IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Ħadd il-Palm u Ħadd il-Passjoni tal-Mulej,

10 ta’ April, 2022

 

Għeżież ħuti!

 

Qabel intemm din iċ-Ċelebrazzjoni nixtieq insellem lilkom ilkoll, partikolarment lill-pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi, fosthom għadd sabiħ ta’ żgħażagħ.  Lil kulħadd, lil dawk ukoll li huma kollegati magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, nawguralkom il-Ġimgħa Mqaddsa t-tajba!

Jiena qrib l-għażiż poplu tal-Perù li għaddej minn mument diffiċli ta’ tensjoni soċjali.  Qed nakkumpanjakom bit-talb u nħeġġeġ lin-naħat kollha biex bla telf ta’ żmien ifittxu soluzzjoni paċifika għall-ġid tal-pajjiż, speċjalment tal-aktar foqra, b’rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd u tal-istituzzjonijiet.

Minn hawn u ftit ieħor se nduru lejn il-Madonna bit-talba tal-Angelus.  Kien propju l-Anġlu tal-Mulej li, waqt it-Tħabbira lil Marija qalilha: “Għal Alla mhemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1,37).  Xejn ma hu impossibbli għal Alla.  Anki li jwaqqaf gwerra li mhux qed naraw li se titntemm.  Gwerra li ta’ kuljum qed iġġib quddiem għajnejna straġi ta ħruxija bla qies u krudeltajiet atroċi fuq nies ċivili bla difiża.  Nitolbu għal dan.

 

Ninsabu fil-jiem ta’ qabel l-Għid.  Qed inħejju ruħna biex niċċelebraw ir-rebħa tal-Mulej Ġesù Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub.  Fuq id-dnub u fuq il-mewt mhux fuq wieħed kontra xi ħadd ieħor.  Imma llum hawn il-gwerra.  Għaliex iridu nirbħu hekk, bil-mod tad-dinja?  B’hekk hemm biss telf!  Għax ma nħallux lilu jirbaħ?  Kristu ġarr is-salib biex jeħlisna mill-jasar tal-ħażen.  Miet biex isaltnu l-ħajja, l-imħabba, il-paċi.

Sikktu l-armi!  Ħalli jinbeda waqfien mill-ġlied għall-Għid, imma mhux biex nikkargaw l-armi mill-ġdid u nerġgħu nibdew nitqabdu, le!, waqfien mill-ġlied biex naslu għall-paċi, permezz ta’ negozjat veru, disposti wkoll għal xi sagrifiċċju għall-ġid tan-nies.  Infatti x’rebħa tkun dik li ttella’ bandiera fuq borġ tifrik?

Għal Alla mhemm xejn li ma jistax isir.  Nintelqu f’idejh bl-interċessjoni tal-Verġni Marija.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber