FESTA TALMAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 16 ta’ Jannar, 2022

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

Il-Vanġelu tal-Liturġija tal-lum jirrakkuntalna l-episodju tat-Tieġ ta’ Kana fejn Ġesù jibdel l-ilma f’inbid b’sodisfazzjon għall-għarajjes.  U jintemm hekk: “Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2, 11).  Ninnutaw li l-evanġelista Ġwanni ma jitkellimx dwar ‘miraklu’, jew aħjar xi fatt ta’ setgħa kbira u straordinarja li jqanqal l-istagħġib.  Jikteb li f’Kana kien hemm sinjal, li jixgħel il-fidi tad-dixxipli.  Allura nistgħu nistaqsu: x’jista’ hu “s-sinjal” skont l-Evanġelju?

Sinjal hu sintomu li jirrivela l-imħabba t’Alla, li ma jiġbidx l-attenzjoni fuq il-qawwa tal-ġest, imma fuq l-imħabba li wasslet għalih.  Jgħallimna xi ħaġa dwar l-imħabba t’Alla, li dejjem hu qrib, teneru u ħanin.  L-ewwel sinjal iseħħ fil-ħin li żewġ għarajjes isibu ruħhom f’diffikultà fl-aktar jum importanti ta’ ħajjithom.  Fl-isbaħ tal-festa jiġi nieqes element essenzjali, l-inbid, bir-riskju li l-ferħ jispiċċa jsir tmaqdir u n-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tal-mistednin.  Naħsbu ftit kif festa ta’ tieġ tista’ ssir bl-ilma biss!  Terribbli u l-għarajjes jaqtgħu figura ħażina!

Kienet il-Madonna li ndunat bil-problema, u bid-diskrezzjoni tiġbed l-attenzjoni ta’ Ġesù.  U Hu jidħol fl-azzjoni mingħajr storbju, kważi bla ħadd ma nduna.  Kollox iseħħ fis-satra, “wara l-kwinti”: lill-qaddejja Ġesù jgħidilhom jimlew il-ġarar bl-ilma, li jsir inbid.  Hekk jaħdem Alla, bil-qrubija, bid-diskrezzjoni.  Id-dixxipli ta’ Ġesù dan jifhmu: jaraw li bis-saħħa tiegħu il-festa tat-tieġ saret isbaħ.  U jaraw ukoll il-mod bif iġib ruħu Ġesù, il-mod kif jaqdi bil-moħbi – hekk hu magħmul Ġesù: jgħinna, iservina bil-moħbi, fil-ħin -, tant illi l-kumplimenti  dwar l-inbid tajjeb jingħataw lill-għarus, ħadd ma jinduna, ikunu jafuh biss il-qaddejja.  B’hekk tibda tinbet fihom iż-żerriegħa tal-fidi, jiġifieri jibdew jemmnu li f’Ġesù hemm Alla preżenti, l-imħabba t’Alla.

Sabih tifhem li lewwel sinjal li jagħmel Ġesù mhux xi fejqan straordinarju jew xi għaġeb fit-tempju ta’ Ġerusalemm, imma ġest li bih jersaq lejn ħtieġa sempliċi u konkreta ta’ bnedmin komuni, ġest domestiku, miraklu, biex ngħidu hekk, “moħbi”,  diskret, mistur.  Hu lest biex jgħinna, biex jerfagħna.  Allura, jekk inkunu għajnejna miftuħin għal dawn is-“sinjali” nintrebuħu minn din imħabbtu u nsiru dixxipli tiegħu.

Iżda hemm aspett ieħor li jiddistingwi s-sinjal f’Kana.  Ġeneralment l-inbid li kien jingħata lejn l-aħħar tal-festa kien ikun anqas tajjeb; illum ukoll hekk isir, dak il-ħin, in-nies ma jirnexxilhomx jindunaw kif imiss jekk hux inbid tajjeb jew inbid xi ftit mgħammed.  Imma Ġesù, jara li l-festa tintemm bl-aħjar inbid.  B’mod simboliku dan jgħidilna li Alla jrid dak li hu l-aħjar għalina, iridna hienja.  Ma jagħmilx limiti u ma jitlobniex interessi.  Fis-sinjal ta’ Ġesù m’hemmx lok għal-għanijiet ulterjuri, biex jippretendi xi ħaġa mingħand l-għarajjes.  Le, il-ferħ li Ġesù jħalli fil-qalb hu ferħ sħiħ u diżinteressat.  Mhux ferħ dgħajjef!

Allura se nissuġġerilkom eżerċizzju ta’ taħriġ li jista’ jkun ta’ fejda kbira.  Illum, ejjew nippruvaw nagħrblu l-memorji tagħna biex infittxu xi sinjali li għamel miegħi il-Mulej tul ħajti.  Kull wieħed u waħda ngħidu: f’ħajti liema sinjali għamel il-Mulej?  Liema ħjiel tal-preżenza tiegħu?  Sinjali li Hu għamel biex jurina li jħobbna; niftakru f’dak il-mument diffiċli li fih il-Mulej ħallini nġarrab imħabbtu... U nistaqsu lilna nfusna: b’liema sinjali, diskreti u mimlijin attenzjoni, ġagħalni nħoss it-tenerezza tiegħu?  Meta ħassejt lill-Mulej l-aktar qribi, meta ġarrabt it-tenerezza tiegħu, il-ħniena tiegħu?  Kull wieħed u waħda minna fl-istorja tagħna għaddejna minn dawn il-mumenti.  Immorru nfittxu dawn is-sinjali, niftakruhom.  Kif skoprejt il-qrubija tiegħu miegħi?  Kif baqa’ ġewwa qalbi dan il-ferħ kbir?  Ejjew ngħixu mill-ġdid il-mumenti li fihom ġarrabna l-preżenza tiegħu flimkien mal-interċessjoni ta’ Marija.  Hi, l-Omm, li bħal f’Kana dejjem attenta, tgħinna napprezzaw is-sinjali li jagħmel Alla fina tul il-ħajja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-persuni li dawn l-aħħar ġimgħat intlaqtu mix-xita qawwija u mill-għarar, f’diversi reġjuni tal-Brażil.  Nitlob b’mod partikolari għall-vittmi u għall-familjari tagħhom, u għal dawk li tilfu djarhom.  Alla jkun ta’ sostenn għall-impenn ta’ kulmin qed jagħti l-għajnuna.

Mit-18 sal-25 ta’ Jannar se ssir il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, li dis-sena qed timmira li tara lilha nfisha bħala mera tal-Maġi, li ġew mill-Orjent sa Betlem biex jagħtu ġieħ lir-Re Messija.  Aħna l-insara wkoll, bid-diversità tal-konfessjonijiet u t-tradizzjonijiet, aħna pellegrini f’mixja lejn l-għaqda sħiħa, u nersqu lejn l-għan aħħari aktar ma nżommu ħarsitna mwaħħla fuq Ġesù, Mulej waħdieni tagħna.  Tul il-Ġimgħa ta’ Talb, noffru wkoll l-għejja u t-tbatijiet tagħna għall-għaqda fost l-insara.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi.  Tislima speċjali lill-grupp “Girasoli della Locride” minn Locri, flimkien mal-familjari u l-animaturi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber