IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru, 2024

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

 

L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Mk 10,17-30) jgħidilna li raġel għani mar jgħaġġel biex jiltaqa’ ma’ Ġesù u jsaqsih: “Mgħallem tajjeb x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (v. 17).  Ġesù jistiednu biex jitlaq kollox u jmur warajh, imma dak b’wiċċ imqarras, telaq ‘l hemm għax – tgħidilna s-silta –“kellu ħafna ġid” (v. 23).  Iebsa li tħalli kollox.

 

Nistgħu nosservaw iż-żewġ movimenti ta’ dar-raġel: għall-bidu mar jgħaġġel biex ifittex lil Ġesù; fl-aħħar, però, telaq b’wiċċu mqarras, telaq b’qalbu sewda.  L-ewwel għaġġel biex jiltaqa’, imbagħad telaq.  Nieqfu dwar dawn.

 

Qabel xejn, dan t-tali mar għand Ġesù bl-għaġla.  Qiesu li xi ħaġa f’qalbu kienet timbuttah: infatti, minkejja li kellu ħafna ġid, mhux sodisfatt, iħossu inkwiet, qed ifittex milja ta’ ħajja aħjar.  Kif spiss jagħmlu l-morda u ippossessati (cfr Mk 3,10; 5,6), fl-Evanġelju naraw li hu jintefa’ f’riġlejn l-Imgħallem; għani, madnakollu għandu bżonn il-fejqan.  Għani imma jeħtieġ il-fejqan.  Ġesù jħares lejh bl-iħabba (v. 21); imbagħad jissuġġerilu “terapija”: ibigħ kulma għandu, itiħ lill-foqra u jmur warajh. Imma f’dal-punt, tasal konklużjoni mhux mistennija: dar-raġel iqarras wiċċu u jitlaq ‘l hemm!  Daqskemm kienet kbira x-xewqa li jiltaqa’ ma’Ġesù, daqstant ieħor kienet bierda u ta’malajr il-firda minn miegħu.

 

Aħna wkoll nġorru fi qlubna bżonn li ma nistgħux irrażżnuh tal-hena u ta’ ħajja mimlija tifsir; madankollu nistgħu naqgħu fl-illużjoni li naħsbu li t-tweġiba tinsab filli jkollna ħafna ġid materjali u fis-sigurtajiet tad-dinja.  Iżda Ġesù jrid ireġġgħana lura lejn il-verità tax-xewqat tagħna u jgħinna niskopru li, fir-realtà, il-ġid li aħna mxennqin għalih hu Alla nnifsu, imħabbtu lejna u l-ħajja ta’ dejjem li Hu u Hu biss jista’ jtina.  Il-veru rikkezza hi li Alla jħares lejna bl-imħabba – din hi rikkezza kbira – u kif jagħmel Ġesù ma’ dak ir-raġel, inħobbu lil xulxin u ħajjitna nagħmluha don għall-oħrajn.  Għalhekk, ħuti, Ġesù jistedinna nirriskjaw, “nirriskjaw l-imħabba”: inbiegħu kollox biex intuh lill-foqra, li jfisser li ninżgħu minna nfusna u mis-sigurtajiet foloz tagħna, biex inkunu attenti għal min jinsab fil-bżonn u naqsmu l-ġid li għandna, mhux biss dak li hu materjali imma wkoll dak  kollu li jsawwarna: it-talenti tagħna, il-ħbiberija tagħna, il-ħin tagħna, eċċ.

 

Ħuti, dak ir-raġel għani ma riedx jirriskja, jirriskja xiex?   Ma riedx jirrriskja l-imħabba u telaq b’wiċċu mqarras.  U aħna?  Insaqsu: ma’ xiex inhi marbuta qalbna?  Kif intaffuh il-ġuħ tal-ħajja u tal-hena?  Nafu naqsmu ma’ min hu fqir,  ma’ min jinsab f’diffikultà jew għandu bżonn min jisimgħu, għandu bżonn tbissima, kelma li tgħinu jiskeb lura t-tama?  Jew li għandu bżonn ikun mismugħ...  Niftakruh dan:  il-veru għana mhux il-ġid tad-dinja, il-veru rikkezza hi li Alla jħobbna, li nitgħallmu nħobbu bħalma jħobb Hu.

 

U issa nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija sabiex tgħinna niskopru t-teżor tal-ħajja f’Ġesù.

 

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

 

Qed inkompli nsegwi bi preokkupazzjoni dak li qed iseħħ fil-Lvant Nofsani, u mill-ġdid nitlob li jieqaf il-ġlied  minnufih fuq il-fruntieri kollha.  Ejjew nimxu fit-triq tad-diplomazija u d-djalogu biex niksbu l-paċi.

 

Jien qrib il-popolazzjonijiet kollha mdaħħlin f’dal ġlied,  fil-Palestina, f’Iżrael u fil-Libanu, fejn nitlob li jkun hemm rispett lejn il-forzi tal-paċi tal-Ġnus Magħquda.  Nitlob għall-vittmi kollha, għall-evakwati, għall-ostaġġi li nawgura li jinħelsu bla telf ta’ żmien, u nittama li dis-sofferenza kbira inutli, iġġenerata mill-mibgħeda u l-vendetta, ma ddumx ma tintemm.

 

Ħuti, il-gwerra hi illużjoni, telfa, qatt ma twassal għall-paċi, qatt ma ġġibi s-sigurtà, hi telfa għal kulħadd, l-aktar għal min jaħseb li hu invinċibbli.  Ieqfu, jekk jogħġobkom!

 

Nagħmel appell biex l-Ukreni ma jitħallewx imutu bil-kesħa, waqqfu l-attakki mill-ajru fuq il-popolazzjoni ċivili, li dejjem hi l-aktar milquta.  Biżżejjed qtil tal-innoċenti!

 

Qed insegwi s-sitwazzjoni drammatika f’Haiti fejn għadha għaddejja l-vjolenza fuq il-popolazzjoni, li qed ikollha taħrab minn djarha biex tfittex kenn ximkien ieħor, kemm f’pajjiżha u wkoll f’oħrajn.  Ma nisnewhom qatt lil ħutna ta’ Haiti.  Nistieden lil kulħadd jitlob sabiex tieqaf kull għamla ta’ vjolenza u bl-impenn tal-Komunità Internazzjonali tkompli l-ħidma biex ikun hemm il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż bħala difiża għad-dinjità u d-drittijiet ta’ kulħadd.

 

Insellem lilkom rumani u Pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi oħra, partikolarment lill-Assoċjazzjoni Milizia dell’Immacolata mwaqqfa minn San Massimiljanu Kolbe, lill-parroċċi ta’ Resuttano (Caltanissetta), lill-atleti paralimpiċi taljani flimkien mal-gwidi u l-asistenti tagħhom u lill-grupp Pax Christi International.

 

Insellem mill-ġdid lill-istudenti l-ġodda tal-Collegio Urbano li ltqajt magħhom dalgħodu.

 

Nhar il-Ġimgħa li ġej, 18 ta’ Ottubru, il-Fundazzjoni “Aid to the Church in Need” qed tipproponi inizjattiva “Miljun tfal jirreċitaw ir-Rużarju għall-paċi fid-dinja”.  Grazzi lit-tal kollha subien u bniet li se jieħdu sehem!  Ningħaqdu magħhom u nitolbu l-interċessjoni tal-Madonna -  li llum jaħbat l-anniversarju tal-aħħar dehra tagħha f’’Fatima – fl-interċssjoni tal-Madonna nħallu lill-Ukrajna mifluġa, il-Myanmar, is-Sudan u l-popolazzjonijiet l-oħra li qed isofru minħabba l-gwerra u minħabba kull forma ta’ vjolenza u miżerja.

 

Insellem lill-grupp tal-Immacolata u qed nara bnadar pollakki, brażiljani, arġentini, ekwadorjani, franċiżi... insellem lil kulħadd!

 

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber