il-paċi.  U ma ninsewx il-bosta kunflitti oħra li qed idemmu l-kontinent afrikan u bosta nħawi oħra tad-dinja: fl-Ewropa wkoll, fil-Palestina, fl-Ukrajna….

Ma ninsewx li l-gwerra hi dejjem telfa, dejjem.  Kull fejn hemm it-taqbid il-popolazzjonijiet huma sfiniti, għejjenin minħabba l-gwerra, li bħal dejjem hi inutli u ma twassal għal ebda konklużjoni, iġġib magħna biss mewt, qerda u qatt ma jirnexxilha ssolvi l-problemi.  Nitolbu għalhekk, bla qatt ngħejjew, għax it-talb huwa effikaċi, u nitolbu lill-Mulej id-don ta’ mħuħ u qlub li jiddedikaw ruħhom konkretament għall-paċi.

Insellem lill-fidili minn Ruma u minn diversi nħawi tal-Italja u tad-dinja, partikolarment lill-pellegrini mill-Istati Uniti tal-Amerika, lill-komuntajiet neo-katekumenali minn diversi parroċċi mir-Repubblika Ċeka, mill-iSlovakkja u minn Spanja, lill-istudenti tal-Istitut “Carolina Coronado” minn Almendralejo u lill-Assoċjazzjoni tal-volontarjat “Fuq il-passi tal-Qaddejja-lejn id-dinja”.  U nsellem lill-bdiewa u r-raħħala li hawn fil-pjazza!

Illum waranofsinhar, flimkien mal-kollaboraturi tal-Kurja, se nibdew l-eżerċizzi spiritwali.  Nistieden lill-komunità tal-fidili biex jiddedikaw daż-żmien tar-Randan u s-sena ta’ tħejjija għall-Ġublew, li hi “s-Sena tat-Talb”, waqtiet apposta biex jinġabru fil-preżenza tal-Mulej.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber