IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 10 ta’ Ottubru, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb

Il-Liturġija tal-lum ittina l-laqgħa li kellu Ġesù ma raġel li kellu ħafna ġid (Mk 10. 22) u li fl-istorja nsibuh bħala “ż-żgħażugħ għani” (cfr Mt 19, 20-22).  Ma nafux ismu.  L-Evanġelju ta’ San Mark, fil-verità, jgħid li hu ”wieħed raġel” bla ma jgħid la kemm għandu żmien u lanqas ismu, biex fih aħna naraw lilna lkoll bħal f’mera.  Infatti, il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, ttinna ċ-ċans li nagħmlu eżami tal-fidi.  Jien u naqra dan it-test nagħmel eżami tal-fidi tiegħi.

Dan ir-raġel jibda b’mistoqsija: “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (v. 17).  Nosservaw il-verbi li juża: x’għandi nagħmel – biex nikseb.  Din hi r-reliġjożità tiegħu: dmir, nagħmel xi ħaġa biex nikseb xi ħaġa; “nagħmel xi ħaġa biex nikseb dak li għandi bżonn”.  Imma din hi relazzjoni ta’ negozju ma’ Alla, tini ħa ntik.  Iżda l-fidi mhix rit kiesaħ u mekkaniku “xi ħaġa li għandi nagħmel-biex nikseb”.  Hi kwistjoni ta’ libertà u mħabba.  Il-fidi hi kwistjoni ta’ libertà, hi kwistjoni ta’ mħabba.  Dan hu l-ewwel eżami: x’inhi l-fidi għalija?  Jekk primarjament hi dmir jew tisrif tal-flus, ninsabu barra mit-triq, għax is-salvazzjoni hi don mhux dmir, hi gratwtita u ma nistgħux nixtruha.  L-ewwel ma għandna nagħmlu hu li ninħelsu minn dil-fidi kummerċjali u mekkanika, li tnissel fina xbieha falza ta’ Alla ‘accountant’, Alla li jiċċekkja, mhux ta’ Alla Missier.  U bosta drabi fil-ħajja nistgħu nkunu qed ngħixu din ir-relazzjoni ta’ fidi ‘kummerċjali’: jien nagħmel dan biex Alla jtini dak.

Ġesù – it-tieni parti – jgħin lil dak ir-raġel billi joffrilu l-wiċċ veru ta’ Alla.  Infatti – tgħid is-silta – “Ġesù tefa’ fuqu ħarsa” u “ħabbu” (v. 21): dan hu Alla!  Huwa hawn li titwieled u terġa titwieled il-fidi: mhux minn xi dmir, mhux minn xi ħaġa li għandha ssir jew li għandha titħallas, imma minn ħarsa ta’ mħabba li għandha tkun milqugħa.  B’hekk il-ħajja nisranija ssir sabiha, ma tinbeniex fuq il-ħiliet tagħna jew fuq il-proġetti tagħna, imma tissejjes fuq il-ħarsa ta’ Alla.  Il-fidi tiegħek, il-fidi tiegħi għajjiena?  Trid terġa ttiha l-ħajja?  Fittex il-ħarsa t’Alla: għamel l-adorazzjoni, ħalli l-qrara ttik il-maħfra, oqgħod quddiem il-Kurċifiss.  Insomma, ħalli lilu jħobbok.  Dan hu l-bidu tal-fidi: li nħallu lilu jħobbna, hu li hu Missier.

Wara l-mistoqsija u l-ħarsa hemm – it-tielet  u l-aħħar parti – stedina ta’ Ġesù li jgħid: “Ħaġa waħda jonqsok”.  X’kien jonqsu dak ir-raġel għani?  Id-don, il-gratwità: “Mur, bigħ li għandek u agħtih lill-fqar” (v. 21).  Forsi dan hu dak li hemm nieqes fina.  Spiss nagħmlu l-anqas li nistgħu filwaqt li Ġesù jistedinna biex nagħtu dak kollu li hu possibbli, il-massimu.  Kemm drabi nikkuntentaw bid-dmirijiet – il-preċetti, xi talba u ħafna affarijiet bħal dawn -  filwaqt li Alla, li jtina l-ħajja, jitlob minna qabża fil-ħajja!  Fl-Evanġelju tal-lum naraw ferm tajjeb il-qabża mid-dmir lejn id-don; Ġesù jibda billi jfakkar il-Kmandamenti: “Tisraqx, tagħmilx adulterju, tisraqx....” u l-bqija (v. 19) u jasal għall-proposta pożittiva: “Mur, bigh, agħti, imxi warajja!” (cfr v. 21).  Il-fidi ma tistax trieġi fuq il-’le’, għax il-fidi nisranija hija ‘iva’, iva ta’ mħabba.

Għeżież ħuti, fidi mingħajr don, fidi nieqsa mil-gratwità mhix fidi sħiħa, hi fidi dgħajfa, fidi marida.  Nistgħu nqabbluha ma ikel rikk u nutrijenti imma bla togħma, jew ma xi partita milgħuba tajjeb imma li tibqa’ xejn b’xejn: le, mhux hekk, jonqos “il-melħ”.  Fidi nieqsa mid-don, mill-gratwità, nieqsa mill-opri ta’ karità, fl-aħħar mill-aħħar timlik bis-swied il-qalb: bħal dak ir-raġel li minkejja li Ġesù nnifsu ħares lejh bl-imħabba, reġa’ lura lejn daru “b’qalbu sewda” (v. 22).  Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna” “F’liema stat tinsab il-fidi tiegħi?  Jien ngħejxha qiesha xi ħaġa mekkanika, qiesha xi relazzjoni ta’ dmir jew għall-interess ma’ Alla?  Inħallu lil Ġesù jħares lejna u jħobbna; inħallu lil Ġesù jarana, iħobbna. “U miġbud lejh, jien inwieġeb bil-ġenerożità, b’qalbi kollha?”

Il-Verġni Marija, li lil Alla qaltlu iva sħiħa, iva mingħajr immijiet – mhux ħafifa tgħid iva mingħajr immijiet: il-Verġni Marija hekk għamlet, qalet iva bla ‘imma’ – ddewwaqna s-sbuħija li ħajjitna nagħmluha don.

 

Wara l-Angelus

Għeħieħ ħuti,

illum ukoll b’ferħ nagħti l-aħbar ta’ beatifikazzjonijiet ġodda.  Ilbieraħ f’Napli ġiet beatifikata Maria Lorenza Longo, miżżewġa u omm ta’ familja, li għexet fis-seklu XVI.  Romlot u waqqfet f’Napli Sptar għall-morda li ma jistgħux jitfejqu u n-nisa Klarissi Kapuċċini.  Kienet mara ta’ fidi kbira u ta’ ħajja sfiqa ta’ talb, għamlet kull ma setgħet biex taħji lill-foqra u lill-batuti.

Illum ukoll, fi Tropea fir-reġjun tal-Calabria, kien beatifikat don Francesco Mottola, fundatur tal-Oblati nisa u rġiel tal-Qalb Imqaddsa, li miet fl-1969.  Kien ragħaj żelanti u ħabbbar bla heda tal-Evanġelju.  Kien xhud eżemplari ta’ saċerdozju mgħix bil-karità u l-kontemplazzjoni.  Applaws lil-Beati l-ġodda.

Illum, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, nixtieq infakkar lil ħutna li jbatu minn mard mentali u wkoll lill-vittmi, li spiss ikunu żgħażagħ, tas-suwiċidju.  Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom, sabiex ma jitħallewx waħedhom u lanqas issir diskriminazjzoni magħhom, imma jkunu milqugħin u megħjuna.

Insellem lilkom ilkoll pellegrini minn pajjiżi differenti: familji, gruppi, assoċjazzjonijiet u fidili singoli.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Bussolengo u lil dawk minn Novoli; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma mill-parroċċa tar-Riżurrezzjoni f’Ruma u lill-Cooperativa del Sole minn Corbetta.  Qed nara li hemm ukoll dawk minn Montella u nsellmilhom...  Bix-xbieha ta’ Swor Bernardetta.  Nitolbu biex ma ddumx ma tkun kanoniżżata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber