SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TAL-BEATA VERĠNI MARIJA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Is-Sibt 15 ta' Awwissu, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Meta l-bniedem niżel fuq il-qamar kienet intqalet sentenza famuża: "Dan hu pass ċkejken għall-bniedem, qabża kbira għall-umanità".  Fil-fatt l-umanità kienet laħqet għan storiku.  Imma llum, bit-tlugħ fis-Sema ta' Marija qed niċċelebraw kisba infinitament akbar.  Il-Madonna poġġiet riġlejha fil-ġenna: ma marritx hemm bl-ispirtu biss, iżda bil-ġisem ukoll, kollha kemm hi.

Dal-pass tal-Verġni ċkejkna ta' Nażaret kien il-qabża kbira 'l quddiem tal-umanità.  Ftit li xejn jiswa li tmur fuq il-qamar jekk fid-dinja ma ngħixux bħal aħwa.  Imma li waħda minna tgħammar fis-Sema bil-ġisem, iseddqilna t-tama: nifhmu li aħna prezzjużi, iddestinati li nqumu.  Alla ma jħallix il-ġisem tagħna jgħib fix-xejn.  Ma Alla xejn mhu mitluf!  F'Marija ntlaħqet id-destinazzjoni u quddiem għajnejna aħna għandna r-raġuni tal-mixja tagħna; mhux biex niksbu l-ħwejjeġ ta' hawn isfel, li jgħibu, imma biex niksbu l-patrija ta' hemm fuq, li hi għal dejjem.  U l-Madonna hi l-kewkba li ttina d-direzzjoni.  Hi kienet l-ewwel li marret.  Hi, kif jgħallimna l-Konċilju. "tiddi bħala sinjal ta' tama ċerta u ta' faraġ għall-Poplu t'Alla fil-mixja" (Lumen gentium, 68).

X'parir ittina din Ommna?  L-ewwel ħaġa li jgħidilna l-Evanġelju tal-lum hi: "Ruħi tfaħħar il-Mulej" (Luqa 1,46).  Aħna mdorrijin nisimgħu dal-kliem u forsi ma nagħtux kas tat-tifsira tagħhom.  "Magnificare" litterlament tfisser "tagħmel akbar", tkabbar.  Marija "tkabbar il-Mulej": mhux il-problemi, li żgur ma naqsuhiex f'dak il-waqt, imma lill-Mulej.  Kemm drabi, iżda, aħna nħallu d-diffikultajiet jordmuna u l-biża' tassorbina!  Mhux hekk il-Madonna għax lil Alla tqegħedu bħala l-ewwel kobor tal-ħajja.  Minn hawn jinbet il-'Magnificat', minn hawn jitwieled il-ferħ: mhux min-nuqqas ta' problemi, li xi ħin jew ieħor se jitfaċċaw, imma l-ferħ jitnissel mill-preżenza ta' Alla li jgħinna, li hu qrib tagħna.  Għax Alla huwa kbir.  U fuq kollox, Alla jħares lejn iċ-ċkejknin.  Aħna d-dgħufija ta' mħabbtu: Alla jħares lejn u jħobb liċ-ċkejknin.

Infatti, Marija tagħraf li hi ċkejkna u tigglorifika "l-ħwejjeġ kbar" (v. 49), li Alla għamel magħha.  Liema huma?  Qabel kollox id-don mhux mistenni tal-ħajja: Marija hija verġni u toħroġ tqila; Eliżabetta wkoll, li kienet imdaħħla fiż-żmien, qed tistenna tarbija.  Il-Mulej jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb biċ-ċkejknin, ma' min ma jidhirlux li hu kbir imma f'ħajtu jħalli wisa' kbir għal Alla.  Hu juri l-ħniena tiegħu ma' dawk li jafdaw fih u jgħolli lill-umli.  Marija tfaħħar 'l Alla għal dan.

U aħna - nistgħu nistaqsu lilna nfusna - nftakar li għandi nfaħħar 'l Alla?  Niżżuh ħajr għall-kobor ta' dak li jagħmel magħna?  Għal kull ġurnata li jirregalalna, għax iħobbna u jaħfrilna dejjem, għat-tenerezza tiegħu?  U wkoll għax tana lil Ommu, għall-aħwa li jqiegħed tul il-mixja tagħna, għax fetħilna l-Ġenna?  Aħna niżżuh ħajr 'l Alla, infaħħruh għal dawn il-ħwejjeġ?  Jekk aħna ninsew dal-ġid, qalbna tiċkien.  Imma jekk, bħal Marija, niftakru fil-ħwejjeġ kbar li jagħmel il-Mulej, kieku tal-anqass darba kuljum infaħħruh, allura nkunu qed nagħmlu pass kbir 'il quddiem.  Darba kuljum nistgħu ngħidu: "Jien infaħħar il-Mulej"; "Ikun imbierek il-Mulej": hi talba żgħira ta' tifħir.  Dan hu t-tifħir lil Alla.  B'talba żgħira bħal din, il-qalb tinħall u joktor il-ferħ.  Nitolbu lill-Madonna, bieb tas-Sema, il-grazzja li nibdew il-ġurnata kuljum billi nerfgħu ħarsitna lejn is-sema, lejn Alla, biex ngħidulu: "Grazzi!", kif iċ-ċkejknin jgħidu lill-kbar.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

il-Verġni Marija, li llum qed nikkuntemplawha fil-glorja ċelesti, hi "Omm it-tama".  Reċentement dan it-titlu ddaħħal fil-Litanija Lawretana.  Ninvokaw l-interċessjoni tagħha għas-sitwazzjonijiet kollha tad-dinja li huma l-aktar għatxana għat-tama: tama tal-paċi, tal-ġustizzja, tama ta' ħajja aktar dinjituża.  Illum nixtieq nitlob partikolarment għall-popolazzjonijiet tar-reġjun tan-naħa t-tisfel tal-Niġerja, li sfaw vittmi ta' vjolenza u attakki terroristiċi.

Qed insegwi b'attenzjoni partikolari s-sitwazzjoni tat-trattattivi diffiċli dwar il-kwistjoni tal-Nil bejn l-Eġittu, l-Etjopja u s-Sudan.  Nistieden lill-partijiet kollha biex ikomplu mexjin fit-triq tad-djalogu, sabiex "ix-Xmara Eterna" tibqa' tkun l-ilma tal-ħajja li tgħaqqad u mhux tifred, li ssaħħaħ il-ħbiberija, il-prosperità, il-fratellanza u qatt il-mibgħeda, in-nuqqas ta' fehim u l-kunflitt.  Jalla d-djalogu jkun, għeżież ħuti tal-Eġittu, tal-Etjopja u tas-Sudan, jalla d-djalogu jkun l-għażla waħdanija tagħkom, għall-ġid tal-għeżież popolazzjonijiet tagħkom u tad-dinja kollha.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  Insellem b'mod partikolari liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika minn San Gerolamo fi Trieste.

Nawgura l-festa tal-Assunta t-tajba lilkom li hawn preżenti, li min jinsab fi btala, kif ukoll li dawk li ma jistgħux ikollhom dil-possibbiltà, speċjalment il-morda, il-persuni waħedhom u kull min qed jagħti servizzi indispensabbli għall-kollettività.

Ikun ġest sabih illum li wieħed imur f'xi Santwarju biex jagħti qima lill-Madonna.  Ir-rumani u kull min jinsab Ruma jista' jmur Santa Maria Maggiore biex jitlob quddiem ix-xbieha "Salus Populi romani".  Il-festa t-tajba lilkom ilkoll!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u għal għada!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber