IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 11 ta’ Frar, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna l-fejqan ta’ raġel marid bil-lebbra (cfr Mk 1, 40-45).  Lill-marid li talbu bil-ħniena Ġesù jwieġbu: “Irrid, kun imfejjaq!” (v. 41).  Jgħid sentenza sempliċi għall-aħħar, u mill-ewwel tidħol fis-seħħ.  Infatti l-lebbra “marritlu minnufih u hu fieq” (v. 42).  Dan hu l-istil ta’ Ġesù ma min isofri: ftit kliem u fatti konkreti.

Bosta drabi fl-Evanġelju naraw din l-imġieba fih fil-preżenza ta’ min ikun qed ibati: torox u muti (cf Mk 7,31-37), paralitiċi (cfr Mk 2,1-12) u tant oħrajn fil-bżonn (cfr Mk 5).  Dejjem hekk iġib ruħu: jitkellem ftit u mal-kelma minnufih iseħħ l-azzjoni: imil, jaqbad l-idejn, ifejjaq.  Ma joqgħodx jintilef f’dikorsi jew mistoqsijiet, anqas u anqas fi pjetiżmi u sentimentaliżmi.  Pjuttost juri l-pudur delikat ta’ min jisma’ b’attenzjoni u jaġixxi bla telf ta’ ħin, preferibbilment bla ma jagħti fil-għajn.

Hu mod meraviljuz kif iħobb, u kemm jagħmlilna tajjeb nimmaġinawh u nassimilawh!  Niftakru wkoll x’jiġrilna meta niltaqgħu ma’ persuni li jġibu ruħhom b’dal-mod: meqjusin fi kliemhom iżda ġenerużi fl-aġir; mhux moħħhom biex jidhru iżda lesti biex ikunu ta’ għajnuna;  effikaċi fl-għajnuna għax disposti biex jisimgħu.  Ħbieb irġiel u nisa li nistgħu ngħidulhom: “Trid tismagħni?”  “Trid tgħinni?”, bil-fiduċja li se nisimgħuhom iwieġbu kważi bl-istess kliem ta’ Ġesù: “Iva, irrid, qiegħed hawn għalik, biex ngħinek!”  Dil-konkretezza hija importanti ħafna f’dinja, bħalma hi dik tagħna, li fiha donnu li ftit ftit qed tiżdied id-dominanza vaga tar-relazzjonijiet virtwali.

Nisimgħu għalhekk b’liema mod tipprovokana l-Kelma t’Alla: “Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x'jilbsu u jonqoshom l-ikel ta' kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: "Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu", bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x'jiswa?” (Ġak 2,15-16).  Dan qed jgħidu l-appostlu Ġakbu.  L-imħabba teħtieġ il-konkretezza, l-imħabba titlob il-preżenza, il-laqgħa, għandha bżonn l-għotja taż-żmien u tal-ispazju: ma tistax tirriduċi ruħha u ssir biss kliem sabiħ, jew xi xena fuq skrin, xi selfie tal-mument jew xi messaġġ maljar malajr.  Huma strumenti utli li jistgħu jkunu ta’ għajnuna, imma għall-imħabba mhumiex biżżejjed, ma jistgħu bl-ebda mod jieħdu post il-preżenza konkreta.

Insaqsu llum: naf noqgħod nisma’ lill min ikellimni, jien disponibbli għal ġid li jitolbu minni?   Jew mimli skużi, inħalli għall-għada, ninħeba wara kliem astratt u inutli?  Konkretament meta kienet l-aħħar darba li mort inżur persuna waħedha jew marida – kulħadd iwieġeb f’qalbu -, jew meta kienet l-aħħar darba li bdilt il-programmi biex inkun ta’ servizz għall-ħtiġijiet ta’ min talabni l-għajnuna?

Marija, dejjem attenta biex tkun ta’ għajnuna, tgħinna nkunu dejjem lesti u konkreti fl-imħabba.

 

Wara l-Angelus

Illum saret il-kanonizzazzjoni ta’ Marija Antonia de Paz y Figueroa, qaddisa mill-Arġentina.  Applaws lil dil-qaddisa l-ġdida.

Fit-tifkira tal-Beata Verġni ta’ Lourdes, illum niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Morda, li dis-sena qed jitfa’ l-attenzjoni fuq l-importanza tar-relazzjonijiet waqt il-mard.  L-ewwel ħaġa li jkollna bżonn meta nkunu morda hi l-qrubija tal-persuni għeżież tagħna, tal-operaturi sanitarji u, fi qlubna, il-qrubija ta’ Alla.  Ilkoll għandna s-sejħa li nkunu proxxmu għal min ikun qed ibati, biex inżuru lill-morda, kif jgħallimna Ġesù fl-Evanġelju.  Għaldaqstant, illum nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi u dik tal-Knisja kollha, mal-persuni morda jew l-aktar fraġli.  Ma ninsewx l-istil ta’ Alla: qrubija ħniena u ħlewwa.

Imma llum, ħuti, ma nistgħux ma nsemmux il-fatt li bosta persnui, illum, huma mċaħħdin mid-dritt tal-kura, u għalhekk, mid-dritt għall-ħajja!  Qed niftakar f’dawk li jgħixu f’faqar estrem; imma qed niftakar ukoll fit-territorji fejn hemm il-gwerra; f’dawn il-postijiet, ta’ kuljum hemm il-ksur tad-drittijiet umani fundamentali!  Huwa intollerabbli.  Nitolbu għall-Ukrajna mikduda, għall-Palestina, għal Iżrael, nitolbu għall-Myanmar u għall-popli kollha mkissrin minħabba l-gwerra.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji.  Insellem partikolarment lill-fidili minn Moral de Calatrava u Burgos (Spanja), lil dawk minn Brażilja u mill-Portugall; il-kor u l-orkestra taż-żgħażagħ minn Mostar; l-iskola minn Vila Pouca de Aguiar (Portugall).

Insellem lill-fidili minn Enego u Rogno, lill-voluntieri tas-Santwarju ta’ Sant’Anna minn Vinadio, lill-kor minn Eraclèa u l-Assoċjazzjoni Santa Paola Frassinetti minn San Calogero.  Insellem liż-żgħażagħ minn Lodi, Petosino u Torri di Quartesòlo; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Malta, Lallio u Almenno San Salvatore; lill-alunni tal-Istitut San Ambroġġ, tas-Sależjani minn Milan u lill-kor tat-tfal minn Piovène Rocchette; kif ukoll lill-grupp “Radio Mater” fl-okkażjoni tat-30 anniversarju.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber