IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 16 ta’ Ġunju, 2024
 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju tal-Liturġija jkellimna dwar Alla permezz tat-tixbiha taż-żerriegħa (cfr Mk 4,26-34).  Ġesù juża din is-similitudni diversi drabi (cfr Mt 13,1-23; Mk 4,1-20; Lq 8,4-15), u llum jagħmel dan billi jistedinna nirriflettu partikolarment dwar atteġġjament importanti marbut mat-tixbiha taż-żerriegħa, u l-atteġġjament hu l-istennija fiduċjuża.

Infatti, waqt iż-żergħa, minkejja li l-bidwi jferrex żerriegħa tajba u abbundanti, iħejji kemm iħejji l-art, il-pjanti ma jinbtux mill-ewwel: jieħdu ż-żmien u hemm bżonn il-paċenzja!  Għalhekk jeħtieġ li wara li jkun żera’, hu jagħraf jistenna bil-fiduċja, biex iħalli ż-żerriegħa tiftaħ fil-ħin tagħha u biex il-barma tinfed l-art u tikber, b’saħħitha biżżejjed biex fl-aħħar tagħti frott abbundanti (cfr vv. 28-29).  Taħt l-art diġà qed jissawwar il-miraklu (v. 27),, hemm żvilupp enormi li iżda, ma jidhirx, hemm bżonn il-paċenzja u fl-istess ħin hemm bżonn tkompli l-kura tal-irqajja, tieħu ħsiebhom u żżommhom nodfa, minkejja li fil-wiċċ donnu jidher li ma jkun qed jiġri xejn.

Is-Saltna t’Alla l-istess.  Il-Mulej iqiegħed fina ż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu u tal-grazzja tiegħu, żerriegħa tajba u abbundanti, imbagħad, bla ma qatt jieqaf jakkumpanjana, jistenna bil-paċenzja.  Il-Mulej ikompli jieħu ħsiebna, bil-fiduċja ta’ Missier, imma jtina ż-żmien – il-Mulej paċenzjuz – sabiex iż-żerriegħa tiftaħ, tikber u tiżviluppa sa ma’ tagħti l-frott tal-opri tajba.  Dan għaliex irid li fl-għalqa tiegħu ma jintilef xejn, li kollox jasal għall-maturazzjoni sħiħa; irid li lkoll kemm aħna nikbru bħaż-żbul miżgħuda bil-qamħ.

Mhux biss.  Meta jagħmel dan, il-Mulej itina eżempju: jgħallem lilna wkoll niżirgħu l-Evanġelju bil-fiduċja kull fejn inkunu, imbagħad nistennew li ż-żerriegħa miżrugħa tikber u tagħmel il-frott fina u fl-oħrajn, bla ma naqtgħu qalbna u bla ma nieqfu nwieżnu lil xulxin u ngħinu lil xulxin ukoll fejn, minkejja l-isforzi, jidhrilna li mhux qed naraw riżultati minnufih!

Għalhekk nistgħu nsaqsu lilna nfusna: il-Kelma nħalliha tinżera’ fija?  Min-naħa tiegħi, niżra’ bil-fiduċja l-Kelma t’Alla fl-ambjenti fejn ngħix?  Għandi paċenzja nistenna, jew naqta’ qalbi għax ma narax riżultati mill-ewwel?  Naf inħalli kollox f’idejn il-Mulej bis-serenità, waqt li nagħmel ħilti kollha biex inħabbar l­-Evanġelju?

Il-Verġni Marija li laqgħet u kabbret  fiha ż-żerriegħa tal-Kelma, tgħinna nkunu nies li niżirgħu l-Evanġelju bil-ġenerożità u bil-fiduċja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ, fi Krakovja, Michele Rapacz, saċerdot u martri, ragħaj skont il-qalb ta’ Kristu, xhud fidil u ġeneruz tal-Evanġelju li sofra l-persekuzzjoni nażista u komunista, u wieġeb billi ta ħajtu, kien iddikjarat beatu.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Għadhom qed jaslu aħbarijiet ta’ niket dwar kunflitti u massakri li qed iseħħu fil-parti orjentali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.  Nagħmel appell lill-Awtoritajiet nazzjonali u lill-Komunità Internazzjonali, sabiex isir dak kollu possibbli biex tieqaf il-vjolenza u biex tkun  imħarsa l-ħajja tan-nies ċivili.  Fost il-vittmi hemm insara li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi.  Is-sagrifiċċju tagħhom hu żerriegħa li ġġelben u tagħmel il-frott, u tgħallimna nkunu xhieda tal-Evanġelju bil-kura u l-koerenza.

M’għandna nehdew qatt nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, fis-Sudan, fil-Myanmar u kull fejn hemm it-tbatija minħabba l-gwerra.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini!  Insellem partikolarment lill-fidili mil-Libanu, mill-Eġittu u minn Spanja; lill-istudenti tal-“London Oratory School”; lil dawk mid-djoċesi ta’ Opole fil-Polonja u lil dawk minn Budapest-Albertfalva; lill-parteċipanti tal-Forum Ewropew tal-Lajċi bit-tema “Fidi, arti u sinodalità”; u lill-grupp tal-ommijiet tal-komunità kattolika mill-Congo li joqgħodu f’Ruma.  Dawn l-ommijiet ikantaw tajjeb ħafna!  Nieħu gost nerġa’ nismagħhom darb’oħra.

Insellem lill-fidili minn Carini, Catania, Siracusa e Messina; lill-adoloxxenti minn Castelsardo (Sassari), minn Bolgare (Bergamo) u minn Camin (Padova); u fl-aħħar, kelma ta’ gratitudni tmur lejn dawk li jagħtu d-demm li għadhom kif iċċelebraw il-Jum Nazzjonali tagħhom.

Insellem lilkom ilkoll u nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber