IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 12 ta’ Novembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!

Illum, l-Evanġelju joffrielna storja li tolqot is-sens tal-ħajja tagħna lkoll.  Hi l-parabbola tal-għaxar xebbiet imsejħin biex imorru jiltaqgħu mal-għarus (cfr Mt 1-13).  Dan hu l-għajxien: tħejjija kbira għall-jum li fih se nkunu msejħin biex niltaqgħu ma’ Ġesù!  Iżda fil-parabbola, minn dawk l-għaxar xebbiet, ħamsa huma għaqlin u ħamsa boloħ.  Naraw għalhekk xi jfissru l-għalaq u l-bluha.  L-għaqal tal-ħajja u l-bluha tal-ħajja.

Dawk id-damiġelli kollha qegħdin hemm biex jilqgħu lill-għarus, jiġifieri jridu jiltaqgħu miegħu, kif aħna wkoll nixtiequ li ħajjitna tkun hienja: id-differenza bejn l-għaqal u l-bluha għalhekk mhix ir-rieda tajba.  U lanqas tinsab fil-puntwalità li biha naslu għal-laqgħa: ilkoll kienu hemm.  Id-differenza bejn l-għaqlin u l-boloħ hija ħaġ’oħra: it-tħejjija.  It-test jgħid: l-għaqlin minbarra l-musbiħ ħadu wkoll iż-żejt fil-kus (v. 4); iżda l-boloħ le.  Din hi d-differenza: iż-żejt.  Xinhi waħda mill-karatteristiċi taż-żejt?  Ma jidhirx: qiegħed fil-lampi, mhux apparixxenti, imma mingħajru l-imsiebaħ ma jagħmlux dawl.

Inħarsu fina nfusna u naraw li ħajjtina tgħaddi mill-istess riskju: bosta drabi nkunu aktar attenti għall-apparenzi, l-importanti hu li nieħdu ħsieb id-dehra tagħna, naqtgħu figura tajba quddiem l-oħrajn.  Imma Ġesù jgħid li l-għaqal tal-ħajja qiegħed ximkien ieħor: f’li nieħdu ħsieb dak li ma jidhirx imma hu aktar importanti: il-qalb.  Il-ħarsien tal-ħajja interjuri.  Ifisser li nagħrfu nieqfu biex nisimgħu lil qalbna, biex nishru fuq ħsibijietna u s-sentimenti tagħna.  Kemm drabi lanqas inkunu nafu xinhu jiġri fil-qalb tagħna f’dak il-jum.  X’jgħaddi ġewwa kull wieħed u waħda minna? L-għaqal ifisser li nagħrfu niċċaħdu minn ftit ħin quddiem l-iskrin tat-telefon biex inħarsu lejn id-dawl f’għajnejn l-oħrajn, fi qlubna, fil-ħarsa t’Alla fuqna.  Ifisser li ma nippermettux li ninqabdu fix-xibka tal-attiviżmu, imma niddedikaw ftit ħin lill-Mulej, nisimgħu l-Kelma tiegħu.

U l-Evanġelju jtina l-parir siewi biex ma nittraskurawx iż-żejt li hemm fil-ħajja interjuri tagħna, “iż-żejt tar-ruħ”: jgħidilna li hemm bżonn nippreparawh. Fir-rakkont infatti, naraw li x-xebbiet diġà għandhom l-imsiebaħ, imma jridu jippreparaw iż-żejt: ikollhom imorru għand tal-ħanut, jixtruh, iferrgħuh fl-imsiebaħ .... (cfr vv. 7.9).  Għalina l-istess: il-ħajja interjuri ma nistgħux niprovviżawha, mhix kwistjoni ta’ mument, ta’ xi darba kultant, ta’ darba għal dejjem; trid tkun imħejjija billi niddedikaw ftit ħin kuljum, bil-perseveranza, kif nagħmlu għal kull ħaġa importanti.

Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien x’qed inħejji f’dal waqt ta’ ħajti?  X’qed inħejji ġewwa fija?  Forsi qed nipprova nġemma’ xi ħaġa, irrid dar jew karrozza ġdida, xi proġetti konkreti...  Huma affarijiet tajbin, mhumiex affarijiet koroħ.  Imma qed naħseb ukoll biex niddedika ftit ħin biex nieħu ħsieb ruħi, għat-talb, għas-servizz tal-oħrajn, għall-Mulej li hu l-għan ta’ ħajti?  Insomma, kif inhu sejjer iż-żejt ta’ ruħi?  Kull wieħed u waħda minna nsaqsu lilna nfusna dan: kif inhu sejjer iż-żejt ta’ ruħi?  Immantnih, nindukraħ sew?

Il-Madonna tgħinna nħarsu ż-żejt tal-ħajja interjuri.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Is-Sudan ilu xhur maqbud fi gwerra ċivili li ma jidhirx li se tieqaf u li qed tħalli għadd kbir ta’ vittmi, miljuni ta’ nies sfullati internament u rifuġjati fil-pajjiżi tal-madwar flimkien ma’ sitwazzjoni umanitarja gravissima.  Jien qrib it-tbatija ta’ dawk il-popolazzjonijiet għeżież tas-Sudan, u nagħmel appell minn qiegħ qalbi lil min hu responsabbli lokalment, sabiex iħallu tidħol l-għajnuna umanitarja u, biex bil-kontribut tal-komunità internazzjonali, jaħdmu biex isibu soluzzjonijiet paċifiċi.  Ma ninsewx lill dawn ħutna li għaddejjin mill-prova!

U l-ħsieb ta’ kuljum idur lejn is-sitwazzjoni gravissma f’Iżrael u l-Palestina.  Jien qrib dawk kollha li qed ibatu, palestinjani u iżraeljani.  Inħaddanhom f’dal-waqt mudlam.  U nitlob ħafna għalihom.  Jalla jissikktu l-armi, qatt mhuma se jġibu l-paċi, u jalla l-kunflitt ma jinfirixx aktar!  Biżżejjed!  Biżżejjed, ħuti, biżżejjed!  F’Gaża, hemm bżonn li l-feruti jingħataw l-għajnuna minnufih u li n-nies ċivili jkunu mħarsin, ħallu jgħaddu ferm aktar għajnuniet umanitraji lil dik il-popolazzjoni sfinita.  Eħilsu lill-ostaġġi li fosthom hemm tant anzjani u tfal.  Kull bniedem hux nisrani, lhudi, musulman, ta’ kwalunkwe poplu jew reliġjon, kull bniedem hu sagru, hu prezzjuz f’għajnejn Alla u għandu dritt jgħix fil-paċi.  Ma nitilfux it-tama: nitolbu u naħdmu bla heda sabiex is-sens tal-umanità jegħleb l-ebusija tal-qlub.

Sentejn ilu kienet tnediet il-Pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato Si’.  Irrodd ħajr  lil kulmin ingħaqad ma’ din l-inizjattiva u ninkoraġġikom biex tkomplu l-mixja tal-konverżjoni ekoloġika.  A propożitu ta’ dan, nitolbu għall-Konferenza ta’ Dubai dwar it-tibdil tal-klima, COP28, li mhix fil-bogħod.

Illum, il-Knisja tal-Italja qed tiċċelebra l-Ġurnata ta’ Radd il-Ħajr bit-tema “L-istil ko-operattiv għall-iżvilupp tal-agrikoltura”.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, pellegrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lis-saċerdoti mill-Arċidjoċesi ta’ Szczecin-Kamień (Polonja) u lill-gruppi parrokkjali minn Augsburg, Zara, Poreč, Pola, Porto u Parigi.  Insellem lill-membri tal-Komunità ta’ Sant’Egidio li ġejjin minn xi pajjiżi tal-Asja u ninkoraġġihom fl-impenn tagħhom ta’ evanġelizzazzjoni u promozzjoni.  Avanti, kuraġġ!.  U intom ukoll tgħinu biex ikollna l-paċi.

Insellem lill-fidili minn Volargne, Ozieri u Cremona.  Nilqa’ b’għożża lill-pellegrinaġġ tal-fidili ukreni u l-monaċi Bażiljani – qed nara l-bnadar tal-Ukrajna hemmhekk -, li ġew minn diversi pajjiżi biex jiċċelebraw ir-raba’ ċentinarju tal-martirju ta’ San Ġiosafat.  Nitlob għalikom u għal pajjiżkom imbiċċer.  Ħuti, ma ninsewx lil-Ukrajna mifnija, ma ninsewhiex!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan  minn Joe Huber