SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA

TAL-IMQADDSA VERĠNI MARIJA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 15 ta’ Awwissu,
2021

 Għeżież ħuti, il-festa t-tajba!

Illum, Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Beata Verġni Marija, il-liturġija hi dominata mill-Magnificat.  Dan l-innu ta’ ferħ qiesu “ritratt” ta’ Omm Alla.  Marija “tifraħ f’Alla għax ħares lejn l-umiltà tal-qaddejja tiegħu (cfr Lq 1, 47-48).

Is-sigiret ta’ Marija hu l-umiltà.  Kienet l-umiltà li ġibdet il-ħarsa t’Alla fuqha.  L-għajn umana tfittex dejjem il-kobor u titgħammex b’dak li jidher, Alla jħares lejn il-qalb (cfr 1, Sam 16,7) u jħossu msaħħar bl-umiltà: l-umiltà tal-qalb issaħħar ‘l Alla.  Illum, aħna u nħarsu lejn Marija Assunta nistgħu ngħidu li l-umiltà hi t-triq li twassal lejn is-Sema.  Il-kelma ‘umiltà’ hi mnissla mill-kelma latina humus, li tfisser “art”.  Hu paradossali: biex naslu fl-għoli, fis-Sema, jeħtieġ nibqgħu ‘l isfel, bħall-art!  Jgħallimulna Ġesù: “min jiċċekken, jitgħolla” (Lq 14,11).  Alla ma jigglorifikaniex minħabba t-talenti tagħna, minħabba r-rikkezzi li jkollna, minħabba l-ħiliet tagħna, imma minħabba l-umiltà; Alla namrat tal-umiltà.  Illum, aħna u nħarsu lejn Marija Assunta nistgħu ngħidu li Alla jgħolli lil min jitbaxxa, lil min hu qaddej.  Infatti l-uniku “titlu” li Marija tagħti lilha nfisha hu “qaddejja”:  Hi “l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38).  Ma tgħid xejn aktar dwarha nfisha, ma tfittex xejn aktar għaliha.

Allura llum nistgħu nistaqsu lilna nfusna, kull wieħed u waħda minna f’qalbna: kif jien fl-umiltà?  Nipprova nikseb il-krittu mingħand ħaddieħor, nimponi ruħi biex ifaħħruni jew ħsiebi hu li naqdi?  Naf nisma’, bħal Marija, jew irrid inpaċpaċ biss biex niġbed l-attenzjoni?  Naf niskot bħal Marija, jew dejjem inparla?  Naf nagħmel pass lura, irraqqad it-tilwim u d-diskussjonijiet jew dejjem infittex li nkun minn fuq?  Naħsbu dwar dawn il-mistoqsijiet: fiex tinsab l-umiltà tiegħi?

Fiċ-ċokon tagħha, Marija kienet l-ewwel waħda li kisbet il-ġenna.  Is-sigriet tas-suċċess tagħha kien propju li tagħraf iċ-ċokon tagħha, li tagħraf li hi dejjem fil-bżonn.  Ma’ Alla hu biss dak li jagħraf ix-xejn tiegħu li jista’ jikseb kollox.  Hu biss min jitbattal minnu nnifsu li jista jsib il-milja tal-Mulej.  U Marija hi “l-mimlija bil-grazzja” (v. 28) propju minħabba l-umiltà tagħha.  Il-punt tat-tluq tagħna wkoll dejjem għadnu jkun l-umiltà, il-bidu tal-fidi tagħna.  Huwa fundamentali li nkunu foqra fl-ispirtu, jiġifieri li neħtieġu lil Alla.  Min hu mimli bih innifsu ma jħallix wisa’ għal Alla – u tant drabi aħna mimlijin bina nfusna – imma min jibqa’ umli jippermetti lil Alla jagħmel miegħu ħwejjeġ kbar (cfr v. 49).

Il-poeta Dante jiddeskrivi li Marija bħala “l-aktar umli u l-għola fost il-ħlejjaq” (Paradiso XXXIII, 2).  Sabiħ tifhem li l-ħlejqa l-aktar umli u għolja tal-istorja, l-ewwel waħda li kisbet is-sema bil-ġisem u r-ruħ, il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha qattgħetha bejn il-ħitan tad-dar, b’mod normali, bl-umiltà.  Il-ġranet ta’ dik li hi mimlija bil-grazzja  ma kien fihom xejn starordinarju.  Kienu jgerbu spiss f’rutina, fis-skiet: minn barra xejn ma kien jidher straordinarju.  Iżda l-ħarsa t’Alla dejjem baqgħet fuqha, Alla li kien jammira l-umiltà tagħha, id-disponibbiltà tagħha il-ġmiel ta’ qalbha li qatt ma ttiefset bid-dnub.

Dan hu messaġġ ta’ tama għalina lkoll; għalik li jiemek huma dejjem l-istess, iebsin u spiss diffiċli.  Illum Marija tfakkrek li Alla jsejjaħ lilek ukoll għal dan id-destin ta’ glorja. Dan mhux kliem fil-vojt, huwa l-verità.  Mhux xi tmiem hieni mfassal bi skop, illużjoni jew faraġ falz.  Le, hu r-realtà pura, ħajja u minnha bħalma hi vera l-Madonna Mtella’ s-Sema.  Nagħmlulha festa llum bl-imħabba ta’ wlied, nagħmlulha festa bil-ferħ imma bl-umiltà, imqanqlin mit-tama li ġurnata għad inkunu magħha fis-Sema!

U issa nitolbuha sabiex takkumpanjana fil-mixja li mill-Art teħodna lejn is-Sema.  Jalla tfakkarna li s-sigriet tat-triq jinġabar fil-kelma umiltà, ma ninsewhiex dil-kelma.  U li ċ-ċokon u l-qadi huma s-sigrieti li bihom nilħqu l-għan, biex ningħaqdu magħha fis-Sema.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Ngħaqqad it-tħassib tiegħi ma dak ġenerali u unanimu minħabba s-sitwazzjoni fl-Afghanistan.  Nistedinkom titolbu miegħi lil Alla tal-paċi sabiex jieqaf id-damdim tal-armi u jinstabu s-soluzzjonijiet madwar il-mejda tad-djalogu.  Hekk biss il-popolazzjoni mifluġa ta’ dak il-pajjiz – irġiel, nisa, anzjani u tfal - tkun tista’ terġa’ lura lejn darha, tgħix fil-paċi u fis-sigurtà b’rispett reċiproku sħiħ.

Fis-siegħat li għaddew kien hemm terremot qawwi f’Haiti li ħalla għadd kbir ta’ mejtin, feruti u ħsarat materjali bla qies.  Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi lejn dawk il-popolazzjonijiet għeżiż li ntlaqtu tant bl-ikraħ mit-terremot.  Filwaqt li ngħolli t-talb tiegħi lejn il-Mulej għall-vittmi, kelmti hi waħda ta’ inkoraġġiment lil dawk li baqa’, bit-tama li l-komunità internazzjonali turi interess u tgħinhom.  Jalla s-solidarjetà ta’ kulħadd ittaffi l-konsegwenzi ta’ dit-traġedja!  Nitolbu flimkien lill-Madonna għal Haiti.  Sliema għalik, Marija.......

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: familji, assoċjazzjonijiet u fidili.  Insellem b’mod partikolari lill-grupp minn Santa Giustina in Colle, liż-żgħażagħ minn Carugate, lil dawk minn Sabbio Bergamasco u minn Verona.

Nixtieq ukoll indawwar ħsiebi lejn kull min qed iqatta’ dawn il-jien ta’ ferragosto, fil-postijiet tal-villeġġjatura: nawguralhom serenità u paċi.  Però ma nistax ninsa li dawk li ma setgħux imorru għall-btala, dawk li jibqgħu jkunu ta’ servizz għall-komunità u wkoll dawk li jinsabu f’qagħada mwiegħra, li teħżien minħabba s-sħana kbira u minħabba li ċerti servizzi huma magħluqin minħabba l-vaganzi.  Qed naħseb b’mod speċjali fil-morda, l-anzjani, il-ħabsin, min hu bla xogħol, ir-rifuġjati u l-persuni kollha li jinsabu waħedhom jew f’diffikultà.  Jalla Marija tifrex fuqhom il-protezzjoni materna tagħha.

Illum nistedinkom tagħmlu ġest sabiħ: morru f’xi Santwarju marjan biex tqimu lil Madonna; dawk li jinsabu Ruma jistgħu jmorru jitolbu quddiem l-ikona Salus Populi Romani fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

Nawgura lil kulħadd il-Ħdd it-tajjeb u l-festa tal-Assunzjoni t-tajba!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber