IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 9 ta’ Lulju, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum itina talba sabiħa ħafna ta’ Ġesù, li jdur lejn il-Missier u jgħidlu: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11,25).  Imma għalxiex qiegħed jirreferi kliem Ġesù?  U wkoll, min huma dawn iċ-ċkejknin li dawn il-ħwejjeġ ikunu rivelati lilhom?  Nieqfu fuq dan: fuq l-affarijiet li minħabba fihom Ġesù jfaħħar lill-Missier u fuq iċ-ċkejknin li jafu jilqgħuhom.

L-affarijiet li Ġesù jfaħħar lill-Missier minħabba fihom.  Ftit qabel Ġesù kien fakkar xi wħud mill-opri tiegħu: “L-għomja jaraw (...) il-lebbrużi jfiqu, (...), l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11,5), u spjega wkoll it-tifsira, meta qal li dawn huma sinjali tal-aġir ta’ Alla fid-dinja.  Allura l-messaġġ hu ċar: Alla juri lilu nnifsu billi jeħles u jfejjaq lill-bniedem – ma ninsewhx dan: Alla juri lilu nnifsu billi jeħles u jfejjaq lill-bniedem – u jagħmel dan b’imħabba gratwita, imħabba li ssalva. Għal dan ifaħħar lill-Missier, għax il-kobor tiegħu jinsab fl-imħabba u qatt ma jaġixxi ‘l barra mill-imħabba.  Imma din l-imħabba kbira ma jifhimhiex min jimmaġina li hu xi ħaġa u jfassal alla skont kif jaqbel lilu: setgħan, inflessibbli, vendikattiv.  Fi kliem ieħor dawn il-prużuntużi ma jirnexxilhomx jilqgħu lil Alla bħala Missier; min hu mimli bih innifsu, imkabbar, moħħu biss fl-interessi tiegħu – dawn huma l-prużuntużi -.konvint li m’għandu bżonn ħadd.  Rigward dan Ġesù jsemmi lill-abitanti ta’ tliet ibliet għonja ta’ żmienu, Korażajn, Betsajda, u Kafarnahum, fejn kien fejjaq ħafna, imma fejn l-abitanti baqgħu indifferenti lejn il-predikazzjoni tiegħu.  Għalihom il-mirakli kienu biss ġrajjiet spettakolari, utli biss biex ikunu aħbar u jżoqqu t-tqassis: meta l-interess tal-mument għadda, tefgħuhom fl-arkivju, forsi wkoll biex jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq xi novità oħra tal-mument.  Ma għarfux jilqgħu il-ħwejjeġ kbar ta’ Alla.

Iċ-ċkejknin, iżda, jafu jilqgħuhom u Ġesù jfaħħar lill-Missier minħabba fihom: “Infaħħrek – jgħid – għax is-Saltna tas-Smewwiet urejta liċ-ċkejknin.  Ifaħħru minħabba min hu sempliċi, għandu qalbu ħielsa mill-prużunzjoni u l-amor propju.  Iċ-ċkejknin huma dawk li, bħat-tfal, iħossu li huma fil-bżonn, mhumiex awtosuffiċjenti, miftuħin għal Alla u jistgħaġbu bl-opri tiegħu.  Huma jafu jaqraw is-sinjali tiegħu, jistgħaġbu bil-mirakli ta’ mħabbtu!  Insaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom, u lili nnifsi wkoll: nafu nistgħaġbu b’dak li jagħmel Alla jew inqisuh bħala ħaġa li tgħaddi mar-riħ?

Ħuti, jekk naħsbu sew, ħajjitna mimlija mirakli: mimlija ġesti ta’ mħabba, sinjali tat-tjubija ta’ Alla.  Quddiem dan kollu però, qalbna wkoll tista’ tkun indifferenti u għaliha kollox isir drawwa, kurżità bla ħila li tistgħaġeb, li “timpressjona ruħha”.  Qalb magħluqa, qalb iebsa, u din m’għandhiex ħila tistgħaġeb.  Il-verb “impressjona” jġibilna f’moħħna t-tertuqa ta’ fotografu.  Dan hu l-atteġġjament quddiem l-opri ta’ Alla: f’moħħna nieħdu ritratt tal-opri tiegħu ħalli dawn nistampawhom f’qalbna biex imbagħad niżviluppawhom fil-ħajja permezz ta’ bosta ġesti ta’ tjieba, biex hekk “ir-ritratt” ta’ Alla-mħabba, jikseb dawl dejjem aktar qawwi fina u permezz tagħna.

U issa kull wieħed u waħda minna nistaqsu: fil-baħar ta’ aħbarijiet li jordmuna, jien, kif jurina Ġesù llum, naf nieqaf biex nara l-opri kbar ta’ Alla, dawk li Alla jwettaq?  Nistgħaġeb bħat-tfal, bit-tajjeb, li fis-skiet jibdel id-dinja, jew inkella tlift il-ħila li nistgħaġeb?  U nbierek lil Alla ta’ kuljum għall-opri tiegħu?  Marija, li tfaħħret fil-kobor tal-Mulej, tagħtina l-ħila li nistgħaġbu b’imħabbtu u nfaħħruh bis-sempliċità.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Bi swied il-qalb sirt naf li fl-Art Imqaddsa reġa’ xtered id-demm.  Nawgura li l-Awtoritajiet Iżraeljani u dawk tal-Palestina jerġgħu jibdew id-djalogu dirett bl-għan li jwaqqfu l-ispirali ta’ vjolenza u jiftħu toroq ta’ rikonċiljazzjoni u paċi.

Illum qed niċċelebraw “Ħadd il-Baħar”, iddedikat lil kulmin jaħdem fuq il-vapuri, fil-portijiet u fl-ambjent marittimu.  Nirringrazzja lill-baħrin li jħarsu l-baħar minn bosta għamliet ta’ tinġiz – minbarra x-xogħol soltu tagħhom - u jtellgħu mill-baħar il-ħmieġ li nitfgħu fih aħna, il-plastik...  Darba, is-sajjieda ta’ San Benedetto del Tronto kienu qaluli li ġabru tunellati ta’ plastik mill-baħar, kif rajna fil-programm “A Sua Immagine”.  Nirringrazzja lill-kappillani u lill-volontarji tal-Appostolat tal-Baħar u nqiegħed lil kulħadd taħt il-protezzjoni ta’ Marija Kewkba tal-Baħar.  Irrid infakkar bi gratitudni lil kulmin hu sehem mill-Mediterranean Saving Humans għas-salvataġġ tal-migranti mill-baħar, grazzi ħafna ħuti!

U issa nsellem lilkom, rumani u pellegrini, li minkejja s-sħana ta’ Lulju tinsabu hawn fil-pjazza!  Applaws lilkom ilkoll!  Kuntent li nsellem b’mod partikolari lill-iscouts tfajliet u lill-istudenti universitarji minn Leopoli, fl-Ukrajna: intikom il-barka tiegħi u nestendiha wkoll lill-għeżież tagħkom u lill-poplu tagħkom tant mikdud.  Nitolbu għal dan il-poplu li qed isofri ħafna.  Insellem lill-pollakki u nfakkar fil-pellegrinaġġ kbir li qed isir illum fis-Santwarju ta’ Jasna Góra, f’Częstochowa.

Insellem liż-żgħażagħ tal-moviment Regnum Christi, lill-iscouts minn Modica, lill-kor parrikkjali minn Santo Stefano Quisquina – Agrigento, lill-adoloxxenti mid-Djoċesi ta’ Pistoia u lill-fidili minn Sacile.

Issa nixtieq inħabbar li fit-30 ta’ Settembru li ġej se nagħmel Konċistorju biex ninnomina Kardinali ġodda.  Il-postijiet minn fejn ġejjin jesprimu l-universalità tal-Knisja, li tkompli tħabbar l-imħabba mimlija ħniena ta’ Alla lill-bnedmin kollha tad-dinja.  Minbarra hekk, il-ħatra ta’ Kardinali ġodda fid-Djoċesi ta’ Ruma turi r-rabta li ma tinħallx bejn is-Sede ta’ Pietru u l-Knejjes partikolari mxerrdin mad-dinja.

Dawn huma l-Kardinali l-ġodda:

S.E. Mons. Robert Francis PREVOST, O.S.A., Prefett tad-Dikasteru tal-Isqfijiet;

S.E. Mons. Claudio GUGEROTTI, Prefett tad-Dikasteru tal-Knejjes Orjentali;

S.E. Mons. Víctor Manuel FERNÁNDEZ, Prefett tad-Dikasteru tad-Duttrina tal-Fidi;

S.E. Mons. Emil Paul TSCHERRIG, Nunzju Appostoliku;

S.E. Mons. Christophe Louis Yves Georges PIERRE, Nunzju Appostoliku;

S.B. Pierbattista PIZZABALLA, Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm;

S.E. Mons. Stephen BRISLIN, Arċisqof ta’ Cape Town (Kaapstad);

S.E. Mons. Ángel Sixto ROSSI, S.I., Arċisqof ta’ Córdoba;

S.E. Mons. Luis José RUEDA APARICIO, Arċisqof  ta’ Bogotá;

S.E. Mons. Grzegorz RYŚ, Arċisqof  ta’ Łódź;

S.E. Mons. Stephen Ameyu Martin MULLA, Arċisqof  ta’ Juba;

S.E. Mons. José COBO CANO, Arċisqof  ta’ Madrid;

S.E. Mons. Protase RUGAMBWA, Arċisqof Koadjutur ta’ Tabora;

S.E. Mons. Sebastian FRANCIS, Isqof ta’ Penang;

S.E. Mons. Stephen CHOW SAU-YAN, S.J., Isqof ta’ Hong Kong;

S.E. Mons. François-Xavier BUSTILLO, O.F.M. Conv., Isqof ta’ Ajaccio;

S.E. Mons. Américo Manuel ALVES AGUIAR, Isqof Awżiljarju ta’  Lisbona;

Reverendo Padre Ángel FERNÁNDEZ ARTIME, S.D.B., Rettur Maġġuri tas-Sależjani.

Flimkien ma’ dawn se ngħaqqad mal-Kulleġġ Kardinalizju żewġ Arċisqfijiet u Reliġjuz li ddistingwew ruħhom fis-servizz li taw lill-Knisja:

S.E. Mons. Agostino MARCHETTO, Nunzju Appostoliku;

S.E. Mons. Diego Rafael PADRÓN SÁNCHEZ, Arċisqof Emeritu ta’ Cumaná;

Padre Luis Pascual DRI, O.F.M. Cap., konfessur fis-Santwarju ta’ Sidtna Marija ta’ Pompej fi Buenos Aires.

Nitolbu għall-Kardinali l-ġodda, sabiex bil-konferma tar-rabta tagħhom ma’ Kristu, is-Saċerdot il-Kbir ħanin u fidil (cfr Lhud, 2,17), jgħinuni fil-ministeru tiegħi ta’ Isqof ta’ Ruma għall-ġid tal-Poplu fidil ta’ Alla kollu.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber