SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TAL-BEATA VERĠNI MARIJA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
It-Tnejn, 15 ta’ Awwissu, 2022

 

Għeżiż ħuti, il-jum it-tajjeb!  Il-festa t-tajba!

Illum, Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija, l-Evanġelju jtina d-djalogu li kien hemm bejnha u l-kuġina tagħha Eliżabetta.  Meta Marija tidħol id-dar u ssellem lil Eliżabetta, din tgħid: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1,42)  Dal-kliem mimli fidi, ferħ u stgħaġib, sar jifforma parti mit-talba tal-“Ave Maria”.  Kull darba li nirreċitaw dit-talba tant sabiħa u familjari, nagħmlu bħal Eliżabetta: insellmu li Marija, imberkuha, għax Hi ġġibilna lil Ġesù.

Marija tilqa’ l-barka ta’ Eliżabetta u twieġeb bil-kantiku, rigal għalina, għall-istorja kollha: il-Magnificat.  Hu għanja ta’ tifħir li nistgħu nsejħulha “il-kantiku tat-tama”.  Hu innu ta’ tifħir u ta’ ferħ liema bħalu għall-ħwejjeġ kbar li Hu għamel fiha.  Iżda Marija tmur aktar ‘l hinn: tikkontempla l-opra t’Alla fl-istorja kollha tal-poplu tiegħu.  Per eżempju, tgħid li l-Mulej “niżżel lill-għonja minn fuq it-tron tagħhom u għolla liċ-ċkejknin, mela bil-ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn” (v. 52-53).  Kif nisimgħu dal-kliem nistgħu nsaqsu lilna nfusna: forsi l-Verġni qed tesaġera xi ftit, meta qed tiddeskrivi dinja li ma teżistix?  Infatti, dak li qed tgħid ma jidhirx jaqbel mar-realtà; filwaqt li kienet titkellem, is-setgħanin ta’ żmienha ma tniżżlux minn fuq it-tron tagħhom: it-tirann Erodi, per eżempju, għadu sod fuq it-tron tiegħu.  U l-foqra u l-imġewħin baqgħu li kienu filwaqt li l-għonja baqgħu jistgħanew.

Xi jfisser dak il-kantiku ta’ Marija?  X’sens fih?   Hi ma tridx tagħti l-aħbarijiet ta’ żmienha – mhix ġurnalista -, imma trid tgħidilna ħaġa ferm aktar importanti: li Alla, permezz tagħha, inawgura bidla storika, waqqaf b’mod dejjiemi ordni ġdid tal-affarijiet.  Hi, ċkejkna u umli, kienet imtella’ - u  qed nagħmlu l-festa llum – fil-glorja tas-Sema, filwaqt li s-setgħanin tad-dinja huma destinati li jibqgħu b’idejhom vojta.  Ftakru fil-parabbola tar-raġel għani li quddiem bieb daru kellu fqir, Lażżru.  Kif spiċċa?  B’idejh vojta.  Fi kliem ieħor, il-Madonna tħabbar bidla radikali, il-valuri jinqalbu ta’ taħt fuq.  Filwaqt li kienet titkellem ma’ Eliżabetta b’Ġesù f’ġufha, tantiċipa dak li kien se jgħid Ġesù Binha, meta kellu jħabbar solennement li henjin huma l-foqra u l-umli u jwissi lill-għonja u lil kulmin jistrieħ biss fuq l-awtosuffiċjenza.  Għalhekk, b’dal-kantiku, b’dit-talba, il-Verġni tipprofetizza: tipprofetizza li s-setgħa, is-suċċess u l-flus ma jiġux l-ewwel, iżda l-ewwel jiġu s-servizz, l-umiltà, l-imħabba.  U meta nħarsu lejha fil-glorja, nifhmu li l-veru setgħa hi s-servizz – ma ninsewhx dan: il-veru setgħa hi s-servizz – li ssaltan ifisser li tkun tħobb.  U li din hi t-triq lejn is-Sema.

Għalhekk, meta nħarsu fina nfusna nistgħu nsaqsu: dik il-bidla radikali mħabbra minn Marija, tmissli ħajti?  Nemmen illi li tħobb hi li ssaltan u taqdi, hi setgħa?  Nemmen li għan aħħari ta’ ħajti hi l-Ġenna, is-Sema?  Jew ħsiebi biss li ngħaddiha tajjeb hawn isfel, moħħi biss fl-affarijiet tad-dinja, f’dak li hu materjali?  U aktar, meta nosserva l-ġrajjiet tad-dinja, inħalli n-nassa tal-pessimiżmu taqbadni fiha jew, bħall-Verġni, naf nagħraf l-opra t’Alla illi, permezz tal-manswetudni u ċ-ċokon, jagħmel ħwejjeġ kbar?  Ħuti, illum Marija tgħanni t-tama u terġa tkebbes fina t-tama, fiha aħna naraw l-għan aħħari tal-mixja: Hi l-ewwel ħlejqa li b’rieda sħiħa, b’ruħha w ġisimha, tasal rebbieħa u tilħaq id-destinazzjoni tas-Sema.  Turina li s-Sema nistgħu mmisuha b’idejna jekk aħna wkoll ma nemmnux fid-dnub, infaħħru ‘l Alla bl-umiltà u nservu lill-oħrajn bil-ġenerożità.  Ma nċedux għad-dnub; imma xi ħadd jista’ jgħid: “imma, padre, jien dgħajjef/dgħajfa? – Imma l-Mulej dejjem qribek għax hu ħanin”.  Tinsiex liema hu l-istil ta’ Alla: il-qrubija, il-ħniena, il-ħlewwa; Hu dejjem qribna bl-istil tiegħu.  L-Omm tagħna tmexxina minn idejna, takkumpanjana lejn il-glorja, tistedinna nkunu ferħana bil-ħsieb tas-Sema.  Inbierku lil Marija bit-talb tagħna u nitolbuha ttina ħarsa li jkollha ħila ttina ħjiel tas-Sema hawn fl-art.

 

Wara l-Angelus

Għeżiż ħuti!

 

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn ħafna pajjiżi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  Insellem b’mod partikolari liż-żgħażagħ minn Verona li qed jiedu sehem fil-camping u lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Nawgura l-festa tal-Assunta t-tajba lilkom hawn preżenti, lil dawk li qiegħdin fi btala, kif ukoll lil tant li mhumiex f’pożizzjoni li jieħdu ftit tal-mistrieħ, lill-persuni li jinsabu waħedhom u lill-persuni morda.  Ma ninsewhomx!  U bi gratitudni, f’dal-ġranet niftakar f’dawk li jaħdmu biex il-kollettività jibqa’ jkollha s-servizzi indispensabbli.  Grazzi tal-ħidma tagħkom għalina.

U f’dal-jum iddedikat lill-Madonna, inħeġġeġ lil kulmin jista’ biex iżur Santwarju Marjan biex iqim lill-Omm tagħna ċelesti.  Bosta rumani u pellegrini jmorru Santa Maria Maggiore biex jitolbu quddiem ix-xbieha Salus Populi Romani.  Hemmhekk tinsab ukoll l-istatwa tal-Verġni Reġina tal-Paċi, li kien ried il-Papa Benedittu XVI.   Inkomplu ninvokaw l-interċessjoni tal-Madonna sabiex Alla jagħti l-paċi lid-dinja u nitolbu b’mod partikolari għall-poplu ukren.

Il-festa t-tajba lil kulħadd!  Tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber