IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

il-Ħadd, 17 ta' Jannar, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta' dan it-tieni Ħadd taż-Żmien ta' Matul is-Sena (cfr Ġw 1,35-42) jippreżentalna l-laqgħa ta' Ġesù mal-ewwel dixxipli.  Ix-xena sseħħ qrib ix-xmara Ġordan l-għada tal-magħmudija ta' Ġesù.  Hu Ġwanni l-Battista nnifsu li juri l-Messija lil tnejn minnhom b'dal-kliem: "Dan hu l-Ħaruf t'Alla!" (v. 36).  U dawk it-tnejn jemmnu x-xhieda tal-Battista u jmorru wara Ġesù.  Hu jinduna u jistaqsi: "X'qegħdin tfittxu?", u huma jistaqsuh: "Mgħallem, fejn toqgħod?" (v. 38).

Ġesù ma jweġibx: "Noqgħod Kafarnhaum jew Nażaret", iżda jgħid: "Ejjew u taraw" (v. 39).  Mhux 'visiting card' imma stedina għal-laqgħa.  It-tnejn imorru warajh u dak il-waranofsinhar baqgħu miegħu.  Mhux diffiċli timmaġinahom bilqiegħda jagħmlulu l-mistiqsijiet u, fuq kollox, jisimugħ, filwaqt li  jħossu qalbhom titqanqal dejjem aktar meta l-Imgħallem ikun jitkellem.  Iġarrbu s-sbuħija ta' kliemu, tweġiba għat-tama qawwija tagħhom.  U, f'daqqa waħda jiskopru li filwaqt li madwarhom beda jaqa' d-dlam, fi qlubhom sploda d-dawl li Alla biss jaf jagħti.  Ħaġa li tiġbidlek l-attenzjoni: wieħed minnhom, sittin sena wara, jew forsi aktar, kiteb fl-Evanġelju: "Kienu bejn wieħed u ieħor l-erbgħa ta' waranofsinhar" (Ġw 1,39), innota l-ħin.  Din ħaġa li għandha ttina x'naħsbu: kull laqgħa awtentika ma' Ġesù dejjem tibqa' ħajja fil-memorja, ma tintesa qatt.  Tinsa ħafna laqgħat, imma l-veru laqgħa ma' Ġesù tibqa' għal dejjem.  U dawn, bosta snin wara, saħansitra kienu għadhom jiftakru l-ħin, ma setgħux jinsew dil-laqgħa tant hienja, tant sħiħa, li bidlitilhom ħajjithom.  Imbagħad, meta jitilqu minn dil-laqgħa u jmorru lura għand ħuthom, dal-ferħ, dan id-dawl, ifur minn qlubhom qiesu xmara mfawra.  Wieħed mit-tnejn, Indrì, li ħuh Xmun - li meta Ġesù jiltaqa' miegħu, isejjaħlu Pietru -, jgħidlu: "Sibna l-Messija" (v. 41).  Huma telqu mill-laqgħa żguri li Ġesù kien il-Messija, ċerti.

Ejjew nieqfu għal ftit dwar din l-esperjenza tal-laqgħa ma' Kristu li jsejħilna biex nibqgħu miegħu.  Kull sejħa minn Alla hi inizjattiva ta' mħabbtu.  Hu dejjem jieħu l-inizjattiva, Hu jsejjaħlek.  Alla jsejjaħ għal ħajja, isejjaħ għall-fidi u jsejjaħilna biex ħajjitna jkollha stat partikolari: "Jien irrid lilek hawn".  L-ewwel sejħa ta' Alla hi għall-ħajja, li biha hu jagħmilna persuni; hija sejħa individwali, għax Alla ma jagħmilx kollox l-istess (in series).  Imbagħad Alla jsejjaħ għall-fidi u biex insiru sehem mill-familja tiegħu; bħala wliedu. Fl-aħħar, Alla jsejħlna għal stat partikolari tal-ħajja: biex ningħataw fit-triq taż-żwieġ, f'dik tas-saċerdozju jew tal-ħajja konsagrata.  Huma toroq differenti biex jitwettaq il-proġett ta' Alla, dak li Hu fassal għal kull wieħed u waħda minna, li dejjem hu proġett ta' mħabba.  Alla jsejjaħ dejjem.  u l-akbar ferħ għal kull min jemmen hu li jwieġeb għal dis-sejħa, joffri lilu nnnifsu kollu kemm hu għas-servizz ta' Alla u tal-aħwa.

Ħuti, quddiem is-sejħa ta' Alla, li tista' taslilna b'elf mod anki permezz ta' persuni oħra u ġrajjiet ta' ferħ jew niket, kultant l-atteġġjament tagħna jkun ċaħda - "Le... nibża'... "-, nirrifjuta għax dis-sejħa donnha tmur kontra x-xenqat tiegħi; u l-biża' wkoll, għax inqisu dis-sejħa wisq impenjattiva u skomda: "Mhux se jirnexxili, aħjar le, aħjar ħajja aktar kalma.... Alla hemm u jien hawn". Iżda s-sejħa t'Alla hija mħabba, jeħtieġ nagħmlu ħilitna biex insibu l-imħabba li hemm f'kull sejħa, u nwieġbu għaliha biss bl-imħabba.  Dan hu l-lingwaġġ: it-tweġiba għas-sejħa li tiġi mill-imħabba hi biss imħabba.  Fil-bidu jkun hemm laqgħa, anzi jkun hemm laqgħa ma' Ġesù li jkellimna dwar il-Missier, inebbaħna bl-imħabba tiegħu lejna.  U allura, fina wkoll titfaċċa spontanja x-xewqa li nwassluh lill-persuni kollha li nħobbu: "Iltqajt mal-imħabba", "iltqajt mal-Messija", "iltqajt ma' Alla", "iltaqajt ma' Ġesù", "sibt is-sens ta' ħajti".  F'kelma waħda: "Sibt lil Alla".

Il-Verġni Marija tgħinna biex ħajjtina magħmluha innu ta' tifħir lil Alla bi tweġiba għas-sejħa tiegħu aħna u nwettqu bl-umiltà u l-ferħ ir-rieda tiegħu.  Imma niftakru dan: fil-ħajja ta' kull wieħed u waħda minna, kien hemm xi waqt li fih Alla kien preżenti bil-qawwa, permezz ta' xi sejħa.  Niftakruha.  Immorru lura lejn dak il-waqt ħalli l-memorja tiegħu tibqa' ġġeddilna dejjem il-laqgħa tagħna ma' Ġesu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet tal-gżira Sulawesi, fl-Indoneżja, li ntlaqtet minn terremot qawwi.  Nitlob għall-mejtin, għall-feruti u għal kull min tilef id-dar u x-xogħol.  il-Mulej ifarraġ u jwieżen l-isforzi ta' kull min hu impenjat biex jagħti l-għajnuna.  Nitolbu flimkien għal ħutna tas-Sulawesi u wkoll għall-vittmi tal-inċident tal-ajru ta' nhar is-Sibt li għadda, dejjem fl-Indoneżja.  Sliem għalik, Marija......

Illum fl-Italja qed tkun iċċelebrata l-Ġurnata ta' approfondiment u svilupp tad-djalogu bejn il-kattoliċi u l-lhud.  Nifraħ b'din l-inizjattiva li ilha sejra għal aktar minn tletin sena u nawgura li tagħti frott abbundanti ta' fraternità u kollaborazzjoni.

Għada hija ġurnata importanti: tibda l-Ġimgħa ta' Talb għall-Għaqda fost l-Insara.  Din is-sena t-tema hi meħuda mit-twissija ta' Ġesù: "Ibqgħu f'imħabbti u tagħmlu ħafna frott" (cfr Ġw 15,5-9).  It-Tnejn 25 ta' Jannar intemmu biċ-ċelebrazzjoni tal-Vespri fil-Bażilika ta' San Pawl Barra l-Ħitan, flimkien mar-rappreżentanti tal-Komunitajiet l-oħra preżenti f'Ruma.  Tul dal-ġranet nitolbu flimkien sabiex titwettaq ix-xewqa ta' Ġesù: "Ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda" (Ġw 17,21).  L-għaqda dejjem tisboq il-kunflitt.

Insellem minn qalbi lilkom magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titlobu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber