IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 12 ta’ Marzu, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!

F’dal-Ħadd, l-Evanġelju jippreżentalna waħda mill-isbaħ laqgħat affaxxinanti ta’ Ġesù, dik mas-Sammaritana (cfr Ġw 4,5-42).  Ġesù u d-dixxipli jieqfu qrib il-bir fis-Samarija.  Tasal mara u Ġesù jgħidilha: “Tini nixrob” (v. 8).  Nixtieq nieqaf propju fuq din is-sentenza: Tini nixrob.

Ix-xena turina lil Ġesù bil-għatx u għajjien, li s-sammaritana tiltaqa’ miegħu ħdejn il-bir fl-aktar ħin sħun, f’nofsinhar, u bħal wieħed tallab jitlobha tisqih.  Hi xbieha ta’ kemm Alla jitbaxxa: Alla jitbaxxa f’Ġesù Kristu għall-fidwa, jiġi għandna  f’Ġesù, Alla sar wieħed minna; għattxan bħalna, isofri l-istess nixfa tagħna.  Aħna u nikkuntemplaw din ix-xena, kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu: il-Mulej, l-Imgħallem, “qed jitlobni jixrob.  Għalhekk għandu l-għatx bħali.  Għandu l-għatx tiegħi.  Int qribi verament, Mulej!  Int marbut mal-faqar tiegħi – mank nista’ nemminha! – ġbartni mill-baxx, mill-akbar abbiss tiegħi innifsi, fejn ħadd ma jilħaqni” (P. Mazzolari, Is-Sammaritana. Bologna 2022, 55-56).  U int ġejt għandi, fil-baxx u ġbartni minn hemm, għax int kellek, u għandek, l-għatx għalija.  Infatti, l-għatx ta’ Ġesù mhuwiex biss fiżiku, jesprimi l-aktar nixfa profonda tal-ħajja tagħna: u, fuq kollox, għatx għal imħabbitna.  Huwa aktar minn tallab, hu mejjet bil-għatx għall-imħabba tagħna.  U dan joħroġ fid-dieher fil-waqt suprem tal-passjoni, fuq is-salib; hemmhekk, qabel ma miet, Ġesù kien qal:”Għandi l-għatx” (Ġw 19, 28).  Dan l-għatx tal-imħabba li wasslu jinżel, jitbaxxa, ikun wieħed minna.

Imma l-Mulej, li jitlob l-ilma, hu l-istess li jagħti l-ilma: fil-laqgħa mas-sammaritana jkellimha dwar l-ilma ħaj tal-Ispirtu s-Santu, u minn fuq is-salib igelglu mill-kustat minfud tiegħu demm u ilma (cfr Ġw 19,34).  Ġesù, mejjet bil-għatx bl-imħabba, jaqtgħalna l-għatx bl-imħabba.  U jagħmel magħna l-istess bħalma għamel mas-sammaritana: jiġi jiltaqa’ magħna fil-ħajja ta’ kuljum, jaqsam magħna l-għatx tagħna, iwegħedna l-ilma ħaj li jfawwar fina l-ħajja ta’ dejjem (cfr Ġw 4,14).

Tini nixrob.  Hemm it-tieni aspett.  Dal-kliem mhux biss talba ta’ Ġesù lis-sammaritana, iżda appell – kultant sieket – li ta’ kuljum jintrefa’ lejna u jitlobna biex nieħdu ħsieb l-għatx tal-ieħor.  Tini nixrob jgħidulna dawk li – fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fil-postijiet l-oħra fejn soltu inkunu – huma għatxana għall-qrubija, għall-attezjoni, biex ikunu mismugħin; jgħidulna wkoll min hu għatxan għall-Kelma t’Alla u li għandu bżonn isib fil-Knisja oażi fejn jistejqer mill-għatx. Tini nixrob hu l-appell tas-soċjetà tagħna, fejn l-għaġla, il-ġirja għall-konsum u, fuq kollox, l-indifferenza, dil-kultura tal-indifferenza, jiġġeneraw nixfa u vojt interjuri.  U – ma ninsewx – tini nixrob hi l-għajta ta’ tant ħutna neqsin mill-ilma tax-xorb biex ikunu jistgħu jgħixu, waqt li qed nkomplu nniġġsu u nisfiguraw id-dar komuni tagħna; hi wkoll sfinita u niexfa bla qies, “għandha l-għatx”.

Quddiem dawn l-isfidi, l-Evanġelju tal-lum joffri lil kull wieħed u waħda minna l-ilma ħaj li jista’ jagħmilna għajn li taħji lill-oħrajn.  U allura, bħas-sammaritana, li ħalliet il-ġarra ħdejn il-bir u marret issejjaħ lin-nies tal-villaġġ (cfr v. 28), aħna wkoll ma nibqgħux naħsbu biss biex naqtgħu l-għatx tagħna, l-għatx materjali, intellettwali, kulturali, imma bil-ferħ li ltqajna mal-Mulej inkunu nistgħu naqtgħu l-għatx tal-oħrajn:  nagħtu sens lill-ħajja tal-oħrajn, mhux bħala padruni, sidien, imma bħala qaddejja ta’ dil-Kelma t’Alla li tqabbadna l-għatx, li żżommna għatxana l-ħin kollu; inkunu nistgħu nifhmu l-għatx tal-oħrajn u naqsmu magħhom l-imħabba li tana Hu.

Jiġini li nagħmel dil-mistoqsija, lili nnifsi u lilkom: għandna ħila nifhmu l-għatx tal-oħrajn?  L-għatx tan-nies, l-għatx ta’ tant membri tal-familji tagħna, tan-nies tal-kwartier fejn noqgħod?  Illum nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien għandi għatx għal Alla, ninduna li għandi bżonn imħabbtu daqskemm neħtieġ l-ilma biex ngħix?  Imbagħad, jien li nħossni għatxan, għandi għatx, nippreokkupa ruħi mill-għatx tal-oħrajn, mill-għatx spiritwali, mill-għatx materjali?

Il-Madonna tinterċedi għalina u tweżinna f’dil-mixja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom illkoll, pellegrini minn tant pajjiżi, partikolarment lill-fidili ġejjin minn Madrid u minn Spalato.  Insellem lill-gruppi parrokkjali minn Padova, Caserano San Marco, Bagolino, Formia u Sant’Ireneo f’Ruma.

Nhar il-Ġimgħa li ġej, 17 ta’ Marzu u s-Sibt 18, fil-Knisja kollha se terġa’ ssir l-inizjattiva “24 siegħa għall-Mulej”: ħin dedikat għat-talb ta’ adorazzjoni u għas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.  Fil-waranofsinhar tal-Ġimgħa se mmur f’parroċċa f’Ruma għal ċelebrazzjoni penitenzjali.  F’dal-qafas, is-sena li għaddiet konna għamilna Att Solenni ta’ Konsagrazzjoni lill-Qalb Immakulata ta’ Marija, u tlabna d-don tal-paċi.  Il-fiduċja tagħna m’għandhiex tnin, it-tama tagħna m’għandhiex tkun bandla!  Il-Mulej dejjem jisma’ s-suppliki li jdawwar lejh il-poplu tiegħu bl-interċessjoni tal-Verġni Omm.  Nibqgħu magħqudin fil-fidi u fis-solidarjetà ma’ ħutna li qed ibatu minħabba l-gwerra; fuq kollox ma ninsewx lill-poplu ukren martirizzat!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber