IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 10 ta’ Settembru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jkellimna dwar il-korrezzjoni fraterna (cfr Mt 18,15-20) li hi waħda mill-għola espressjonijiet tal-imħabba, u wkoll waħda mill-aktar impenjattivi għax mhux faċli tikkoreġi lill-oħrajn.  Meta ħuk fil-fidi jagħmillek tort, int, bla ebda sens ta’ korla, għinu, ikkoreġih: ngħinu bil-korrezzjoni.

Iżda sfortunatament, l-ewwel ħaġa li tinħoloq madwar min ikun żbalja hi t-tqassis u t-tkeskis, li bih kulħadd isir jaf bl-iżball, bid-dettalji kollha, minbarra min hu interessat!  Dan mhux sew, ħuti, lil Alla dan ma jogħġbux.  Ma ngħejja qatt intenni li t-tqassis hu pesta għall-ħajja tal-persuni u tal-komunità, għax iġib il-firda, iġib it-tbatija, iġib l-iskandlu u qatt ma jgħin biex titjieb is-sitwazzjoni.  Mgħallem spiritwali kbir, San Bernard, kien jgħid li l-kurżità sterili u l-kliem superfiċjali huma l-ewwel tarġiet tal-indana tal-kburija, li mhux talli ma ttellax ‘il fuq talli tniżżel ‘l isfel, u lill-bniedem tgerbu lejn it-telfien u r-rovina (cfr I gradi dell’umiltà e della superbia).

Minflok, Ġesù jgħallimna nġibu ruħna b’mod differenti.  Dan jgħid illum: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu” (v. 15).  Kellmu ras imb ras, lealment, biex tgħinu jifhem fejn żbalja.  U dan għamlu għall-ġid tiegħu, billi tegħleb il-mistħija u ssib il-kuraġġ veru, li mhuwiex li toqgħod tpaċpaċ bl-addoċċ, imma li tgħidlu l-affarijiet f’wiċċu bil-ħlewwa u l-ġentilezza.

Imma nistgħu nsaqsu u jekk ma jkunx biżżejjed?  Allura jkun hemm bżonn infittxu l-għajnuna.  Però, attenzjoni: mhux dik tal-grupp ristrett li jqassas!  Ġesù jgħid: “Ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra” (v. 16), u jrid jifhem li jkunu persuni li verament iridu jagħtu daqqa t’id li dak ħuna jew lil dik oħtna li żbaljaw.

U jekk xorta waħda ma jkunux iridu jifhmu?  Allura, jgħid Ġesù, involvi lill-komunità.  Imma hawn ukoll irridu niċċaraw: ma jfissirx li lill-persuna ngħadduha proċess u nġagħluha tistħi pubblikament, iżda jfisser li ngħaqqdu l-isforzi ta’ kulħadd biex ngħinuha tinbidel.  Mhux sew li nippuntaw subgħajna, anzi, ħaġa bħal din tagħmilha aktar diffiċli li dak li jkun jammetti li żbalja.  Pjuttost, il-komunità għandha tgħin lilu jew lilha biex turiha li, filwaqt li tikkundanna l-iżball, hi qrib bit-talb u l-għożża lejn il-persuna, dejjem lesta biex toffrilha l-maħfra, tifhimha, tgħinna terġa’ tibda mill-ġdid.

U allura nagħmlu dil-mistoqsija lilna nfusna: kif inġib ruħi jien ma’ min għamilli xi tort?  Inżomm f’qalbi u nġemma’ r-rabja? “Inpattihielek”: dil-kelma nisimgħuha tant drabi “inpattihielek...”.  Li ġara nużah biex inqassas minn wara dahar dak li jkun?  “Taf x’għamel dak?” eċċ....  Jew inkella jien kuraġġuz, kuraġġuża u nara kif nagħmel biex inkellem lilu, lilha?  Nitlob għalih, għaliha, infittex l-għajnuna biex nagħmel il-ġid?  U l-komunitajiet tagħna jerfgħu r-responsabbiltà ta’ min jaqa’, ħalli dak li jkun jista’ jerġa’ jqum u jibda ħajja ġdida?  Il-Komunità tipponta subgħajha jew tiftaħ dirgħajha?  Inti x’tagħmel tipponta sebgħek jew tiftaħ dirgħajk?

Marija li baqgħet tħobb minkejja li kienet tisma’ lil min ikkundanna lil Binha, tgħinna nfittxu dejjem it-triq tal-ġid.

 

Wara l-Angelus 

Għeżież ħuti,

Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi mal-għażiż poplu tal-Marokk li ntlaqat minn terremot qerriedi.  Nitlob għall feruti, għal dawk li tilfu ħajjithom – ħafna! – u għall-familjari tagħhom.  Irrodd ħajr lin-nies tas-salvataġġ u lil kulmin hu impenjat biex itaffi t-tbatijiet tan-nies; jalla l-għajnuna konkreta ta’ kulħadd twieżen il-popolazzjoni f’dan il-waqt traġiku: ejjew nibqgħu qrib il-poplu tal-Marokk!

Illum f’Markowa, fil-Polonja, kienu beatifikati l-martri Giuseppe u Vittoria Ulma flimkiem mas-seba’ wliedhom: familja sħiħa maqtula min-nażisti nhar l-24 ta’ marzu, 1944 għax kienu taw kenn lil xi Għebrej persegwitati.  Huma offrew oppożizzjoni b-imħabba evanġelika għall-mibegħda u l-vjolenza li kkaratterizzaw dawk iż-żminijiet.  Dil-familja pollakka, li kienet tirrappreżenta raġġ dawl fid-dlam tat-tieni gwerra dinjija, għandha tkun għalina mudell biex nimitawh b’impuls għall-ġid u b’servizz lil min jinsab fil-bżonn.  Applaws lil dil-familja ta’ Beati!

U fuq l-eżempju tagħhom inħossuna msejħin biex nopponu l-qawwa tal-armi bil-karità, lir-retorika tal-vjolenza bil-perseveranza fit-talb.  Nagħmlu dan fuq kollox għall-pajjiżi li qed isofru minħabba l-gwerra; b’mod speċjali, nintensifikaw it-talb għall Ukrajna mbiċċra.  Hemm il-bnadar tal-Ukrajna hemmhekk, l-Ukrajna li qed issofri ħafna, ħafna!

Pitgħada, 12 ta’ Settembru l-għażiż poplu tal-Etjopja se jiċċelebra l-ewwel tas-sena tradizzjonali: minn qalbi nixtieq nagħti l-awguri lill-popolazzjoni u nawguralhom li jkunu mberkin bid-doni tar-rikonċiljazzjoni fraterna u l-paċi.

Illum idawru ħsiebna lejn l-Abazija Mont-Saint-Michel, fin-Normandija li qed tiċċelebra l-elf sena tal-konsagrazzjoni tat-tempju.

U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi varji, partikolarment lill-parroċċa tas-Sacro Cuore di Ġesù minn Madrid, lill-komunità pastorali Cristo Risorto minn Saronno, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Soliera, lill-istudenti tal-iskejjel superjuri minn Lucca.

Kif aħna qrib il-bidu tas-sena kateketika, l-Elledici, editriċi tas-Sależjani, illum qed tirregala lil min hawn fil-pjazza sussidju għall-katekeżi bit-titlu “Pass wara Pass”: rigal sabiħ!  Nieħu l-okkażjoni biex irrodd ħajr lill-katekisti għall-ħidma prezzjuża tagħhom u biex nawgura lis-subjien u l-bniet tal-katekiżmu il-ferħ li jiltaqgħu ma’ Ġesù.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber