IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Policlinico Universitario “A. Gemelli”

Il-Ħadd, 11 ta' Lulju, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Kuntent li nista' nżomm l-appuntament ta' kull nhar ta' Ħadd minn hawn, mill-Poliklinika "Gemelli".  Irroddilkom ħajr ilkoll: ħassejt il-qrubija tagħkom u s-sapport tat-talb tagħkom.  Grazzi minn qalbi!

L-Evanġelju li jinqara fil-liturġija tal-lum jirrakkonta li d-dixxipli ta' Ġesù, mibgħutin minnu, "kienu jidilku biż-żejt lill-morda u dawn kienu jfiequ (Mk 6, 13).  Daż-żejt ifakkarna fis-sagrament tad-Dilka tal-Morda li jfarraġ l-ispirtu u l-ġisem.  Imma dan "iż-żejt" hu wkoll is-smigħ, il-qrubija, il-premura, it-tenerezza ta' min ikun jieħu ħsieb il-persuna marida: jixbaħ tmellisa li lil dak li jkun iġġagħalu jħossu aħjar, ittaffi l-uġigħ u taħji.  Ilkoll kemm aħna, ilkoll, xi darba jew oħra jkollna bżonn din "id-dilka" tal-qrubija u tat-tenerezza, u lkoll kemm aħna nistgħu ntuha lil ħaddieħor, bi żjara, telefonata, b'daqqa t'id lil min jeħtieġ l-għajnuna.  Niftakru li fil-protokoll tal-ġudizzju tal-aħħar - Mattew 25 - mistoqsija li se jkollna hi dwar il-qrubija tagħna lejn il-morda.

F'dal-jiem li ilni l-isptar, ġarrabt  għal darb'oħra kemm hu importanti servizz sanitarju xieraq li jilħaq lil kulħadd, kif hawn fl-Italja u f'pajjiżi oħra.  Servizz sanitarju b'xejn, li jkun żgur li qed jagħti servizz tajjeb u aċċessibbli għal kulħadd.  Hemm bżonn li dan il-benefiċċju prezzjuż ma jintilifx.  Jeħtieġ inħarsuh!  Għal dan hemm bżonn l-impenn ta' kulħadd, għax hu servizz għal kulħadd u jitlob is-sehem ta' kulħadd.  Fil-Knisja wkoll, kultant jiġri li xi istituzzjoni sanitarja, minħabba tmexxija mhix f'lokha, jkollha diffikultajiet ekonomiċi, u l-ewwel ħsieb li jiġina hu li nbiegħuha.  Imma l-vokazzjoni fil-Knisja mhix li jkollok il-flus, hi li tagħti servizz, u s-servizz dejjem hu b'xejn. Tinsewhiex din: insalvaw l-istituzzjonijiet li jagħtu servizz bla ħlas.

Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi u nagħti inkoraġġiment lit-tobba u lill-operaturi sanitarji kollha u lill-ħaddiema ta' dan l-isptar u ta' sptarijiet oħra.  Jaħdmu sfiq!  U nitolbu għall-morda kollha.  Hawnhsekk hawn xi tfal morda...  Għaliex isofru t-tfal?  Għaliex isofru t-tfal?; mistoqsija li tmiss il-qalb.  Nakkumpanjawhom bit-talb u nitobu għall-morda kollha, speċjalment għal dawk li jinsabu f'qagħha iebsa; ħadd m'għandu jitħalla waħdu, kulħadd jista' jirċievi d-dilka tas-smigħ, tal-qrubija, tat-tenerezza, tal-attenzjoni.  Dan nitolbuh bl-interċessjoni ta' Marija, Ommna, Saħħa tal-morda.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

Dawn l-aħħar jiem talbi spiss kien ikun għal Haiti, wara l-qtil tal-President u l-feriment ta' martu.  Ningħaqad mal-appell imqanqal tal-Isqfijiet tal-pajjiż biex jisktu l-armi, issr għażla favur il-ħajja, għażla li kulħadd jgħix flimkien b'mod fratern għall-interess ta' kulħadd u għall-interess ta' Haiti.  Jien qrib l-għażiż poplu ta' Haiti; nawgura li tieqaf l-ispirali tal-vjolenza u n-nazzjon ikun jista' jerġa' jaqbad it-triq lejn ġejjieni ta' paċi u ftehim.

Illum huwa "Ħadd il-Baħar", iddedikat b'mod partikolari lill-baħħara u lil kulmin għalih il-baħar u x-xogħol u mezz biex jaqla' x'jiekol.  Nitlob għalihom u nħeġġeġ lil kulħadd biex iħares l-oċejani u l-ibħra.  Inħarsu s-saħħa tal-baħar: xejn plastik fil-baħar!

Niftakar u nbierek lil kulmin illum fil-Polonja qed jieħu sehem fil-pellegrinaġġ tal-Familja ta' Radju Marija lejn is-Santwarju ta' Czestochowa.

Illum il-festa ta' San Benedittu, Abbati u Patrun tal-Ewropa.  Tħaddina lil dal-qaddis protettur tagħna!  Nagħtu l-awguri lill-benedittini rġiel u nisa tad-dinja kollha.  U awguri lill-Ewropa, jalla tibqa' magħquda mal-valuri li fuqhom twaqqfet.

U l-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!  Tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber