Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jitnemm b’mistoqsija ta’ tħassib għal Ġesù: “Bin il-bniedem se jsib fidi fuq l-art meta jiġi?” (Lq 18, 8).  Qiesu qed jgħid: meta nerġa’ niġi fi tmiem l-istorja - imma nistgħu ngħidu, issa wkoll, f’dal mument tal-ħajja – se nsib xi ftit fidi fikom, fid-dinja tagħkom?  Hi mistoqsija serja.  Nimmaġinaw li l-Mulej jiġi fid-dinja llum: sfortunatament se jsib tant gwerer, tant faqar, tant nuqqas ta’ ugwljanza, u fl-istess ħin kisbiet kbar fit-teknika, mezzi moderni u nies dejjem għaddejjin bil-ġirja, bla qatt jieqfu; imma se jsib lil min jiddedikalu ftit ħin u għożża, lil min iqiegħdu fl-ewwel post?  U, fuq kollox, nistaqsu lilna nfusna: x’se jsib fija, jekk illum jiġi l-Mulej, x’se jsib fija, f’ħajti, f’qalbi?  Liema prijoritajiet se jsib fil-ħajja tiegħi?                                                                                                                                          

Spiss aħna konċentrati fuq bosta ħwejjeġ urġenti imma mhux neċessarji, nimpenjaw ruħna u ninkwetaw dwar ħafna realtajiet sekondarji: u, forsi bla lanqas nindunaw, nittraskuraw dak li jiswa l-aktar u naħllu mħabbitna lejn Alla tibred, tibred ftit ftit.  Illum Ġesù joffrienlna r-rimedju biex nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-fidi mitruħa.  U liema hu dar-rimedju?  It-talb.  It-talb hu l-mediċina tal-fidi, dak li jerġa’ jsaħħaħ ir-ruħ.  Iżda hemm bżonn li jkun talb kostanti.  Jekk ikollna bżonn nieħdu l-kura biex intejbu saħħitna, importanti li nosservawha kif xieraq, nieħdu l-mediċina kif u x’ħin għandna neħduha, bil-perseveranza u regolarment.  Fil-ħajja hemm bżonn ta’ dan il-ħin kollu.  Niftakru fi pjanta li għandna d-dar: hemm bżonn insaqquha kuljum, ma nistgħux nagħtuha ftit ilma u mabgħad inħalluha ġimgħat sħaħ bla tisqija!  Aktar u aktar it-talb: ma nistgħux ngħixu biss fil-waqtiet iebsin jew b’xi laqgħa qawwija ta’ kultant imbagħad nerġgħu nitgħażżnu.  Il-fidi tagħna tinxef.  Hemm bżonn it-tisqija ta’ kuljum bit-talb, hemm bżonn ħin dedikat għal Alla, biex hekk, Hu jidħol fiż-żmien tagħna, fl-istorja tagħna; hemm bżonn waqtiet regolari li fihom niftħulu qlubna biex Hu jkun jista’ jsawwab fina ta’ kuljum, imħabbtu, paċi, ferħ, qawwa, tama; jiġifieri jmantni l-fidi tagħna.

Għaldaqstant illum Ġesù jkellem “lid-dixxipli tiegħu – lil kollha, mhux lil xi wħud! – dwar il-ħtieġa li nitolbu dejjem, bla ma ngħejjew qatt (v. 1).  Imma xi ħadd jista’ jsib oġġezzjoni: “Kif se nagħmel?  Jien ma ngħejxx fil-kunvent, m’għandix ħin nitlob!”  Forsi jista’ jkun ta’ għajnuna għal din id-diffilkutà, li hi minnha, drawwa spiritwali mdehena, li llum intesiet xi ftit, li l-anzjani tagħna, speċjalment in-nanniet nisa, jafuha sew: dik ta’ dawk li nsejħulhom ġakulatorji.  L-isem forsi m’għadux moda, imma s-sustanza hi tajba.  X’inhi din?  Talb qasir, ħafif biex tiftarku, li nistgħu ntennu spiss matul il-ġurnata, waqt l-attivitajiet tagħna biex nibqgħu “f’armonija” mal-Mulej.  Ħa nagħmlu ftit eżempji.  Malli nqumu nistgħu ngħidu: “Mulej niżżik ħajr u noffrilek dil-ġurnata”: din talba żgħira; imbagħad, qabel nibdew nagħmlu xi ħaġa, nistgħu ntennu: “Ejja, Spirtu s-Santu”; u bejn attività u oħra nitolbu hekk: “Ġesù jiena nafda fik, Ġesù nħobbok:.  Talb ċkejken li iżda, iżommna f’kuntatt mal-Mulej.  Kemm drabi nibgħatu “sms” lill-persuni għeżież għalina!  Nagħmlu l-istess mal-Mulej, sabiex qalbna tibqa’ mqabbda miegħu.  U ma ninsewx naqraw it-tweġibiet tiegħu.  Il-Mulej iwieġeb dejjem.  Fejn insibu t-tweġibiet?  Fl-Evanġelju, li għandna dejjem inżommu qrib tagħna u niftħuh aktar minn darba matul il-ġurnata biex nirċievu l-Kelma tal-ħajja li jrid itina.

U issa nduru lejn dak il-parir li tajt bosta drabi: żommu ktejjeb żgħir tal-Evanġelju fil-but, fil-basket, u hekk, kull meta jkollkom minuta ċans tiftħuh u aqraw xi ħaġa, u l-Mulej iwieġeb.

Il-Verġni Marija, fidila fis-smigħ, tgħallimna l-arti li nitolbu dejjem, bla qatt ngħejjew.

 

Ara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Fl-10 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra nfetħet l-ewwel fażi tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, bit-tema: “Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni”.  Minn dak iż-żmien fil-Knejjes partikolari qed issir l-ewwel fażi tas-Sinodu, bis-smigħ u d-dixxerniment.  Il-frott tal-proċess sinodali li nbeda, hu ħafna imma sabiex jasal għall-maturazzjoni sħiħa hemm bżonn ma ngħaġġlux.  Għalhekk, bl-għan li ż-żmien tad-dixxerniment ikun itwal, qtajtha li din l-Assemblea sinodali tinfirex fuq żewġ sessjonijiet.  L-ewwel waħda mill-4 sad-29 ta’ Ottubru, 2023 u t-tieni waħda f’Ottubru tal-2024.  Għandi fiduċja li din id-deċiżjoni tkun ta’ fejda biex nifhmu s-sinodalità bħala dimensjoni kostituttiva tal-Knisja, u tkun ta’ għajnuna għal kulħadd biex tingħex bħala mixja bejn l-aħwa xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju.

Illum, f’Boves (Cuneo) se jkunu proklamati Beati, Don Giuseppe Bernardi u Don Mario Ghibaudo, kappillan u viċi-kappillan, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fl-1943.  F’periklu estrem ma abbandunawx ‘il-poplu fadat lilhom, imma baqgħu jassistuh sat-tixrid tad-demm, u qasmu din ix-xorti flimkien ma’ ċittadini oħrajn, immassakrati min-nażisti.  Jalla l-eżempju tagħhom iqanqal fis-saċerdoti x-xewqa li jkunu rgħajja skont il-qalb ta’ Kristu, dejjem qrib il-popli tagħhom.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Nhar it-Tlieta li ġej, 18 ta’ Ottubru, il-Fundazzjoni “Għajnuna lill-Knisja fil-bżonn” qed tniedi l-inizjattiva “Miljun tfal jgħidu r-Rużarju għall-paċi fid-dinja”  Grazzi lit-tfal kollha li se jieħdu sehem!  Ningħaqdu magħhom u nħallu f’idejn l-interċessjoni ta’ Marija lill-poplu mbiċċer tal-Urkrajna u l-popolazzjinijiet l-oħra li qed ibatu minħabba l-gwerer u kull għamla ta’ vjolenza u miżerja.

Dwar il-miżerja, għada hu l-Jum Dinji tar-Rifjut u tal-Miżerja: kull wieħed u waħda nistgħu nagħtu daqqa t’id biex ikun hawn soċjetà li fiha ħadd ma jħossu mwarrab għax m’għandux għaxja ta’ lejla.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  Insellem partikolarment lill-banda mużikali  minn Friburgu li smajthom idoqqu: bravi; lill-kor “Comelico” minn Santo Stefano di Cadore; l-Assoċjazzjoni Milizia dell’Immacolata, lir-rappreżentanti tal-Konfederazzjoni spanjola tal-Organizzazzjonijiet imprenditorjali u lill-Federazzjoni Spanjola tal-Awtonomi.  U nsellem ukoll lill-fidili minn Chajarí, fil-provinċja ta’ Entre Ríos (Arġentina) li qegħdin hemm: il-Mulej iberikkom.

Nawgura lil-kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivedereci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber