IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 17 ta’ Marzu, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, il-ħamesĦdd tar-Randan, kif qed nersqu lejn il-Ġimgħa Mqaddsa, fl-Evanġelju (cfr Ġw. 12-20-33), Ġesù jgħidilna ħaġa importanti: li fuq is-salib nilmħu l-glorja tiegħu u ta’ Missieru (cfr vv. 23.28)

Kif jista’ jkun li l-glorja tal-Missier tidher propju hemm, fuq is-Salib?  Wieħed jasal jifhem li dan kellu jseħħ fil-qawmien, mhux fuq is-Salib, li hu telfa, falliment!  Iżda llum hu u jitkellem dwar il-Passjoni tiegħu, Ġesù jgħid: “Waslet is-siegħa li Bin il-bniedem ikun igglorifikat” (v. 23).  X’irid jgħidilna biha?

Irid jgħidilna li għal Alla, il-glorja ma tfissirx is-suċċess uman, il-fama, il-popolarità; fil-glorja Alla ma jarax awtoreferenzjalità, mhix manifestazzjoni ta’ setgħa grandjuża li tirċievi l-applaws tal-pubbliku.  Għal Alla l-glorja tfisser imħabba sa ma wieħed jagħti ħajtu.  Għalih il-glorja tfisser għotja, li jkun aċessibbli, joffri mħabbtu.  U dan sab il-milja tiegħu fuq is-Salib, propju hemm, fejn Ġesù wera sħiħ il-quċċata tal-imħabba t’Alla, wera verament il-wiċċ tal-ħniena ta’ Alla bl-għotja ta’ ħajtu u l-maħfra ta’ dawk li kienu qed isallbuh.

Ħuti, minn fuq is-Salib, “kattedra ta’ Alla”, il-Mulej jgħallimna li l-vera glorja, dik li ma tafx b’għabex u thenni, hi magħmula minn għotja u maħfra L-għotja u l-maħfra huma l-essenza tal-glorja t’Alla.  U għalina huma t-triq tal-ħajja. Għotja u maħfra: kriterji differenti ħafna minn dak li naraw iseħħ madwarna, u fina wkoll, meta l-kejl tal-glorja jkun aktar dak li nirċievu milli dak li nagħtu; qiesha xi ħaġa li għandha nipposseduha aktar milli noffruha.  Le, il-glorja tad-dinja tgħaddi u ma tħalli ebda hena fil-qalb; u lanqas hi ta’ fejda għal kulħadd, anzi ġġib il-firda, il-nuqqas ta’ ftehim, l-għira.

U allura nistgħu nistaqsu: liema glorja nixtieq għalija, għal ħajti, dik li noħlom dwarha għall-ġejjieni tiegħi?  Dik li nimpressjona lill-oħrajn bil-bravura tiegħi, bil-ħiliet tiegħi jew minħabba dak li għandi?  Jew it-triq tal-għotja u tal-maħfra, dik ta’ Ġesù Kuriċifiss, it-triq ta’ min qatt ma jheda jħobb, fiduċjuz li din l-imġieba tkun xhieda ta’ Alla fid-dinja u tkun id-dija tas-sbuħija tal-ħajja?  Liema glorja rrid għalija?  Infatti nfakkar, li meta nagħtu u naħfru, fina tilma l-glorja t’Alla.  Propju hemmhekk: meta nagħtu u naħfru.

Il-Verġni Marija, li segwiet lil Ġesù bil-fidi fis-siegħa tal-Passjoni, tgħinna nkunu mirja ħajjin tal-imħabba ta’ Ġesù.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ħjietni l-aħbar li f’Haiti nħelsu għalliem u erba’ mis-sitt reliġjużi tal-Istitut Frères du Sacré-Cœur, li kienu nħatfu fit-23 ta’ Frar li għadda. Nitlob biex jinħelsu minnufih iż-żewġ reliġjużi l-oħra u l-persuni kollha li għadhom sekwestrati f’dak il-pajjiż maħbub mifni b’tant vjolenza.  Nistieden lill-atturi politċi u soċjali kollha biex jinsew kull interess partikolari u jimpenjaw ruħhom bi spirtu ta’ solidarjetà biex ifittxu l-ġid komuni, u jersqu lejn tranżizzjoni serena fil-pajjiż bl-għajnuna tal-Komunità Internazzjonali, ħalli jitwaqqfu istituzzjonijiet li jkollhom ħila jġibu lura l-ordni u s-serħan ir-ras fiċ-ċittadini kollha.

Għadni nitlob għall-popolazzjonijiet mifnijin bil-gwerra, fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael, fis-Sudan.  U ma ninsewx lis-Sirja, pajjiż li ilu żmien isofri qatigħ minħabba l-gwerra.

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu hawn minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-istudenti spanjoli tar-residenzi universitarji “Camplus”, lill-gruppi parrokkjali minn Madrid, Pescara, Chieti, Locorotondo u mill-parroċċa San Giovanni Leonardi ta’ Ruma.  Insellem lill-Koperattiva Soċjali San Giuseppe minn Como, lit-tfal minn Perugia, liż-żgħażagħ minn Bologna li qed jagħmlu l-mixja tal-Professjoni tal-Fidi, u lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn Pavia, Iolo di Prato u Cavaion Veronese.

Nilqa’ bi pjaċir lil-parteċipanti tal-Maratona ta’ Ruma, festa tradizzjonali tal-isports u l-fraternità.  Din is-sena wkoll, b’inizjattiva tal-Athletica Vaticana għadd sew ta’ atleti qed jieħdu sehem “fir-relay race ta’ solidarjetà” u hekk isiru xhieda tal-kondiviżjoni.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber