IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 17 ta’ Diċembru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, it-tielet Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelju jkellimna dwar il-missjoni ta’ Ġwanni l-Battista (cfr (Ġw 1,-8.19-28), u jippreżentahulna bħala l-profeta mibgħut minn Alla “biex jixhed għad-dawl” (v. 8).  Nirriflettu dwar dan: jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda.  Ċertament il-Battista hu bniedem straordinarju.  In-nies imorru bi ħġarhom jisimgħuh miġbudin mill-atteġġjament tiegħu koerenti u sinċier (cfr vv. 6.7).  Ix-xhieda tiegħu ġejja mis-sinċerità tal-lingwaġġ, l-onestà fl-imġieba, l-awsterità tal-ħajja.  Dan kollu, lil dal-persunaġġ jagħmlu differenti minn persunaġġi famużi u setgħana taż-żmien, li, minflok, kienu jorbtu ħafna fuq l-apparenza.  Persuni bħalu, retti, ħielsa u kuraġġużi, huma persuni mdawlin, affaxxinanati: jixprunawna biex nintrefgħu mill-medjokrità u sabiex min-naħa tagħna nkunu mudelli ta’ ħajja tajba għall-oħrajn.  Il-Mulej, f’kull żmien jibgħat irġiel u nisa minn dawn.  Nafu nagħrfuhom?  Nippruvaw nitgħallmu mix-xhieda tagħhom u nagħmlu ftit eżami tal-kuxjenza?  Jew inħallu lill-persunaġġi ‘tal-moda’  jsaħħruna?  U nispiċċaw b’atteġġjament superfiċjali.

Iżda Ġwanni hu mdawwal għax jixhed għad dawl.  Imma liema hu d-dawl tiegħu?  Iweġibna hu stess meta lill-folol li jmorru bi ħġarhom jisimgħuh, jgħidilhom ċar u tond li hu mhux id-dawl, lil hu mhux il-Messija (cfr vv. 19-20).  Id-dawl hu Ġesù, il-Ħaruf t’Alla, ‘Alla li jsalva”.  Hu biss jifdi, jeħles, ifejjaq u jdawwal.  Għalhekk, Ġwanni hu biss “leħen” li jmexxi lill-aħwa lejn il-Kelma; jaqdi, bla ma jfittex unuri jew li jkun protagonista: hu bozza, filwaqt li d-dawl huwa Kristu ħaj (cfr vv. 26-27’ Ġw 5,35).

Ħuti, l-eżempju ta’ Ġwanni l-Battista jgħallimna tal-anqas żewġ affarijiet.  L-ewwel li ma nistgħux insalvaw bil-ħila tagħna waħedna: f’Alla biss insibu d-dawl tal-ħajja.  U t-tieni, li kull wieħed u waħda minna, bil-qadi, bil-koerenza, bl-umiltà, bix-xhieda tal-ħajja – u dejjem bil-grazzja t’Alla – nistgħu nkunu bozza li tixgħel u tgħin lill-oħrajn isibu t-triq biex jiltaqgħu ma’ Ġesù.

Allura nistaqsu: kif nista’ jien, fl-ambjenti fejn ngħix, mhux f’xi jum ‘il bogħod, imma minn issa, f’dal-Milied, inkun xhud tad-dawl, xhud ta’ Kristu?

Marija, mera tal-qdusija, tgħinna nkunu rġiel u nisa li nirriflettu lil Ġesù, id-dawl li ġej fid-dinja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ, fis-Santwarju ta’ Nostra Signora di Luján, fl-Arġentina, kien beatifikat il-Kardinal Eduardo Pironio, ragħaj umli u ħabrieki, xhud tat-tama, difensur tal-foqra.  Kien ikkollabora ma’ San Ġwanni Pawlu II fil-promozzjoni tal-lajċi u fil-Jiem Dinji taż-Żgħażagħ.  Jalla l-eżempju tiegħu jgħinna nkunu Knisja li toħroġ, li takkumpanja lil kulħadad mat-triq, speċjalment lilll-aktar dgħajfa.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Nixtieq infakkar l-eluf ta’ migrnati li qed jippruvaw jaqsmu l-foresta ta’ Darién bejn il-Kolombja u l-Panama.  Spiss huma familji bit-tfal li jaffrontaw l-avventura ta’ mogħdijiet perikulużi, għax ingannati b’mod falz minn min iwegħedhom triq imqassra u żgura, imbagħad jisfaw ittrattati ħażin u misruqin.  Mhux ftit jitilfu  ħajjithom f’dik il-ġungla.  Hemm bżonn ta’ sforz flimkien bejn il-pajjiżi milqutin direttament u tal-Komunità internazzjonali, biex nevitaw li dir-realtà traġika tgħaddi minn taħt ir-riħ u biex flimkien jagħtu tweġiba umanitarja.

U ma ninsewx lil ħutna li qed isofru minħabba l-gwerra, fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael u fl-inħawi l-oħra fejn hemm il-kunflitti.  Jalla l-Milied li qed joqrob isaħħaħ l-impenn biex tinfetaħ it-triq tal-paċi.  Għadhom qed jasluli aħbarijiet koroħ ħafna u ta’ niket kbir minn Gaża.  Qed isiru bumbardamenti u qed isir sparar fuq nies li ma jistgħu jagħmlu xejn, ma jistgħux jiddefendu ruħhom.  U dan seħħ ukoll saħansitra fil-kumpless parrokkjali tal-Familj Mqaddsa, fejn mhemmx terroristi imma familji, tfal, persuni morda u diżabbli, sorijiet.  Omm u bintha, is-sinjura Nahida Khalil Anton u l-familja Samar Kamal Anton inqatlu, filwaqt li suldati speċjalizzati fil-mira ferew xi persuni li kienu sejrin lejn it-toilet.  Saret ħsara lid-dar tas-Sorijiet ta’ Madre Tereża u laqtulhom il-ġeneratur.  Xi ħadd jgħid: “Dan terroriżmu, din hi l-gwerra”.  Iva, hi l-gwerra, huwa t-terroriżmu.  Għalhekk l-Iskrittura tafferma li Alla jsikket il-gwerer...l-ark jaqsam u l-lanza jkisser” (Salm 46,9).  Nitolbu lill-Mulej għall-paċi.

Insellem lilkom ilkoll, gruppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet li ġejtu Ruma mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem partikolarment lill-pellegrini mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Polonja; lill-fidili minn Mormanno, Acilia u Viterbo.

U issa nsellem lilkom, għeżież tfal u żgħażagħ mill-oratorji u mill-iskejjel ta’ Ruma, li ġibtu magħkom l-istatwi ta’ Ġesù Bambin biex tberkuhom.  Inberikom (jagħmel is-sinjal tas-salib).  U jien u nbierek il-“Bambini” tagħkom nistedinkom titolbu quddiem il-presepju għat-tfal li se jgħaddu Milied diffiċli, fil-postijiet fejn hemm il-gwerra, fil-kampijiet tat-turufnati, f’sitwazzjonijiet ta’ miżerja kbira.  Grazzi ta’ dan u l-Milied it-tajjeb lilkom u lill-familji tagħkom!  Applaws lit-tfal!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber