IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 15 ta’ Ottubru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum ikellimna dwar re li jħejji mejda għat-tieġ għal ibnu (cfr Mt 22, 1-14).  Hu bniedem setgħan, iżda fuq kollox hu missier ġeneruz li jagħmel stedina biex il-ferħ tiegħu jaqsmu ma’ ħaddieħor.  Jikxef fuq kollox it-tjieba ta’ qalbu bil-fatt li ma jġiegħel lil ħadd jaċċetta, imma jistieden lil kulħadd minkejja li dan l-aġir tiegħu jesponih għall-possibbiltà tar-rufjut.  Ninnutaw: iħejji mejda, joffri bi gratwità l-okkażjoni ta’ laqgħa, ta’ festa.  Dan hu dak li jħejji Alla għalina: mejda biex inkunu f’komunjoni miegħu u bejnietna.  Għalhekk aħna lkoll, ilkoll kemm aħna, mistednin ta’ Alla.  Imma festa ta’ tieġ tistenna li aħna ninvolvu ruħna, li aħna ngħidu “iva”: immorru, immorru għall-istedina tal-Mulej, Hu jistieden imma jħallina ħielsa.

Din hi t-tip ta’ relazzjoni li joffrielna Alla: isejħilna biex inkunu miegħu iżda jħallielna l-possibbiltà naċċettawx jew le.  Ma jipproponix relazzjoni ta’ sudditanza, imma ta’ paternità u filjolanza li per neċessità huma influwenzati mill-“iva” ħielsa tagħna.  Alla jirrispetta sħiħ il-libertà, rispettuz ħafna.  Santu Wistin juża espressjoni mill-isbaħ rigward dan u jgħid: “Alla li ħalqek mingħajrek ma jistax isalvak mingħajrek” (Sermo CLXIX, 13).  U żgur mhux għax m’għandux ħila jagħmel dan – Hu jista’ kollox! - iżda għaliex huwa mħabba u jirrispetta sħiħ il-libertà tagħna.  Alla juri ruħu iżda qatt ma jobbligana.

Nerġgħu lura lejn il-parabbola: ir-re – tgħidilna s-silta – “bagħat lill-qaddejja tiegħu għall-mistednin tat-tieġ, iżda dawk ma ridux jiġu (v.3).  Dan hu d-dramm tal-istorja: il-“le” lil Alla.  Imma għaliex il-bnedmin jirrifjutaw l-istedna tiegħu?  Forsi kienet xi stedina li ma tingħoġobx?  Le, madnakollu – jgħidilna l-Evanġelju – ma tawx kas; min mar l-għalqa u min għan-negozju tiegħu” (v.5).  Ma jimpurtahomx għax moħħhom fl-affarijiet tagħhom.  U dak ir-re li hu missier, Alla, x’jagħmel?  Ma jaqtax qalbu, ikompli jistieden, anzi jiftaħ aktar l-istedina sa ma jsib li min jaċċettaha minn fost il-foqra.  Huma li jafu li ftit li xejn għandhom aktar, jiġu f’għadd kbir sa ma mlew is-sala (cfr vv. 8-10)

Ħuti, kemm drabi injorajna l-istedina ta’ Alla għax moħħna fl-affarijiet tagħna!  Spiss hi taqbida biex ikollna l-ħin liberu tagħna, imma llum Ġesù jistedinna nsibu l-ħin li jeħlisna: il-ħin li niddedikaw għal Alla, li jħaffilna l-ispirtu u jfejqilna qlubna, li jkattar fina l-paċi, il-fiduċja, il-ferħ, li jeħlisna mid-deni, mis-solitudni u milli nitilfu t-triq.  Hu ta’ fejda għax sabiħ li tkun mal-Mulej, tagħmillu l-wisa’.  Fejn?  Fil-Quddiesa, fis-smigħ tal-Kelma u fil-karità wkoll, għax meta ngħinu lil min hu dgħajjef jew fqir, meta noffru kumpanija lil min hu waħdu, nisimgħu lil min għandu bżonn l-attenzjoni, infarrġu lil min hu batut, inkunu mal-Mulej li hu preżenti f’min jinsab fil-bżonn.  Però ħafna jaħsbu li dawn huma “telf ta’ ħin”, u hekk jingħalqu fid-dinja privata tagħhom: dan hu ta’ swied il-qalb.  Dan jiġġenera djieqa.  Kemm qlub imdejqin!  Minħabba f’hekk, għax magħluqin.

Insaqsu għalhekk: jien kif inwieġeb għall-istedin ta’ Alla?  Intih ftit spazju tul jiemi?  Il-kwalità ta’ ħajti tiddependi minn dak li jolqot lili u l-ħin liberu tiegħi jew mill-imħabba għall-Mulej u għall-aħwa, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn?

Marija li bl-“iva” tagħha għamlet il-wisa’ għal Alla, tgħinna biex ma nkunux torox għall-istedin tiegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed inkompli nsegwi bi swied il-qalb kbir dak li qed jiġri f’Iżrael u fil-Palestina.  Qed niftakar f’ħafna... partikolarment iż-żgħar u l-anzjani.  Inġedded l-appell biex jinħelsu l-ostaġġi u nitlob bil-forza biex it-tfal, il-morda, l-anzjani, in-nisa u n-nies ċivili kollha ma jisfawx vittmi tal-kunflitt.  Għandu jkun rispettat id-dritt umanitarju, fuq kollox f’Gaża, fejn hemm urġenza u ħtieġa kbira li jkunu garantiti kuriduri umanitarji u għajnuna lill-poplu kollu.  Ħuti, diġà mietu ħafna u ħafna.  Jekk jogħġobkom ixxerdux aktar demm innoċenti la fl-Art Imqaddsa, la fl-Ukrajna u f’kull post ieħor”  Biżżejjed!  Il-gwerer dejjem huma telfa, dejjem!

It-talb hu l-forza ġentili u qaddisa biex nieqfu l-qawwa djabolika tal-mibegħda, tat-terroriżmu u tal-gwerra.  Nistieden lil kull min jemmen biex jingħaqad mal-Knisja tal-Art Imqaddsa u jiddedika nhar it-Tlieta 17 ta’ Ottubru għat-talb u s-sawm.  U issa nitolbu lill-Madonna (Sliem għalik, Marija).

U lanqas naqas it-tħassib tiegħi għall-kriżi fin-Nagorno-Karabakh. Minbarra s-sitwazzjoni umanitarja tal-isfollati – li hi gravi -, irrid nagħmel ukoll appell partikolari favur il-Monasteri u l-imkejjen tal-kult fir-reġjun.  Nawgura li, ibda mill-Awtoritajiet u l-abitanti kollha, jkun hemm rispett u ħarsien bħala parti mill-kultura lokali, espressjoni ta’ fidi u sinjal ta’ fraternità li jagħmilha possibbli li kulħadd jgħix flimkien bid-differenzi.

Illum qed tiġi pubblikata l-Eżortazzjoni Appostolika dwar Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u l-Wiċċ ta’ Kristu, bit-titlu «C’est la confiance»:  infatti, kif tat xhieda dil-kbira Qaddisa u Duttur tal-Knisja, it-triq li tressaqna lejn il-qalb tal-Mulej u tal-Evanġelju hi l-fiduċja fl-imħabba mimlija ħniena tiegħu.

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-Komunità Għebrajka ta’ Ruma li għada se tfakkar it-tmenin sena minn meta n-nażisti “kinsuhom” mill-belt.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, partikolarment l-Arċikonfraternità tal-Gonfalone minn Subiaco u l-klabb “Fiat 500” minn Ruma.

Insellem lil aktar minn 400 missjunarji żgħażagħ Nuovi Orizzonti u lill-asoċjazzjonijiet l-oħra u komunitajiet li mill-bieraħ sal-Ħaddl li ġej se jkunu impenjati fil-“Missjoni tat-Triq”, hawn f’Ruma, billi jmorru fil-postijiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ, fl-iskejjel,fl-isptarijiet, fil-ħabsijiet u fit-toroq biex iħabbru l-ferħ tal-Evanġelju.  Veru bravi dawn!  Inweżnuhom bit-talb tagħna fl-impenn tagħhom li jisimgħu l-għajta ta’ tant żgħażagħ u tant persuni li għandhom bżonn l-imħabba.  Qed nara lġbnadar tal-Ukrajna, ma ninswhiex lill-Ukrajna mbiċċra.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber