SOLENNITÀ TAL-ASSUNZJONI TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
It-Tlieta, 15 ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, solennità ta’Marija Assunta, nikkontemplawha hi u tiela bir-ruħ u bil-ġisem lejn il-glorja tas-Sema.  L-Evanġelju tal-lum ukoll jippreżentahiela hi u tiela, din id-darba lejn “l-għoljiet” (Lq 1,39).  U għalfejn tiela?   Biex tgħin lil kuġina Eliżabbetta, u hemmhekk tgħanni il-kantiku ta’ ferħ, il-Magnificat.  Marija titla’ u l-Kelma t’Alla turina dak li jikkaratterizzaha hi u tiela ‘l fuq: is-servizz tal-proxxmu u t-tifħir lil Alla.  Iż-żewġ aspetti: Marija hi l-mara tal-qadi tal-proxxmu u Marija hi l-mara li tfaħħar ‘l Alla.  Fuq kollox, l-evanġelista Luqa jirrakkonta l-istess ħajja ta’ Kristu bħala telgħa, lejn Ġerusalemm, imkien fejn ta lilu nnifsu fuq is-salib, u bl-istess mod jiddeskrivi il-mixja ta’ Marija.  Insomma, Ġesù u Marija jterrqu l-istess triq: żewġ ħajjiet li jitilgħu fl-għoli, jigglorfikiaw lil Alla waqt li jaqdu lil Alla.  Ġesù bħala Redentur li jagħti ħajtu għalina, għall-ġustifikazzjoni tagħna; Marija bħala qaddejja li tmur isservi: żewġ ħajjiet li jgħelbu l-mewt u jirxuxtaw; żewġ ħajjiet li s-sigrieti tagħhom huma li jservu u jfaħħru.  Nieqfu fuq dawn iż-żewġ aspetti: is-servizz u t-tifħir.

Is-servizz. Aħna nitilgħu ‘l fuq kull meta nitbaxxew biex naqdu lill-ħutna: l-imħabba sseddaq il-ħajja.  Immorru naqdu lil ħutna u b’das-servizz inkunu qed “nogħlew ‘il fuq”.  Imma l-qadi mhux faċli: il-Madonna, li għadha kif nisslet, tkopri kważi 150 kilometru biex min Nazaret tasal fid-dar ta’ Eliżabbetta.  L-għajnuna fiha prezz, għalina lkoll.  Dan inġarrbuh dejjem fl-għejja, fil-paċenzja u fil-preokkupazzjonijiet li ngħaddu minnhom biex naqdu lill-oħrajn.  Per eżempju, niftakru fil-kilometri li bosta jkopru kuljum biex imorru u jerġgħu lura mix-xogħol u biex jagħmlu tant ħwejjeġ favur il-proxxmu; niftakru kemm hemm min jissagrifika ħin u rqad biex jieħu ħsieb tarbija jew min hu anzjan; fl-impenn tas-servizz lejn min m’għandu xejn x’irodd lura, fil-Knisja, bħala volontarju.  Jien nammira l-volontarjat.  Jgħejjik, imma jerfgħek ‘il fuq, tkun qed tikseb is-Sema!  Dan hu l-veru servizz.

Però, is-servizz jirriskja li jsir sterili mingħajr it-tifħir lil Alla.  Infatti, meta Marija tidħol fid-dar tal-kuġina, tfaħħar lill-Mulej.  Ma tibdiex titkellem dwar l-għejja tal-vjaġġ, imma minn qalbha jfawwar kantiku ta’ ferħ.  Għax min iħobb ‘l Alla jaf ifaħħar.  U llum l-Evanġelju jurina “kaskata” ta’ tifħir: it-tarbija taqbeż bil-ferħ fil-ġuf ta’ Eliżabbetta (cfr Lq 1,44), li tgħid kliem ta’ barka u “l-ewwel beatitudni”: Imbierka dik lil emmnet” (Lq 1,45). U kollox jilħaq l-għola punt f’Marija, li solennement ‘tkanta’ l-Magnificat (cfr Lq 1,46-55).  It-tifħir iseddaq il-ferħ.  It-tifħir jixbaħ sellum: jerfa’ l-qlub ‘il fuq.  It-tifħir jerfa’ l-ispirtu u jegħleb it-tentazzjoni li nċedu.  Qatt rajtu kif in-nies imdejqin, dawk li jgħixu bit-tqassis, m’għandhomx ħila jfaħħru?  Saqsu lilkom infuskom: jien għandi ħila nfaħħar?  Kemm jagħmlilna tajjeb li nfaħħru lil Alla ta’ kuljum, u lill-oħrajn ukoll!  Kemm jagħmel tajjeb li ngħixu bil-gratitudni u l-barka minflok bir-rimors u t-tgemgim, terfa’ ħarstek ‘il fuq minflok iddendel geddumek!  It-tgemgim: hemm nies li kuljum bit-tgemgim.  Imma ifhem li Alla hu qribek, ħalqek, ara dak kollu li tak.  Faħħar, faħħar!  Din hi s-saħħa spiritwali.

Servizz u tifħir.  Nippruvaw insaqsu lilna nfusna: ix-xogħol u dak kollu li nagħmel tul il-ġurnata jien ngħixu bi spirtu ta’ servizz jew bl-egoiżmu?  Ningħata lil xi ħadd bil-gratwità bla ma noqgħod infittex vantaġġi immedjati?  Insomma, is-servizz għalija hu “l-molla” ta’ ħajti?  U rigward it-tifħir; naf nifraħ f’Alla bħal Marija (cfr Lq 1,47)?  Nagħmel talb ta’ tifħir lill-Mulej?  U wara li nkun faħħartu, il-ferħ tiegħu ngħaddih lill-persuni li niltaqa’ magħhom?  Kull wieħed u waħda minna nippruvaw imwieġbu dal-mistoqsijiet.

L-Omm tagħna Mtellgħa s-Sema, tgħinna nintrefgħu ‘il fuq kuljum permezz tas-servizz u t-tifħir.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll li tinsabu hawn, rumani u pellgrini minn diversi pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari liż-żgħażagħ mid-Djoċesi ta’ Verona, bl-akbar awguri għall-esperjenza li qed jagħmlu dan is-sajf f’Ruma.

Illum nafdaw f’idejn Marija Assunta is-supplika għall-paċi fl-Ukrajna u fl-inħawi kollha mifluġin bil-gwerra: huma bosta, sfortunatament!  Id-damdim tal-armi qed jgħatti kull tentattiv ta’ djalogu; id-dritt tal-forza hu aqwa mill-forza tad-dritt. Imma ma naqtgħux qalbna, inkomplu nittamaw u nitolbu, għaliex huwa Alla, huwa Hu li jmexxi l-istorja.  Jalla jismagħna!

U llum, jum il-Madonna, insellem lill-adoloxxenti tal-Immacolata!  Il-festa t-tajba lil kulħadd!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber