Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 9 ta’ Ottubru, 2022

Qabel ma ntemmu din iċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, insellem u rrodd ħajr lilkom ilkoll li ġejtu biex tagħtu ġieħ lill-Qaddisin il-ġodda.  Insellem lill-Kardinali, lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati, partikolarment lill-Missjunarji rġiel u nisa ta’ San Carlo Borromeo u lill-aħwa sależjani li jgħinuhom.  Insellem b’rikonoxxenza lid-Delegazzjonijiet uffiċjali.

Illum, fil-belt ta’ Fabriano se tkun beatifikata Maria Costanza Panas, soru klarissa kapuċċina, li għexet fil-monasteru ta’ Fabriano bejn l-1917 u l-1963, meta marret lejn is-Sema.  Kienet tilqa’ lil kull min iħabbat il-bieb tal-monasteru u kienet ixxerred f’kulħadd il-paċi u l-fiduċja.  Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha, meta kienet marida ħafna, kienet offriet it-tbatijiet tagħha għall-Konċilju Vatikan II, li pitgħada jaħbat is-sittin anniversajru mill-ftuħ tiegħu.  Il-Beata Costanza tgħinna biex ikollna dejjem il-fiduċja f’Alla u biex nilqgħu dejjem lill-proxxmu!

A propożitu tal-Konċilju, sittin sena ilu, ma nistgħux ninsew il-periklu ta’ gwerra nuklejari li kienet qed thedded lid-dinja dak iż-żmien.  Għaliex ma nitgħallmux mill-istorja?  F’dak il-mument ukoll kien hemm kunflitti u tensjonijiet kbar, imma ntgħażlet it-triq tal-paċi.  Fil-Bibbja hemm miktub: “Hekk jgħid il-Mulej: Ieqfu fit-toroq u ħarsu, staqsu għall-mogħdijiet ta’ dari, fejn hi t-triq it-tajba, u aqbdu lilha, u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Ġer, 6,16).

Inwiegħed it-talb tiegħi għall-vittmi tal-vjolenza tal-ġenn li seħħet tliet ijiem ilu fit-Tajlandja.  B’emozzjoni nħalli f’idejn Missier il-ħajja, partikolarment lit-tfal żgħar u l-familji tagħhom.

U issa nduru lejn il-Verġni Marija, sabiex tgħinna nkunu xhieda tal-Evanġelju mqanqlin mill-eżempju tal-Qaddisin.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber