IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 12 ta’ Frar, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-liturġija tal-lum Ġesù jgħid: “Taħsbux li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom” (Mt 5,17).  Il-milja: din il-kelma hi l-muftiħ biex nifhmu lil Ġesù u l-messaġġ tiegħu.  Imma xi tfisser din “il-milja”?  Biex jispjegaha l-Mulej jibda’ biex jgħid x’inhu dak li mhux milja.  L-Iskrittura tgħid: “la tolqtolx”, imma dan mhux biżżejjed għal Ġesù ladarba bil-kliem inferu lil ħutna; l-Iskrittura tgħid “tagħmilx adulterju”, imma dan mhux biżżejjed jekk imbagħad bniedem jgħix ħajja maħmuġa bid-doppjezza u l-falsità; l-Iskrittura tgħid “taħlifx fil-falz”, iżda mhux biżżejjed tagħmel ġurament solenni jekk imbagħad iġġib ruħek ta’ ipokrita (cfr Mt 5,21-37.  Dan mhux il-milja.

Biex itina eżempju konkret, Ġesù jikkonċentra fuq “ir-rit tal-offerta”.  L-offerta lil Alla kienet radd lura tal-gratwità ta’ Alla. Kien rit importanti ħafna – issir offerta biex simbolikament, biex ngħidu hekk, tkun tpattija għall-gratwità tad-don tiegħu -, tant kien rit importanti li xejn ma seta’ jinterrompih ħlief raġunijiet gravi ħafna.  Imma Ġesù jafferma li seta’ jkun hemm interruzzjoni  jekk ħuna għandu għalina, biex l-ewwel immorru nirrikonċiljaw ruħna miegħu (cfr vv. 23-24): hekk biss ir-rit seta’ jilħaq il-milja tiegħu.  Il-messaġġ hu ċar: Alla hu l-ewwel li jħobbna, b’xejn (gratis) imidd l-ewwel pass lejna bla ma jistħoqqilna; u għalhekk aħna ma nistgħux niċċelebraw imħabbtu jekk min-naħa tagħna ma nagħmlux l-ewwel pass biex nirrikoniljaw ruħna ma’ min weġġagħna.  B’hekk isseħħ il-milja f’għajnejn Alla, inkella jkun biss dieher, ritwal, inutli, ikun biss apparenza.  Fi kliem ieħor Ġesù jgħinna nifhmu li n-normi reliġjużi għandhom is-siwi tagħhom, imma huma biss il-bidu: biex iseħħu fil-milja tagħhom hemm bżonn immoru lil hinn mill-ittra u ngħixu s-sens tagħhom.  Il-Kmandamenti li Alla tana bħala don ma jistgħux jissakkru fil-kaxxaforti asfittiċi tal-osservanza formali, inkella nibqgħu ngħixu reliġjożità tal-qoxra u distakkata, qaddejja ta’ “Alla padrun”, pjuttost milli wlied Alla Missier.  Ġesù dan irid: li nneħħu l-idea li aħna nservu lil xi Alla sid, imma lill-Missier.  Għaldaqstant irridu mmorru ‘l hinn mill-ittra.

Ħuti, dil-problema ma kinitx hemm biss fi żmien Ġesù, teżisti llum ukoll.  Kultant, per eżempju, tisma’ min jgħidlek: “Padre, jien ma qtiltx,  ma sraqtx, m’għamilt ħsara lil ħadd....”, qiesu qed jgħid: “Jien qiegħed tajjeb”.  Din hi l-osservanza formali, li tikkuntenta bil-minimu indispensabbli, filwaqt li Ġesù jistedinna għal “l-aħjar u l-aktar possibbli”  Jiġifieri Alla ma jirraġunax bil-kalkoli jew bil-programmi; Hu jħobbna qiesu namrat: mhux bl-anqas possibbli, imma bl-aħjar mod possibbli!  Ma jgħidilniex: “inħobbok sa ċertu punt”.  Le, l-imħabba vera qatt mhi sa ċertu punt u qatt ma tħoss li għamlet biżżejjed; l-imħabba dejjem tmur aktar ‘l hinn, ma tistax tagħmel mod ieħor.  Il-Mulej uriena dan meta tana l-ħajja minn fuq is-salib u ħafer lill min kien qed joqtlu (cfr Lq 23,34).  U tana l-kmandament l-aktar għal qalbu: li nħobbu lil xulxin kif ħabb lilna Hu (cfr w 15,12).  Din hi l-imħabba li tagħti l-milja lil-Liġi, lill-fidi, lill-ħajja vera!

Allura, ħuti, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: kif qed ngħejxha jien il-fidi?  Hi ħaġa ta’ kalkoli, formalitajiet, jew storja ta’ mħabba ma’ Alla?  Nikkuntenta biss li ma nagħmilx deni, li nżonn “il-qoxra” f’postha, jew qed infittex li nikber fl-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn?  U kultant niċċekkja lili nnifsi dwar il-kmand il-kbir ta’ Ġesù, insaqsi lili nnifsi jekk lill-proxxmu nħobbux bħalma Hu jħobb lili?  Għax forsi aħna inflessibbli meta niġġudikaw lill-oħrajn u ninsew nuru ħniena bħalma jagħmel magħna Alla/

Marija, li osservat il-Kelma t’Alla b’mod perfett, tgħinna nilħqu l-milja tal-fidi tagħna u tal-karità tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nibqgħu qrib, bit-talb u bl-għajnuna konkreta, mal-popolazzjonijiet li sofrew it-terremot fis-Sirja u fit-Turkija.  Fil-programm “A Sua Immagine” kont qed nara x-xeni ta’ dal-katastrofi, in-niket ta’ dawn il-popli li qed isofru minħabba t-terremot.  Nitolbu għalihom, ma nisewx, nitolbu u naraw x’nistgħu nagħmlu għalihom.  U ma ninsewx lill-martri Ukrajna: jalla l-Mulej jiftaħ toroq ta’ paċi u lil min hu responsabbli jtih il-kuraġġ biex jimxi fihom.

L-aħbarijiet li qed jaslu min-Nicaragua nikktuni mhux ftit u hawnhekk ma nistax ma nfakkarx bi preokkupazzjoni, l-Isqof ta’ Matagalpa, Mons. Rolando Álvarez, li jien tant ngħożż, li kien ikkundannat għal-26 sena ħabs, u wkoll lill-persuni li sfaw iddeportati lejn l-Istati Uniti.  Nitlob għalihom u għal kulmin qed isofri f’dak in-nazzjon għażiż, u nistieden lilkom ukoll biex titolbu.  Nitolbu wkoll lill-Mulej, biex bl-interċessjoni tal-Verġni Marija Immakulata, jiftaħ qlub min hu responsabbli politikament u liċ-ċittadini kollha biex ifittxu l-paċi bis-sinċerità, paċi li tiġi mill-verità, mill-ġustizzja, mil-liberta u mill-imħabba u tasal billi bil-paċenzja jitħaddem id-djalogu.  Nitolbu lill-Madonna flimkien (Sliem għalik, Marija....).

Nagħti t-tislima tiegħi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini taljani u minn pajjiżi oħra.  Insellem lill-gruppi li ġew mill-Polonja, mir-Repubblika Ċeka u mill-Perù.  Insellem liċ-ċittadini mill-Congo li hawn preżenti.  Pajjiżkom  sabiħ, sabiħ!  Itolbu għal pajjiżkom!  Insellem lill-istudenti minn Bajadoz (Spanja) u lil dawk mill-Istitut Gregorjan ta’ Lisbona.

Insellem liż-żgħażagħ minn Amendolara – Cosenza u lill-grupp AVIS minn Villa Estense – Padova.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber