IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 17 ta’ Settembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jkellimna dwar il-maħfra (cfr Mt 18,21-35).  Pietru jistaqsi lil Ġesù: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” (v. 21).  Fil-Bibbja, in-numru sebgħa hu numru li juri kompletezza.  Hekk, Pietru qed jagħmel premessa ġeneruża ħafna bil-mistoqsija tiegħu.  Iżda Ġesù jmur aktar ‘l hinn u jwieġeb:  ma ngħidlekx sa sebgħa darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (v.22).  Jiġifieri qed jgħidlu li l-maħfra ma fihiex kalkolu, hu sewwa li jinħafer kollox dejjem!  Propju kif jagħmel Alla magħna, u kif għandu sejħa jagħmel min jamministra l-maħfra t’Alla: maħfra dejjem.  Dan jien ngħidu bosta drabi lis-saċerdoti, lill-konfessuri: aħfru dejjem kif jaħfer Alla.

Imbagħad Ġesù jispjega dir-realtà permezz ta’ parabbola, li wkoll għandha x’taqsam man-numri.  Wieħed re, wara li ntalab bil-ħniena, jaħfer lill-qaddej tiegħu dejn ta’ 10,000 talent: hu valur esaġerat, li jvarja bejn mitejn u ħames mitt tunnellata fidda: esaġerazzjoni.  Kien dejn impossibbli li jitħallas lura anki kieku wieħed jaħdem għomru kollu: madankollu, dak is-sid, li jfakkarna fil-Missier tagħna, jaħfirlu sempliċiment għax “ħanin” (v. 27).  Din hi l-qalb t’Alla: Hu qrib, ħanin u teneru; hekk hu magħmul Alla.  Però mbagħad, dal-qaddej li nħafirlu d-dejn ma juża ebda ħniena ma’ qaddej ieħor li kellu jtih mitt dinar.  Din ukoll hi ċifra mhux ħażin, hi madwar tliet xhur paga – li jfisser li l-maħfra lil xulxin fiha prezz ukoll! -, imma bl-ebda mod ma tista’ titqabbel maċ-ċifra ta’ qabel, dik li kien ħafrilu s-sid.

Il-messaġġ ta’ Ġesù hu ċar: Alla ma joqgħodx jikkalkola biex jaħfer, jaqbez kull limitu.  Hekk hu magħmul, jaġixxi b’imħabba u bil-gratwità.  Lil Alla ma nixtruhx, Alla hu gratwit, hu l-gratwità nfisha.  Mhux possibbli rroddulu dan kollu lura,imma meta naħfru lil ħuna, lil oħtna, inkunu nimitawh.  Għalhekk il-maħfra mhix xi azzjoni tajba li nistgħu nagħmluha jekk irridu: il-maħfra hi kundizzjoni  fundamentali għal kulmin hu nisrani.  Infatti, ilkoll kemm aħna “maħfurin”, ma ninsewhx dan, aħna maħfurin.  Alla ta ħajtu għalina u aħna bl-ebda mod ma nistgħu nħallsu lura l-ħniena tiegħu.  Però, jekk aħna nikkorrsipondu mal-gratwità tiegħu, jiġifieri naħfru lil xulxin, inkunu qed nagħtu xhieda tiegħu billi niżirgħu ħajja ġdida madwarna.  Fejn mhemmx maħfra mhemmx tama; fejn mhemmx maħfra mhemmx paċi.  Il-maħfra hi l-ossiġnu li jsaffi l-arja mill-mibegħda, il-maħfra hi l-antidotu li jfejjaq il-velenu tar-rankur, hi t-triq biex nitfu x-xegħla tal-korla u nfejqu tant mard tal-qalb li jniġġes is-soċjetà.

Nistaqsu lilna nfusna għalhekk: jien nemmen li rċevejt id-don tal-maħfra bla tarf?  Inġarrab il-ferħ għax naf li Hu dejjem lest jaħfirli meta naqa’, anki meta l-oħrajn ma jaħfrulix, anki meta lanqas jien ma jirnexxili naħfer lili nnifsi?  Hu jaħfer: nemmen li Hu jaħfer?  Imbagħad: min-naħa tiegħi, naf naħfer lil min għamilli d-deni?  Dwar dan nixtieq intikom eżerċizzju żgħir: nippruvaw, issa, kull wieħed u waħda minna, niftakru f’xi persuna li weġġgħetna u nitolbu l-Mulej il-qawwa biex naħfrulha.  U naħfrulha għall-imħabba tal-Mulej: ħuti, dan ikun ta’ fejda għalina, iroddilna l-paċi tal-qalb.

Maija, Omm tal-Ħniena, tgħinna nilqgħu il-grazzja t’Alla u naħfru lil xulxin.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nhar il-Ġimgħa se mmur Marsilja biex nieħu sehem fil-konklużjoni tar-Rencontres Méditerranéennes, inizjattiva sabiħa li qed issir f’diversi bliet importanti tal-Mediterran u qed tlaqqa’ flimkien nies ekkleżjali u ċivili responsabbli, biex jippromwovu toroq ta’ paċi, ta’ kollaborazzjoni u integrazzjoni fil-mare nostrum, b’attenzjoni speċjali għall-fenomenu migratorju.  Dan hu sfida diffiċli kif rajna fl-aħbarijiet ta’ dal-ġranet, imma li għandna naffrontawh flimkien, għax hu essenzjali għall-ġejjieni ta’ kulħadd, li jista’ jaħji biss jekk mibni fuq il-fraternità billi quddiem nett titqiegħed id-dinjità umana, il-persuni konkreti, speċjalment dawk li huma l-aktar fil-bżonn.  Filwaqt li nistedinkom takkumpanjaw dal-vjaġġ bit-talb, irrid irrodd ħajr lill-awtortitajiet ċivili u reliġjużi u lil kulmin qed jaħdem biex iħejji l-laqgħa ta’ Marsilja, belt għanja bil-popli, bis-sejħa li tkun port tat-tama.  Minn issa nsellem lill-abitanti kollha, bl-istennija li niltaqa’ ma’ tant aħwa għeżież.

U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lir-rappreżentanti ta’ xi parroċċi minn Miami, lill-Banda Gaitas minn Batallón de San Patricio, lill-fidili minn Pieve del Cairo u minn Castelnuovo Scrivia, lis-Sorijiet Missjunarji tas-Santissmu Redentur mill-Knisja greco-kattolika tal-Ukrajna.  U nkompu nitolbu għall-poplu ukren imkisser u għall-paċi f’kull art imdemmija bil-gwerra.

U nsellem liż-żgħażagħ tal-Immacolata!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber