IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 10 ta’ Diċembru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelju jkellimna dwar Ġwanni l-Battista, il-prekursur ta’ Ġesù (cfr Mk 1,1-8), u jiddeskriviehulna bħala “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (v. 3). Id-deżert, imkien għeri, fejn mhemmx komunikazzjoni, u l-vuċi, il-mezz li bih nitkellmu, jidhru qieshom żewġ tixbihat kontradittorji, imma fil-Battista jingħaqdu flimkien.

Id-deżert.  Hemmhekk Ġwanni jipprietka qrib ix-xmara Ġordan, qrib il-post li minnu, ħafna sekli qabel, il-poplu tiegħu kien daħal fl-art imwiegħda.  Bl-aġir tiegħu qiesu qed jgħid: biex nisimgħu lil Alla rridu nerġgħu lura lejn il-post li fih, għal erbgħin sena, Hu akkumpanja, ħares u eduka lill-poplu tiegħu, fid-deżert.  Hu l-imkien tas-silenzu u ta’ dak li hu essenjali, fejn wieħed ma jistax jitlajja u jintilef fuq affarijiet fiergħa, imma jkollu jikkonċentra fuq dak li hu indispensabbli biex jgħix.

U dan ifakkarna f’ħaġa dejjem attwali: biex nibqgħu għaddejjin fil-mixja hemm bżonn ninżgħu minn dak li hu żejjed, għax l-għejxien tajjeb ma jfissirx li nimtlew b’ħafna affarijiet inutli, imma li ninħelsu minn dak li hu superfluwu, żejjed, biex nidħlu fil-fond tagħna nfusna sabiex nagħrfu xinhu veramnet importanti quddiem Alla.  Ikun biss meta bis-silenzju u t-talb, nagħmlu wisa’ għal Ġesù, li hu l-Verb ta’ Alla, li jirnexxielna ninħelsu mit-tinġis tal-kliem vojt u mit-tqassis.  Is-silenzju u l-moderazzjoni – fil-kliem, fl-użu tal-affarijiet, tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tal-mezzi soċjali – mhumiex biss ‘fjuretti’ jew virtuwjiet, huma elementi essenzjali tal-ħajja nisranija.

Niġu għat-tieni xbieha, il-leħen.  Dan hu strument li bih nuru x’naħsbu u dak li għandna fi qlubna.  Allura nifhmu li dan marbut sfiq mas-silenzju għax jesprimi dak li jkun jinħema fina, mis-smigħ ta’ dak li jissuġġerielna l-Ispirtu.  Ħuti jekk ma nafux nisktu, diffiċli jkollna xi ħaġa tajba x’ngħidu; waqt li aktar ma jkun attent is-skiet, aktar tkun qawwija l-kelma.  Fi Ġwanni l-Battista dak il-leħen hu marbut mal-ġenwinità tal-esperjenza tiegħu u mat-trasparenza ta’ qalbu.

Nistgħu nsaqsu:  x’post għandu s-silenzju f’jiemi?  Hu silenzju vojt, forsi wkoll oppressiv, jew spazju ta’ smigħ, ta’ talb li bihom nindokra ħajti?  Ħajti hi sobrija jew mimlija ħwejjeġ bla bżonn?  Anki jekk ifisser li naqdfu kontra l-kurrent, ejjew nivvalorizzaw is-silenzju, il-moderazzjoni u s-smigħ.

Marija, Verġni tas-Silenzju, tgħinna nħobbu d-deżert biex insiru ilħna kredibbli li jħabbru lil Binha li ġej.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

75 sena ilu, fl-10 ta’ Diċembru, 1948, kienet ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.  Din hi t-triq prinċipali li permezz tagħha saru ħafna passi ‘l quddiem imma għad jonqos ħafna xi jsir, u kultnat ukoll, sfortunatament morna lura.

L-impenn għad-drittijiet umani qatt ma jista’ jintemm!  Dwar dan, jien qrib dawk kollha li, bla daqq ta’ trombi, fil-ħajja konkreta ta’ kuljum, jitqabdu u jħallsu personalment biex jiddefendu d-drittijiet ta’ min hu meqjus bla siwi.

Inħossni hieni għall-ħelsien ta’ numru kbir ta’ priġunieri armeni u ażeri.  Inħares bit-tama lejn das-sinjal pożittiv fir-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, għall-paċi fil-Kawkasu t’Isfel u nħeġġeġ lill-partijiet u l-mexxejja tagħhom biex ma jdumux ma jikkonkludu t-Trattat ta’ paċi.

Ftit jiem oħra tintemm il-ħidma tal-COP 28 dwar il-klima li qed issir bħalissa f’Dubai.  Inħeġġiġkom biex titolbu ħalli tagħti riżultati tajbin għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna u l-ħarsien tal-popolazzjonijiet.

U nkomplu nitolbu għall-popolazzjonijiet li qed isofru minħabba l-gwerer.  Resqin lejn il-Milied: se jkollna ħila, bl-għajnuna t’Alla, nagħmlu passi konkreti lejn il-paċi?  Mhux faċli, nafuha.  Ċerti kunflitti għandhom għeruq storiċi profondi.  Imma għandna wkoll it-testimonjanza ta’ rġiel u nisa li b’għaqal u l-paċenzja ħadmu favur il-konvivenza paċifika.  Ejjew nimxu fuq l-eżempju tagħhom!  Ejjew nagħmlu kull sforz biex naffrontaw u nneħħu l-kawżi tal-kunflitti.  Intant – a propożitu tad-drittijiet umani – ejjew nipproteġu lin-nies ċivili, l-isptarijiet, l-imkejjem tal-kult, ħalli jinħelsu l-ostaġġi u tkun garantita l-għajnuna umanitarja.  Ma ninsewx lill-martri Ukrajna, il-Palestina, Iżrael.

Niżgura talbi wkoll għall-vittmi tan-nirien li seħħ jumejn ilu fl-isptar ta’ Tivoli.

Isellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lill-fidili minn San Nicola Manfredi, l-iscouts adulti minn Scafati u lill-gruppi taż-żgħażagħ minn Nevoli, Gerenzano u Rovigo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber