IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 13 ta' Diċembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-istedina għall-ferħ hi karatteristika taż-żmien tal-Avvent: l-istennija għat-twelid ta' Ġesł, l-istennija li qed ngħejxu hi ferrieħa, xi ftit jew wisq bħal meta nkunu qed nistennew iż-żjara ta' xi persuna li nħobbu ħafna, per eżempju xi ħabib li nkunu ilna ma narawh żmien twil, xi qarib...  Aħna nkunu qed nistennew bil-ferħ.  Din id-dimensjoni ta' ferħ titfaċċa speċjalment illum, it-tielet Ħadd, li jiftaħ bl-eżortazzjoni ta' San Pawl "Ifirħu dejjem fil-Mulej" (Antifona tad-dħul; cfr Fil. 4,4.5).  "Ifirħu!"  Il-ferħ nisarni.  U għaliex dan il-ferħ?  Għax "il-Mulej hu qrib" (v. 5).  Aktar ma' l-Mulej ikun qrib tagħna aktar inkunu fil-ferħ; aktar ma Hu jkun imbiegħed, aktar inkunu fid-dwejjaq.  Din hi regola għall-insara.  Darba, filosfu kien jgħid xi ħaġa hekk: "Jien ma nifhimx kif tista' tkun temmen illum għax dawk li jgħidu li jemmnu għandhom wiċċ ta' funeral.  Ma jagħtux xhieda tal-ferħ tal-qawmien ta' Ġesu Kristu".  Tant insara b'dak il-wiċċ, iva, wiċċ ta' funeral, wiċċ id-dwejjaq.....  Imma Kristu rxoxta! Kristu jħobbok! U int ma tħossx ferħ?  Naħsbu ftit f'dan u ngħidu: "Jien inħoss il-ferħ għax il-Mulej hu qrib tiegħi, għax il-Mulej iħobbni, għax il-Mulej fdieni?"

L-Evanġelju skont Ġwanni, li għandna llum jippreżentalna l-persunaġġ bibliku illi - apparti l-Madonna u San Ġużepp - kien l-ewwel u l-aktar li għex l-istennija tal-Messija u l-ferħ li raħ jasal: naturalment, qed nitkelllmu dwar Ġwanni l-Battista (cfr Gv 1,6-8.19-28).

L-evanġelista jintroduċih b'mod solenni: "Ġie raġel mibgħut minn Alla (....). ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl" (vv. 6-7)  Il-Battista hu l-ewwel xhud ta' Ġesł, bil-kelma u bl-għoti ta' ħajtu.  L-Evanġelji kollha jaqblu xħin juru kif hu wettaq il-missjoni tiegħu billi wera lil Ġesł bħala 'il-Kristu', il-Mibgħut minn Alla imwiegħed mill-profeti.  Ġwanni kien il-leader ta' żmienu.  Il-fama tiegħu xterdet mal-Ġudeja kollha u aktar 'l hinn, sal-Galilija.  Iżda hu, lanqas għal waqt wieħed, ma waqa fit-tentazzjoni li jiġbed l-attenzjoni fuqu nnifsu: dejjem kien jipponta lejn Dak li kellu jiġi.  Kien jgħid: "Jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu" (v.27).  Dejjem jindika lil Ġesł.  Bħalma kienet il-Madonna: dejjem tindika lill-Mulej: "Agħmlu dak li jgħidilkom Hu".  Il-Mulej dejjem fiċ-ċentru.  Il-qaddisin madwar jindikaw lil Ġesł.  U min ma jurix lill-Mulej mhuwiex qaddis!

Din hi l-ewwel kundizzjoni tal-ferħ nisrani: ma jibqax iċ-ċentru biex iqiegħed fiċ-ċentru lil Ġesł.  Din mhix aljenazzjoni, għax Ġesł effettivament hu iċ-ċentru, hu d-dawl li jagħti sens sħiħ lill-ħajja ta' kull raġel u mara li jiġu f'did-dinja.  Huwa l-istess dinamiżmu tal-imħbba li jwassalni biex noħroġ minni nnifsi, mhux biex nintilef, imma biex insib lili nnifsi jien u ningħata, jien u nfittex il-ġid tal-ieħor.

Ġwanni l-Battista għamel mixja twila biex wasal ikun xhud ta' Ġesł.  Il-mixja tal-ferħ mhix passiġġata.  Meħtieġa ħafna ħidma biex inkunu dejjem fil-ferħ.  Ġwanni ħalla kollox, sa minn żgħożitu, biex iqiegħed lil Alla fl-ewwel post, biex b'qalbu kollha u l-forzi tiegħu kollha jisma' l-Kelma tiegħu.  Ġwanni mar fid-deżert u tneżża' minn kull ma hu żejjed biex ikun aktar ħieles jimxi skont ir-riħ tal-Ispirtu s-Santu.  Ċertament, xi karatteristiċi  tal-personalitą tiegħu huma uniċi, mhux ripetibbli, ma jgħoddux għal kulħadd.  Imma x-xhieda tiegħu hi mudell għal kull min irid ifittex is-sens ta' ħajtu u jsib il-veru ferħ.  B'mod partikolari, il-Battista hu mudell għal dawk kollha li fil-Knisja għandhom is-sejħa jħabbru 'l Kristu lill-oħrajn: jistgħu jagħmlu dan biss jekk jinqatgħu minnhom infushom u mill-mondanitą, mhux billi jiġbdu lin-nies lejhom imma billi juruhom lil Ġesł.  Da hu l-ferħ: orjentament lejn Ġesł.  il-ferħ għandu jkun il-karatteristika tal-fidi tagħna.  Anki fil-waqtiet tad-dlam, dak il-ferħ intern, li taf li l-Mulej qiegħed magħna, li l-Mulej qam.  il-Mulej!  Il-Mulej!  Dan hu ċ-ċentru ta' ħajjitna, u dan hu ċ-ċentru tal-ferħ tagħna.  Aħsbu sewwa llum: kif qed inġib ruħi?"  Jien persuna ferrieħa li taf tittrasmetti l-ferħ li hi nisranija, jew jien dejjem bħal dawk imdejqin, kif għidt qabel, li donnhom qiegħdin waqt xi funeral?  Jekk jien ma nħossx il-ferħ tal-fidi tiegħi, ma nkunx nista' nagħti xhieda u l-oħrajn jgħidu: "Imma ladarba l-fidi hi daqshekk ta' niket, aħjar ma jkollix".

Aħna u nitolbu l-Angelus issa, naraw dan kollu jitwettaq fil-Verġni Marija: Hi stenniet fis-skiet il-Kelma tas-salvazzjoni ta' Alla; semgħetha, laqgħetha, nisslitha.  Fiha Alla sar qrib.  Hu għalhekk li l-Knisja ssejjaħ lil Marija "Bidu tal-ferħ tagħna".

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini.

Insellem b'mod speċjali lill-grupp li ġie jirrappreżenta lill-familji u lit-tfal ta' Ruma, fl-okkażjoni tat-tberik tal-"Bambini", appuntament organizzat miċ-Ċentru tal-Oratorji Rumani.

Dis-sena tinsabu hawn f'numru żgħir minħabba l-pandemija, imma naf li bosta tfal u adoloxxenti jinsabu miġburin fl-oratorji u fi djarhom u qed isegwuna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.  Insellem lil kull wieħed u waħda minnkom u nbierek ix-xbiehat tal-Bambinelli: fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Meta tkunu qed titolbu quddiem il-presepju flimkien mal-familji taghħkom, ħallu t-tenerezza ta' Ġesł Bambin tiġbidkom lejha, Hu li twieled fqir u dgħajjef fostna, biex itina mħabbtu.

Nwgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Tinsewx il-ferħ!  In-nisrani qalbu ferrieħa anki waqt il-provi; hi ferrieħa għax hi qrib Ġesł: huwa Hu li jtina l-ferħ.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber