IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 12 ta’ Diċembru, 2021

 Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, it-tielet Ħadd tal-Avvent, jippreżentalna gruppi differenti tal-persuni – il-folla, il-pubblikani u s-suldati – li lkoll intlaqtu bil-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista u għalhekk jistaqsuh: “X’għandna nagħmlu?” (Lq 3, 10).  X’għandna nagħmlu?  Din hi l-mistoqsija li jagħmlu.  Ejjew nieqfu ftit dwar din id-domanda.

Din mhix frott tas-sens tad-dmir.  Pjuttost, hija l-qalb li miss il-Mulej, huwa l-entużjażmu għall-miġja tiegħu li jwassalhom jgħidu: x’għandna nagħmlu?  Ġwanni jgħid: “Il-Mulej qrib” – “X’għandna nagħmlu?”  Nieħdu eżempju: nimmaġinaw li xi ħadd għażiż ġej iżurna.  Aħna nistennewh bil-ferħ, bil-ħerqa.  Biex nilqgħuh kif jixraq innaddfu d-dar, inħejju l-aħjar ikla possibbli, forsi xi rigal....  Insomma, naħdmu sfiq.  L-istess mal-Mulej, il-ferħ tal-miġja tiegħu iġagħalna ngħidu: x’għandna nagħmlu?  Imma Alla, dil-mistoqsija jgħollieha għal livell aktar ‘il fuq: x’se nagħmel b’ħajti?  X’inhi s-sejħa li għandi?  X’iwettaqni?

Meta jissuġġerlina dil-mistoqsija, l-Evanġelju jfakkarna ħaġa importanti: il-ħajja għandha biċċa xogħol għalina.  Il-ħajja mhix bla sens, mhix kumbinazzjoni.  Le!  Hija rigal li jtina l-Mulej filwaqt li jgħidilna: skopri min int u aħdem sfiq biex twettaq il-ħolma tiegħek, ħajtek infisha!  Kull wieħed u waħda minna – ma ninsewhiex din - hija missjoni li għandha titwettaq.  Allura m’hemmx għalfejn nibżgħu nistaqsu lill-Mulej: x’għandi nagħmel?  Intennuhielu spiss dil-mistoqsija.  Din insibuha wkoll fil-Bibbja: fl-Atti tal-Appostli, lil xi nies li kienu qed jisimgħu lil Pietru jħabbar il-qawmien ta’ Ġesù, “laqtilhom qalbhom u lil Pietru u lill-Appostli l-oħra qalulhom: “X’għandna nagħmlu?” (2, 37).  Nagħmlu dil-mistoqsija lilna nfusna wkoll: x’inhu l-aħjar li nagħmel għalija u għal ħuti?  Kif nista’ nkun ta’ fejda għall-ġid tal-Knisja, għall-ġid tas-soċjetà?  Żmien l-Avvent għalhekk jiġi: biex nieqfu u neżaminaw kif għandna nitħejjew għall-Milied.  Inkunu impenjati b’tant tħejjijiet, rigali u ħwejjeġ li jgħaddu, imma ejjew nistaqsu lilna nfusna x’għandna nagħmlu għal Ġesù u għall-oħrajn!  X’inhu dak li għandna nagħmlu?

Għall-mistoqsija “x’għandna nagħmlu”, fl-Evanġelju nsibu t-tweġibiet ta’ Ġwanni l-Battista, li huma differenti għal kull grupp.  Infatti Ġwanni jirrikmanda li min għandu żewġ ilbiesi jaqsam ma min m’għandux x’jilbes; lill-pubblikani, li jiġbru t-taxxi, jgħidilhom: “Tissikkaw lil ħadd biex itikom taxxi aktar milli jmisskom tieħdu” (Lq 3, 13); u lis-suldati: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid tagħkom” (v. 14).  Lil kull grupp qed jgħidlu x’għandu jagħmel b’mod speċifiku skont is-sitwazzjoni ta’ ħajtu.  Dan joffrielna tagħlima prezzjuża: il-fidi tinkarna fil-ħajja konkreta.  Mhix teorija astratta.  Il-fidi mhix teorija astratta.  Il-fidi mhix teorija astratta, teorija ġeneraliżżata, le, il-fidi tmiss il-laħam u tittrasforma l-ħajja ta’ kulħadd.  Naħsbu ftit fil-konkretezza tal-fidi tagħna: hi astratta jew konkreta?  Inħaddimha bis-servizz li nagħti lill-oħrajn, bl-għajnuna li nagħti?

Għalhekk, bħala konklużjoni, nistaqsu lilna nfusna: x’nista’ nagħmel konkretament?  F’dal-ġranet, aħna u resqin qrib il-Milied.  Kif nista’ nagħmel il-parti tiegħi?  Nieħdu impenn konkret, anki ċkejken, li jkun addattat għas-sitwazzjoni ta’ ħajjitna, u nqegħduh fis-seħħ biex nitħejjew tajjeb għal dal-Milied.  Per eżempju: nista’ nċempel lil dik il-persuna li tinsab waħedha, inżur lil dak l-anzjan jew lil dak il-marid, nagħmel xi ħaġa biex inkun ta’ servizz għal xi fqir, fil-bżonn.  Mill-ġdid: forsi għandi nitlob maħfra lil xi ħadd jew naħfer lil xi ħadd, xi sitwazzjoni li rrid niċċara, xi dejn li għandi rrod lura.  Forsi ttraskurajt it-talb u wara ħafna wasal iż-żmien li nersaq nitlob maħfra lill-Mulej.  Ħuti, ejjew infittxu xi ħaġa konkreta u nagħmluha!  Tgħinna l-Madonna li f’ġufha Alla sar bniedem.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nixtieq niżgura talbi għall-għażiża Ukrajna, għall-Knejjes kollha u l-komunitajiet reliġjużi u l-poplu tagħha kollu, sabiex it-tensjonijiet li hemm minħabba fiha jinħallu permezz ta’ djalogu internazzjonali serju u mhux bl-armi.  Tnikkitni ħafna l-istatistika li qrajt dan l-aħħar: matul dis-sena nħadmu aktar armi mis-sena l-oħra.  L-armi mhumiex it-triq.  Jalla dan il-Milied iġib il-paċi fl-Ukrajna!

U nitlob ukoll għall-vittmi tat-uragan li laqat lil Kentucky u nħawi oħra fl-Istati Uniti tal-Amerika.

Issa ippermettuli nitkellem bl-ispanjol.

Insellem minn qiegħ qalbi lill-komunitajiet tal-kontinent amerikan kollu u tal-Filippini – kemm bnadar ta’ pajjiżi amerikani! – li ltaqgħu hawn fi Pjazza San Pietru biex jirreċitaw ir-Rużarju ad unur tal-Verġni ta’ Guadalupe, u biex jikkonsagraw lilhom infushom lilha.  Nifirħilkom.  Nifraħ lil dawk li b’dal-ġest inqagħdu ma kulmin mill-Alaska sal-Patagonja qed jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija ta’ Guadalupe, Omm Alla veru li għalih ngħixu, nhar it-12 ta’ Diċembru.

Il-Verġni ta’ Guadalupe u San Juan Diego jgħallmuna biex nimxu flimkien mill-perfieriji lejn iċ-ċentru, f’komunjoni mas-suċċessuri tal-Appostli, li huma l-Isqfijiet, sabiex inwasslu l-Bxara t-Tajba lil kulħadd.  Din l-esperjenza għandha tittenna aktar minn darba biex Alla, li hu komunjoni, iqanqal il-konverzjoni u jġedded il-Knisja u s-soċjetà, ħaġa tant meħtieġa fil-kontinent amerikan – is-sitwazzjoni ta’ bosta pajjiżi amerikani hi ta’ swied il-qalb kbir – u l-istess hu meħtieġ fid-dinja kollha.

Jien ferħan li b’dan l-att ta’ fidi u testimonjanza pubblika bħal dik li qed tagħmlu intom, illum qed nibdew inħejju l-Ġublew Ta’ Guadalupe tal-2031 u l-Ġublew tar-Redenzjoni tal-2033 – inżżommu dan dejjem f’moħħna.

Ikoll flimkien: Viva l-Verġni ta’ Guadalupe!

Nagħti l-awguri tiegħi ukoll lill-Caritas Internationalis, li għalqet 70 sena.  Għadha tfajla!  Għandha tikber u tissaħħaħ aktar!  Il-Caritas hi l-id mimlija mħabba tal-Knisja għall-foqra u l-aktar vulnerabbli li fihom hemm Kristu preżenti, fid-dinja kollha.  Nistedinkom tkomplu l-ħidma tagħkom b’servizz umli u bil-kreattività, biex tilħqu lil dawk l-aktar emarġinati, bħala antidotu għall-kultura tal-iskart u l-indifferenza.  Nagħmel kuraġġ b’mod partikolari lill-kampanja dinjija tagħkom Insieme noi (Flimkien aħna), imwaqqfa bil-qawwa tal-komunitajiet biex tmexxi ‘l quddiem il-kura tal-ħolqien u tal-foqra.  Il-ġrieħi li għamilna lid-dar komuni tagħna jħallu effetti drammatiċi fuq tal-aħħar, imma l-komunitajiet jistgħu jagħtu sehemhom biex isseħħ il-konverżjoni ekoloġika.  Għaldaqstant nistedinkom tingħaqdu mal-kampanja tal-Caritas Internationalis!  U intom, għeżież ħbieb tal-Caritas Internationalis, komplu l-ħidma biex tissimplifikaw l-oragnizzazzjoni ħalli l-flus ma jmorrux fl-organizzazzjoni imma għand il-foqra.  Issimplifikawha kemm tifilħu din l-organizzazzjoni.

U nsellem liklom ilkoll, rumani u pellegrini; speċjalment intom, tfal li ġejtu bil-Bambini tagħkom biex tberkuhom.  Fl-aħħar inbierek il-Bambini kollha.  Irrodd ħajr liċ-Ċentru tal-Oratorji ta’ Ruma, u nistedinkom twasslu l-awguri tiegħi tal-Milied it-Tajjeb lin-nanniet tagħkom u lill-għeżież tagħkom kollha.

Insllem lill-fidili minn Leiria (il-Portugall) u lil dawk mill-parroċċa San Luiġi Gonżaga f’Ruma.  Insellem lit-tfal minn Civitavecchia li qed jitħejjew għall-Ewwwel Tqarbina u lill-adoloxxenti minn Ruma ta’ Santa Marija tal-Evanġelizzazzjoni, li mexjin fit-triq lejn il-Ġriżma .  Insellem lill-iScouts adulti minn Rimini u San Marino-Montefeltro; lill-grupp tal-ħaddiema mill-iskola ta’ Sondrio; kif ukoll liċ-ċittadini tal-villaġġi ardeatini, u nħeġġiġhom jimpenjaw ruħhom bid-djalogu għall-ħarsien tat-territorju tagħhom.  Insellem ukoll lill-grupp minn Senigallia, fir-reġjun tal-Marche.

U lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Insellmu mill-ġdid lill-Madonna ta’ Guadalupe: “Viva l-Verġni ta’ Guadalupe!”.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber