IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 10 ta’ Marzu, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan ir-raba’ Ħadd tar-Randan l-Evanġelju jippreżentalna l-figura ta’ Nikodemu (cfr Ġw 3, 14-21), fariżew, “wieħed mill-mexxejja tal-Lhud” (Ġw 3,1).  Dan kien ra s-sinjali li kien għamel Ġesù, ra fih Mgħallem mibgħut minn Alla u mar jiltaqa’ miegħu billejl, biex ma jagħtix fil-għajn.  Il-Mulej jilqgħu, jiddjaloga miegħu u jirrivelalu li hu ma ġiex bie xjikkundanna iżda biex isalva d-dinja (cfrv. 17).  Nieqfu ftit nirriflettu fuq dan: Ġesù ma ġiex biex jikkundanna, imma biex isalva.  Sabiħa din, hux!

Spiss fl-Evanġelju naraw lil Kristu jikxef l-intenzjonijiet tal-persuni li jiltaqa’ magħhom, kultant kien iċarrat il-maskra tal-atteġġjemanti foloz tagħhom, bħalma kien jagħmel mal-fariżej (cfr Mt 23,27-32), inkella kien jgħinhom jirriflettu fuq id-diżordni li kellhom f’ħajjithom, bħalma ġara fil-kas tas-Sammaritana (cfr Ġw 4,5-42).  Ma Ġesù mhemmx sigrieti:  Hu jaqra l-qlub, il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.  U dil-ħila tiegħu taf tnissel tħassib, għax jekk tintuża ħażin, tkun ta’ ħsara għall-persuni, tesponiehom għall-ġudizzji bla ħniena.  Infatti, ħadd mhu perfett, ilkoll kemm aħna midinbin, ilkoll niżbaljaw u kieku l-Mulej juża dak li jaf dwar id-dgħufijiet tagħna biex jikkundannana, ħadd ma jirnexxilu jsalva.

Imma mhux hekk.  Infatti hu ma jinqediex bihom biex jipponta sebgħu lejna, imma biex iħaddan ħajjitna miegħu, biex jeħsilna minn dnubietna u biex isalvana.  Mhux fl-interess ta’ Ġesù li jagħmlilna proċessi jew jaqta’ sentenzi dwarna; Hu jrid li ħadd minn ma jintilef.  Il-ħarsa tal-Mulej fuq kull wieħed u waħda minna mhix searchlight li jgħammex u jġibna f’diffikultà, imma hija dawl fietel ta’ fjamma ħabiba li tgħinna naraw fina t-tajjeb u nindunaw bil-ħażen tagħna, biex tikkonvertina u tfejjaqna bil-grazzja tiegħu li ssostnina.

Ġesù ma ġiex biex jikkundanna immabiex isalva d-dinja. Naħsbu ftit dwarna nfusna, li tant drabi, bosta drabi, nikkundannaw lill-oħrajn; tant drabi nieħdu gost inqassu, infittxu l-pettegolezzi fuq l-oħrajn.  Nitolbu lill-Mulej jagħti lil kulħadd dil-ħarsa ta’ ħniena, biex inħarsu lejn l-oħrajn l-istess kif Hu jħares lejna lkoll.

Marija tgħinna biex xewqitna tkun li nixtiequ l-ġid ta’ xulxin.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Jumejn ilu ċċelebrajna l-Jum Internazzjonali tal-Mara.  Irrid nesprimi l-qrubija tiegħi lejn in-nisa kollha, speċjalment dawk li d-dinjità tagħhom hi kalpestata.  Fadal ħafna ħidma x’issir biex ilkoll kemm aħna nagħtu għarfien konkret lid-dinjità tal-mara, li hi ugwali għal dik tar-raġel.  L-istituzzjonijiet, soċjali u politiċi, għandhom id-dmir fundamentali li jipproteġu u jippromwovu d-dinjità ta’ kull persuna umana, billi lill-mara, li ġġorr fiha l-ħajja, joffrulha l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista’ tilqa’ d-don tal-ħajja u tkun żgura li uliedha ttihom eżistenza xierqa.

Qed insegwi bi tħassib u niket il-kriżi ġravi li qed tolqot lil Haiti u l-ġrajjiet vjolenti li seħħew dawn l-aħħar jiem.  Jiena qrib il-Knisja u l-għażiż poplu ta’ Haiti, li ilu snin mikdud minn tbatijiet kbar. Nistedinkom titolbu, bl-interċessjoni tal-Madonna tas-Sokkors, biex tintemm kull xorta ta’ vjolenza u kulħadd jagħti sehemu biex titkattar il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż, bit-tiġdid tal-għajnuna min-naħa tal-Komunità Internazzjonali.

Illejla ħutna l-musulmani se jibdew ir-Ramadan: nesprimi lilhom ilkoll il-qrubija tiegħi.

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu hawn minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-istudenti tal-Kulleġġ Irabia-Izaga, minn Pamplona, lill-pellegrini minn Madrid, Murcia, Malaga u lil dawk minn St. Mary’s Plainfield - New Jersey.

Insellem liż-żgħażagħ tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma mill-parroċċa Nostra Signora di Guadalupe u San Filippo Martire f’Ruma; lill-fidili minn Reggio Calabria, Quartu Sant’Elena u Castellamonte.

Nilqa’ b’għożża lill-komunità kattolika mir-Repubblika Demokratika tal-Congo li tinsab hawn f’Ruma.  Nitolbu għall-paċi f’dal-pajjiż, kif ukoll fl-Ukrajna mifnija u fl-Art Imqaddsa.  Waqqfu minnufih il-ġlied li qed iġib tbatija bla tarf lill-popolazzjoni ċivili.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber