IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 11 ta’ Settembru, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jippreżentalna t-tlett parabboli tal-ħniena (cfr Lq 15, 4-32); jissejħu hekk għax juruna l-qalb ħanina ta’ Alla.  Ġesù jirrakkontahom biex iwieġeb għat-tgemgin tal-fariżej u l-iskribi, li qed jgħidu” “Dan jilqa’ għandu lill-midinbin u jiekol magħhom” (v. 2).  Kienu qed jieħdu skandlu għax Ġesù kien mal-midinbin.  Jekk dan, reliġjożament, għalihom kien skandaluż, meta jilqa’ lill-midinbin u jiekol magħhom, Ġesù jurina kif inhu magħmul Alla:  Alla ma jeskludi lil ħadd, jixtieq li kulħadd ikun mal-mejda, għax iħobb lil kulħadd bħala wliedu, lil kulħadd, bla esklużjoni, lil kulħadd.  Allura, t-tlett parabboli jiġbru fil-qosor il-qofol tal-Evanġelju: Alla hu Missier u jiġi jfittixna kull darba li nintilfu.

Infatti l-protagonisti tal-parabboli, li jirrappreżentaw lil Alla, huma ragħaj li jfittex in-nagħġa mitlufa, mara li ssib il-munita li ntilfitilha u missier l-iben il-ħali.  Nieqfu fuq aspett li jgħodd għal dawk it-tliet protagonisti.  It-tlieta li huma, fl-aħħar mill-aħħar għandhom aspett komuni li nistgħu nispjegawh hekk: l-inkwiet minħabba li naqsitilhom xi ħaġa – li tħoss in-nuqqas tan-nagħġa, li tinkwieta minħabba li naqsitlek munita, titħasseb għax tħoss in-nuqqas ta’ ibnek -; l-inkwiet minħabba n-nuqqas, it-tlieta li huma f’dawn il-parabboli huma inkwetati għax iħossu n-nuqqas ta’ xi ħaġa.  It-tlieta li huma, wara kollox, kieku għamlu s-somom sew, setgħu jibqgħu kalmi: ir-ragħaj naqsitu nagħġa, imma għandu disa’ u disgħin oħra – “Ħalliha tintilef....” il-mara naqsitha munita, imma għandha disa’ oħra; u l-missier ukoll għandu iben ieħor, li jobdi, x’jieħu ħsieb: għalfejn jitħasseb dwar dak li telaq biex itajjar ħajtu?  Iżda, f’qalbhom – ir-ragħaj, il-mara, il-missier – hemm l-inkwiet inħabba dak li hu nieqes: in-nagħġa, il-munita, l-iben li telaq għal rasu.  Min iħobb, jitħasseb dwar dak li naqaslu, għandu nostalġija għal dak li hu assenti, ifittex lill-mitluf, jistenna lil min tbiegħed.  Għax ma jrid lil ħadd jintilef.

Ħuti, Alla hekk magħmul: Alla ma jibqax “kalm” jekk nitbegħdu minnu, jitnikket, jitriegħed fil-qalb tiegħu; u jitħarrek biex jiġi jfittixna, sa ma jreġġgħana lura f’dirgħajh.  Il-Mulej ma joqodx iqis it-telf u r-riskji, għandu qalb ta’ missier u ta’ omm u jitnikket għan-nuqqas ta’ wliedu maħbuba .  “ Imma għaliex isofri jekk dan l-iben hu miżerabblli, telaq?”  Isofri, isofri.  Alla jsofri għax nitbegħdu minnu, meta nintilfu, u jistenniena nerġgħu lura.  Niftakru: Alla dejjem jistenniena b’dirgħajh miftuħa, hi x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħajja li ntlifna minħabba fiha.  Kif jgħid is-Salm, Hu ma jongħosx, dejjem jishar fuqna (cfr 121, 4-5)

Issa nħarsu fina nfusna u nistaqsu: aħna nimitaw lill-Mulej f’dan, jiġifieri ninkwetaw minħabba dak li hu nieqes?  Tiġina nostalġija għal min hu nieqes, għal min tbiegħed mill-ħajja nisranija?  Inħossuh ġewwa fina dan l-inkwiet, jew nibqgħu sereni u bla taħbil il-moħħ bejnietna?  Fi kliem ieħor, min hemm nieqes fil-komunità tagħna, verament qed inħossu n-nuqqas tiegħu jew nibqgħu indifferenti u ma jmissilniex qlubna?  Min inħoss li hu nieqes minn ħajti inħoss verament in-nuqqas tiegħu?  Jew inkella l-aqwa li aħna qiegħdin sew bejnietna, kalmi u beati fil-gruppi tagħna – “ jien immur fi grupp appostoliku bravu ħafna...”, mingħajr ma nħossu kumpassjoni għal min hu mbiegħed?   Mhux biżżejjed li nkunu “miftuħin għal-oħrajn”, dan hu l-Evanġelju!  Ir-ragħaj tal-parabbola ma qalx: “Għandi disa’ u disgħin, min se jġagħalni nitlef il-ħin biex infittex lil dik li ntilfet?  Iżda hu mar.  Allura nirriflettu fuq ir-relazzjonijiet tagħna: jien nitlob għal min ma jemminx, għal min hu mbiegħed, għal min mimli mrar?  Lil min hu mbiegħed niġbduh lura bl-istil ta’ Alla, li hu qrubija, ħniena u tjubija?  Il-Missier jitlob minna li nkunu u attenti għall-ulied li Hu l-aktar iħoss in-nuqqas tagħhom.  Niftakru f’xi persuna li nafuha, li tinsab maġenbna u li forsi qatt ma semgħet lil xi ħadd jgħidilha: “Tafx?  Inti importanti għal Alla”.  “Imma jien ninsab f’sitwazzjoni irregolari, għamilt dil-ħaġa kerha ħafna, u aktar...” – “Inti importanti għal Alla”, għiduha, “int m’intix tfittxu iżda Hu qed ifittxek”.

Inħallu dan l-inkwiet jaħkimna – inkunu rġiel u nisa b’qalb inkwieta – inħallu dawn il-mistoqsijiet iħassbuna u nitolbu lill-Madonna, Omm li qatt ma tgħejja tfittixna u tieħu ħsiebna lilna wliedha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Pitgħada se nitlaq fuq vjaġġ ta’ tlett ijiem fil-Kazakhistan, fejn se nieħu sehem fil-Kungress tal-Kapijiet tar-reliġjonijiet mondjali u tradizzjonali.  Se tkun okkażjoni biex niltaqa’ ma’ bosta rappreżentanti reliġjużi u niddjaloga mal-aħwa, ilkoll imqanqlin mix-xewqa komuni tal-paċi, paċi li d-dinja tagħna hi tant għatxana għaliha.  Irrid minn issa nsellem minn qiegħ qalbi lill-parteċipanti, kif ukoll lill-Awtoritajiet, lill-komunitajiet insara u l-popolazzjoni kollha kemm hi ta’ dak il-pajjiż enormi.  Irrodd ħajr għall-preparazzjonijiet u għall-ħidma li saret minħabba diż-żjara tiegħi.  Nitlob lil kulħadd jakkumpanja dal-pellegrinaġġ ta’ djalogu u paċi, bit-talb.

Inkomplu nitolbu għall-poplu ukren, sabiex il-Mulej itihom il-faraġ u t-tama.  Dal-ġranet, il-Kardinal Krajewski, Prefett tad-Dikasteru għas-Servizz tal-karità, jinsab l-Ukrajna biex iżur komunitajiet varji u jkun xhud konkret tal-qrubija tal-Papa u tal-Knisja.

F’dan il-waqt ta’ talb niftakar bil-qalb fi Swor Maria de Coppi, Missjunarja Kombonjana, li nqatlet f”Chipene, fil-Mozambique, fejn serviet b’imħabba għal kważi sittin sena.  Jalla x-xhieda tagħha tagħti l-forza u l-kuraġġ lill-insara u lill-poplu kollu ta’ Mozambique.

Nixtieq ukoll insellem b’mod speċjali lill-għażiż popu tal-Etjopja li llum qed jiċċelebra l-Bidu tas-Sena tradizzjonali: niżgurakom li qed nitlob għalikom u nawgura lill-kull familja u lin-nazzjon kollu id-don tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni.

U ma ninsewx nitolbu għall-istudenti, li għada jew pitgħada se jerġgħu jibdew l-iskola.

U issa nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  Insellem partikolarment lill-militari mill-Kolombja, lill-grupp li ġie minn Costa Rica u lir-rappreżentanza femminili arġentina għall-Forum Ekonomiku Dinji.  Insellem liż-żgħażagħ tal-professjoni tal-fidi minn Canù, lill-fidili minn Musile di Piave, Ponte a Tressa u Vimercate, u lill-membri tal-Moviment Non-vjolenti u lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci! 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber