Laikos

 

ANGELUS

Ħadd il-Palm

13 ta’ April, 2025

 

Test imħejji mil-Papa Franġisku

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

Illum Ħadd il-Palm, fl-Evanġelju smajna r-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej skont Luqa (cfr Lq 22,14-23,56).  Smajna li Ġesù, kemm-il darba dar lejn il-Missier: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi”(22,42). “Missier, aħfrilhom għax ma jafux xinhuma jagħmlu” (23,34); “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (23,46).  Bla difiża u umiljat, rajnih jimxi lejn is-salib bis-sentimenti u l-qalb ta’ tfajjel iggranfat ma’ għonq missieru, fraġli fil-ġisem imma qawwi fl-abbandun mimli fiduċja, sa ma jieħdu n-ngħas, fil-mewt, f’dirajgħ.

 

Huma sentimenti li l-liturġija tistedinna nikkuntemplawhom u nagħmluhom tagħna.  Ilkoll  għandna l-uġigħ, fiżiku jew morali, u l-fidi tgħinna biex ma naqgħux fid-disperazzjoni, biex ma ningħalqux fl-imrar tagħna, imma naffrontawhom u nħossuna mħaddnin, bħal Ġesù, mit-tgħannieqa providenti u ħanina tal-Missier.

 

Ħuti, irroddilkom ħajr minn qalbi għat-talb tagħkom.  F’dal-waqt ta’ dgħufija fiżika jgħinni nħoss ferm aktar il-qrubija, il-kumpassjoni u t-tenerezza ta’ Alla.  Jien ukoll nitlob għalikom u nitlobkom biex flimkien miegħi inqiegħdu lil kulmin qed isofri f’idejn il-Mulej, speċjalment lil min u milqut mill-gwerra, mill-faqar jew mid-diżastri naturali.  Jalla l-Mulej jilqa’ fil-paċi tiegħu il-vittmi tat-tiġrif tal-lokal f’Santo Domingo, u jfarraġ lill-familjari.

 

Fil-15 ta’ April jitfakkar bi swied il-qalb it-tieni anniversarju minn mindu beda l-kunflitt fis-Sudan, b’eluf ta’ mejtin u miljuni ta’ familji mġagħlin jabbandunaw djarhom.  It-tbatija tat-tfal, tan-nisa u tal-persuni vulnerabbli hi għajta lejn is-sema li qed titlobna bil-ħniena biex nagħmlu xi ħaġa.  Inġedded l-appell tiegħi lill-partijiet li qed jiġġieldu sabiex iwaqqfu l-vjolenza u jibdew mixja ta’ djalogu, u wkoll lill-Komunità Internazzjonali biex ma tħallix nieqsa l-għajnuna essenzjali lill-popolazzjonijiet.

 

U niftakru wkoll fil-Libanu, fejn ħamsin sena ilu kienet bdiet il-gwerra ċivili traġika: bl-għajnuna t’Alla jkun jista’ jgħix fil-paċi u l-prosperità

 

Jalla saflaħħar, tasal il-paċi fl-Ukrajna mbiċċra, fil-Palestina, f’Iżrael, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fil-Myanmar, fis-Sudan t’Isfel.  Jalla Marija, l-Omm Imnikkta, taqlgħalna dil-grazzja u tgħinna ngħixu bil-fidi l-Ġimgħa Mqaddsa.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber