IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

il-Ħadd, 14 ta' Frar, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Sabiha l-pjazza bix-xemx!  Sabiha!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Mk 1,40-45) jippreżentalna l-laqgħa bejn Ġesł u raġel marid bil-lebbra.  Il-lebbrużi kienu meqjusin imniġġsa u, skont il-preskrizzjonijiet tal-Liġi, kellhom jibqgħu 'l barra miċ-ċentru abitat.  Kienu maqtugħin għal kollox minn kull relazzjoni umana, soċjali u reliġjuża: per eżempju, ma setgħux jidħlu fis-sinagoga, ma setgħux jidħlu fit-tempju, reliġjożament ukoll.  Imma Ġesł jħalli lir-raġel imissu, ġietu  ħniena u saħansitra joħroġ idu u jmissu, ħaġa li dak iż-żmien mank kienet tgħaddilek minn moħħok.  Hekk, Hu jwettaq il-Bxara t-Tajba li tħabbar: Alla resaq qrib ħajjitna, tiġih ħniena mix-xorti tal-umanitą miġrugħa u jiġi biex iwaqqa' kull barriera li ma tħalliniex ngħixu r-relazzjoni tagħna miegħu, mal-oħrajn u magħna nfusna.  Resaq qribna.... Qrubija.  Ftakruha tajjeb dil-kelma: qrubija.  Ħniena: l-Evanġelju jgħidilna li meta ra lil-lebbruz, ġietu ħniena.  Hija tenerezza.  Tliet kelmiet li juruna l-istil ta' Alla: qrubija, ħniena, tenerezza.  F'dan l-episodju nistgħu nilmħu żewġ "(trasgressjonijiet) ksur tal-Liġi" li jiltaqgħu: it-trasgressjoni tal-lebbruz li jersaq lejn Ġesł - u dan ma setax jagħmlu -, u Ġesł, li mqanqal mill-ħniena, imissu biex ifejqu - dan ma setax jagħmlu.  It-tnejn li huma kisru l-Liġi.  Hemm żewġ trasgressjonijiet.

L-ewwel waħda hi dik tal-lebbruz: minkejja l-preskrizzjonijiet tal-Liġi, hu joħroġ mill-iżolament u jiġi għand Ġesł.  Il-marda tiegħu kienet meqjusa kastig divin, imma hu, f'Ġesł jista' jilmaħ wiċċ ieħor ta' Alla: mhux Alla li jikkastiga, iżda l-Missier tal-ħniena u tal-imħabba li jeħlisna mid-dnub u qatt ma jbarrina mill-ħniena tiegħu.  Hekk, dak ir-raġel seta' joħroġ mill-iżolament għax f'Ġesł jsib lil Alla li jaqsam id-dwejjaq miegħu.  L-atteġġjament ta' Ġesł jiġbdu, jixprunah biex joħroġ minnu nnifsu u jqiegħed l-istorja tan-niket tiegħu f'idejh.

U hawn ippermettuli nfakkar lil tant saċerdoti konfessuri tajbin li għandhom dan l-atteġġjament: li jiġbdu n-nies, tant nies li jħossuhom 'xejn', iħossuhom "mal-art" minħabba dnubiethom....  Imma bit-tenerezza, bil-kompazzjoni...  Bravi dawk il-konfessuri li ma jkollhomx il-frosta f'idejhom, imma biss jilqgħu, jisimgħu u jgħidu li Alla hu twajjeb u li Alla jaħfer dejjem, li Alla qatt ma jegħja jaħfer.  Illum, lilkom ilkoll, hawn fil-pjazza, ilkoll, nitlobkom tagħtu applaws lil dawn il-konfessuri mimlijin ħniena.  (applaws).

It-tieni trasgressjoni hi dik ta' Ġesł: filwaqt li l-Liġi ma kinitx tippermetti li xi ħadd imiss lil-lebbrużi, Hu tiġih ħniena, joħroġ idu u jmissu biex ifejqu.  Xi ħadd forsi jgħid: dineb, għamel dak li ma kinitx trid il-Liġi, hu trasgressur.  Minnu, hu trasgressur.  Ma jitkellimx biss, imma jmissu.  U l-mess bl-imħabba jfisser li tkun qed tissawwar relazzjoni, daħal f'komunjoni, involva ruħu fil-ħajja tal-ieħor sa ma qasam miegħu l-ġrieħi.  B'dal-ġest Ġesł juri li Alla mhux indifferenti, ma jżżommx "id-distanza soċjali"; anzi, jersaq qrib bil-ħniena u jmissilna ħajjitna biex ifejjaqha bit-tenerezza.  Dan hu l-istil ta' Alla: qrubija, ħniena u tenerezza.  It-trasgressjoni ta' Alla: Huwa trasgressur kbir f'das-sens.

Ħuti, illum ukoll fid-dinja tant ħutna jbatu minn dil-marda, il-marda ta' Hansen, jew b'mard ieħor jew kundizzjonijiet li, sfortunatament, norbtuhom ma preġudizzji soċjali.  "Dan midneb!"  Aħsbu ftit f'dak il-mument (cfr Lq 7,36-50) meta waqt dik l-ikla daħlet il-mara u ferrgħet il-fwieħa fuq riġlejn Ġesł.  L-oħrajn bdew jgħidu: "Kieku dan kien profeta kien ikun jaf min hi, li hi midinba".  Id-disprezz.  Minflok, Ġesł jilqa', anzi jirringrazzja: "Dnubietek maħfura".  It-tenerezza ta' Ġesł.  U l-preġudizzju soċjali li nwarrbu lin-nies bil-kliem: "Dan imniġġes, dan midneb, dan qarrieq, dan...."  Iva, kultant hu minnu, imma m'għandux ikollna preġudizzji.  Kull wieħed u waħda minna jista' jiġrilna li nġarrbu feriti, fallimenti, sofferenzi, egoiżmi li jagħlquna għal Alla u għall-oħrajn, għax id-dnub jagħlaqna fina nfusna, minħabba l-mistħija, l-umiljazzjoni, imma Alla jrid jiftaħhom il-qlub.  Quddiem dan kollu, Ġesł jħabbrilna li Alla mhux xi 'idea' jew duttrina astratta, iżda Alla hu Dak li jitniġġes bl-umanitą miġrugħa tagħna u ma jibżax imiss il-pjagi tagħna.  "Imma, sur patri, x'int tgħid?  Li Alla jitniġġes?"  Mhux jien qed ngħidu dan, qalu San Pawl: sar dnub (cfr 2 Kor 5, 21).  Hu li mhux midneb, ma jistax jidneb, sar dnub.  Ara kif tniġġes Alla biex joqrob lejna, biex ikollu ħniena u biex ifehmna t-tenerezza tiegħu.  Qrubija, ħniena u tenerezza.

B'rispett lejn ir-regoli tal-fama tajba u tad-drawwiet soċjali, aħna spiss insikktu t-tbatija u nilbsu l-maskra biex naħbuha.  Biex nirrikonċiljaw il-kalkoli tal-egoiżmi tagħna jew il-liġijiet tal-biża' moħbija ġo fina, ma ninvlovux ruħna wisq fit-tbatijiet tal-oħrajn.  Minflok, ejjew illum nitolbu lill-Mulej i-grazzja li ngħixuhom dawn iż-żewġ "trasgressjonijiet" li għandna fl-Evanġelju tal-lum.  Dik tal-lebbruz ħalli jkollna l-kuraġġ li noħorġu mill-iżolament tagħna u, minflok noqgħodu nitħassru lilna nfusna jew nibku l-fallimenti tagħna, nilmentaw u immorru għand Ġesł kif aħna: "Mulej, hekk jien".  Inġarrbu dik it-tgħanniqa tant sabiha ta' Ġesł: imħabba li teħodna 'l hinn mill-konvenzjonijiet, li tgħinna negħlbu l-preġudizzji u l-biża li 'nitħalltu' mal-ħajja tal-ieħor.  Nitgħa;;mu nkunu trasgressuri bħal dawn it-tnejn: bħal-lebbruż u bħal Ġesł.

Jalla  f'dil-mixja takkumpanjana l-Verġni Marija, li issa se nsejulha bit-talba tal-Angelus.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

inħares dejjem bi gratitudni lejn l-impenn ta' dawk li jaħdmu favur il-migranti.  Irroddilhom ħajr ilkoll għal dak li jagħmlu għall-migranti.  illum, b'mod partikolari, ningħaqad mal-Isqfijiet tal-Kolombja biex nesprimi r-rikonoxxenza għad-deċiżjoni tal-Awtoritajiet kolombjani li jimplimentaw "l-Istatut tal-Protezzjon iTemporanja" għall-migranti venezwelani li hemm fil-pajjiz, biex ikunu milqugħin, ikollhom il-ħarsien u jiksbu l-integrazzjoni.  U dan mhux qed jagħmlu xi pajjiz ta' għana bla qies, soprażviluppat, le, qed jagħmlu pajjiz mimli problemi ta' żvilupp, faqar, paċi, bi kważi 70 sena ta' gwerrilja...  Imma minkejja l-problemi sab il-kuraġġ li jħares lejn dawk il-migranti u jagħmel dan l-Istatut.  Grazzi lill-Kolombja.  Grazzi!

Illum, festa ta' San Ċrillu San Metodju, evanġelizzaturi tal-popli slavi, li San Ġwanni Pawlu II ħatarhom ko-patruni tal-Ewropa, imsellem b'għożża lill-komunitajiet li jgħixu fit-territorji evanġelizzati minn dawn l-aħwa qaddisin.  L-interċessjoni tagħhom tgħin biex jinstabu toroq ġodda ħalli jitwassal l-Evanġelju.   Ma beżgħux dawn it-tnejn, ifittxu toroq ġodda biex iwasslu l-Evanġelju.  U jalla l-interċessjoni tagħhom isseddaq fil-Knejjes kristjani x-xewqa li jimxu lejn għaqda sħiħa bir-rispett lejn id-differenzi.

U llum ma jistax jonqos, fil-jum ta' San Valentinu, li ndawwar ħsiebi lejn u nawgura lill-għarajjes, lin-namrati: nakkumpanjahom bit-talb tiegħi u nberikom.

U issa t-tislima tiegħi tkun lilkom, fidili minn Ruma, u pellegrini.  Qed nara li hawn franċiżi, messikani, spanjoli, pollakki...   Merħba lilkom ilkoll! Ħafna tislijiet!

Nhar l-Erbgħa li ġej nibdew ir-Randan.  Ikun żmien tajjeb biex nagħtu sens ta' fidi u tama lill-kriżi li għaddejjin minnha.

U ma rridx ninsa t-tliet kelmiet li jfehmuna x'inhu l-istil ta' Alla.  Tinsewx: qrubija, ħniena u tenerezza.  Intennuhom flimkien?   Qrubija, ħniena u tenerezza..

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

 Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber