IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

12 ta’ Ġunju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum hi s-Solennitá tat-Trinitá Qaddisa u fl-Evanġelju ta’ diċ-ċelebrazzjoni Ġesù jippreżentalna liż-żewġ Persuni divini l-oħra, il-Missier u l-Ispirtu s-Santu.  Dwar l-Ispirtu jgħid: “Ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’ mingħandi u jħabbrilkom il-ġejjieni”.  Imbagħad, dwar il-Missier jgħid: “Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi” (Ġw 16, 14-15).  Ninnutaw li l-Ispirtu s-Santu jitkellem, imma mhux dwaru nnifsu: iħabbar lil Ġesù u jirrivela lill-Missier.  U ninnutaw ukoll li l-Missier, li kollox hu tiegħu, li hu l-bidu ta’ kull ħaġa, lil Ibnu jtih dak kollu lil hu tiegħu: ma jżomm xejn għalih u jingħata kollu kemm hu lill-Iben.  Fi kliem ieħor, l-Ispirtu s-Santu ma jitkellimx dwaru nnifsu, jitkellem dwar Ġesù, jitkellem dwar   oħrajn.  U l-Missier ma jagħtix lilu nnifsu, jagħti lil Ibnu.  Hi l-ġenerożità miftuħa, miftuħa għall-ieħor.

U issa nħarsu fina nfusna, dak li nitkellmu dwaru u dak li għandna.  Meta nitkellmu, dejjem irridu li jingħad it-tajjeb dwarna u spiss nitkellmu biss dwarna nfusna u dwar dak li nagħmlu.  Kemm drabi! “Jien għamilt dan, dak...”, “Inqagħletli dil-problema...”.  dejjem hekk nitkellmu.  X’differenza mill-Ispirtu s-Santu, li jitkellem biex iħabbar lill-oħrajn, lill-Missier, lill-Iben!  U dwar dak li għandna, kemm aħna għajjurin għalih u kemm isibuha bi tqila biex naqsmuh mal-oħrajn, anki ma min nieqes mill-meħtieġ!  Bil-kliem faċli, imma mbagħad fil-prattika diffiċli ħafna.

Allura, li tagħmel festa lit-Trinità Qaddisa mhux xi taħriġ teoloġiku, imma rivoluzzjoni tal-mod kif ngħixu.  Alla, li fih kull Persuna tgħix għall-oħrajn f’relazzjoni ma taqta’ xejn, mhux kull wieħed għal rasu, jipprovokana biex ngħixu mal-oħrajn u għall-oħrajn.  Miftuħin.  Illum nistgħu insaqsu lilna nfusna jekk ħajjitna hix mera ta’ dak Alla li nemmnu fih: jien, li nistqarr il-fidi f’Alla Missier u Iben u Spirtu s-Santu, nemmen bis-serjetà li biex ngħix għandi bżonn lill-oħrajn, għandi bżonn ningħata lill-oħrajn, għandi bżonn inservi lill-oħrajn?  Dan naffermah bil-kliem jew b’ħajti?

Lil Alla, Trinitarju u waħdieni, għeżież ħuti, hekk għandna nuruh, bil-fatti aktar milli bil-kliem.  Lil Alla, l-awtur tal-ħajja, ngħadduh lill-oħrajn ferm anqas permezz tal-kotba u ferm aktar bix-xhieda tal-ħajja.  Hu, kif jikteb l-evanġelista Ġwanni, “huwa mħabba” (1 Ġw 4, 16), jirrivela ruħu permezz tal-imħabba.  Naħsbu ftit dwar persuni twajbin, ġenerużi, mansweti li ltqajna magħhom: niftakru l-mod kif jaħsbu u jġibu ruħhom, nistgħu naraw fihom rifless ċkejken ta’ Alla-Mħabba.   U xi jfisser li tħobb?  Mhux biżżejjed li trid il-ġid u tagħmlu, imma qabel kollox, fl-għerq ta’ kollox, tkun miftuh għall-oħrajn, iċċedi postok lill-oħrajn, tagħmlilhom il-wisa lill-oħrajn.  Dan ifisser li tħobb mill-għeruq.

Biex nifhmuha aħjar, niftakru fl-ismijiet tal-Persuni divini, li ntennu kull darba li nagħmlu s-sinjal tas-salib: f’kull isem hemm il-preżenza tal-ieħor.  Per eżempju, il-Missier ma jkunx li hu mingħajr l-Iben; l-istess ukoll l-Iben ma nistgħux naħsbu dwaru fl-iżolament, imma dejjem bħala Iben il-Missier.  U, min-naħa tiegħu, l-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben.  Fi ftit kliem, it-Trinità tgħallimna li qatt ma nistgħu ngħaddu mingħajr l-ieħor.  Aħna m’aħniex gżejjer, qiegħdin fid-dinja biex ngħixu fuq ix-xbieha ta’ Alla: miftuħin, neħtieġu wieħed lill-ieħor u bil-ħtieġa li ngħinu lill-oħrajn.  U allura, nagħmlu ftit dil-mistoqsija lilna nfusna: fil-ħajja ta’ kuljum jien mera tat-Trinità?  Is-sinjal tas-salib li nagħmel kuljum - Missier, Iben u Spirtu s-Santu – dak is-sinjal tas-salib li nagħmlu kuljum, jibqa’ ġest fih innifsu jew hu ispirazzjoni għall-mod kif nitkellmu, niltaqgħu, inwieġbu, niġġudikaw, naħfru?

Il-Madonna, bint il-Missier, omm l-Iben u għarusa tal-Ispirtu, tgħinna nilqgħu u nkunu xhieda b’ħajjitna tal-misteru ta’ Alla-Mħabba

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ fi Breslavia, fil-Polonja, kienu beatifikati swor Pasqualina Jahn u disa’ ħuta sorijiet martri, tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Eliżabetta, li nqatlu lejn tmiem it-tieni gwerra dinjija f’kuntest ostili għall-fidi nisranija.  Dawn l-għaxar reliġjużi nisa, minkejja li kienu jafu l-periklu li kienu jinsabu fih, baqgħu qrib l-anzjani u l-morda li kienu qed jikkuraw.  L-eżempju tal-fedeltà tagħhom lejn Kristu jalla jgħin lilna lkoll, speċjalment lill-insara persegwitati f’diversi nħawi tad-dinja, biex inkunu xhieda tal-Evanġelju bil-kuraġġ.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

U issa nixtieq nindirizza lill-poplazzjonijiet u l-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Congo u tas-Sudan t’Isfel.  Għeżież, b’dispjaċir kbir, minħabba l-problemi f’sieqi, kelli nħassar iż-żjara tiegħi fil-pajjiżi tagħkom, li kella ssir fl-ewwel jiem ta’ Lulju.  Jiddispjaċini bil-kbir li kelli nħalli dal-vjaġġ għal aktar ‘il quddiem, vjaġġ li nixtieq ħafna li nagħmel.  Nitlobkom skuża għal dan.  Nitolbu flimkien ħalli, bl-għajnuna t’Alla u tal-kura medika, jien inkun nista’ niġi fostkom mill-aktar fis.  Ejjew nimtlew bil-fiduċja!

Illum hu l-Jum Dinji kontra x-xogħol minorili.  Nimpenjaw ruħna lkoll kemm aħna biex neliminaw dil-pjaga, għax ebda tifel jew tifla m’għandhom jitteħdulhom id-drittijiet fundamentali tagħhom u jkunu mġagħlin jaħdmu.  Din tal-minuri sfruttati fix-xogħol hi realtà drammatika li tolqotna lkoll!

Dejjem għadu ħaj f’qalbi l-ħsieb dwar il-popolazzjoni tal-Ukrajna, mifluġa bil-gwerra.  Iż-żmien li jgħaddi m’għandux iberred in-niket tagħna u t-tħassib  tagħna dwar dawk in-nies ittorturati.  Jekk jogħġobkom, dir-realtà m’għandhiex issir drawwa għalina!  Nitolbu u nitqabdu għal-paċi.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini mill-Italja u tant pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili li ġew minn Spanja u mill-Polonja; lill-banda San Giorgio minn Castel Condino – li mbagħad nistenna li fl-aħħar nismagħha ddoqq -; lill-Fundazzjoni Verona Minor Hierusalem, lill-katekisti minn Grottammare, lil dawk li għamlu l-Griżma minn Castelfranco Veneto u lill-fidili minn Mestrino.  Insellem imbagħad lill-grupp AVIS minn Codogno u nesprimi l-apprezzament tiegħi għal kulmin jagħti d-demm, ġest sempliċi u nobbli ta’ solidarjetà.

Insllem lil kulħadd, anki liż-żgħażagħ tal-Immacolata.  Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber