IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 9 ta’ Ġunju, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (cfr Mk 3,20-35) jgħidilna li wara li beda l-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù sab quddiemu reazzjoni doppja: dik ta’ qrabatu, li kienu mħassbin u beżgħu li forsi seta kien qed jiġġennen, u dik tal-awtoritajiet reliġjużi li kienu jakkużawh li dak li kien jagħmel kien iwettqu bis-saħħa ta’ spirtu malinn.  Fil-verità Ġesù kien jipprietka u jfejjaq il-morda bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  U kien propju l-Ispirtu s-Santu li kien jagħmlu divinament ħieles, jiġifieri kapaċi li jħobb bla ebda riserva u kundizzjonament Ġesù ħieles.  Nieqfu ftit nikkuntemplaw din il-libertà ta’ Ġesù.

Ġesù kien ħieles fil-konfront tal-ġid tad-dinja: għalhekk abbanduna l-kenn tal-villaġġ fejn kien jgħix, Nazaret, biex iħaddan ħajja ta’ faqar u mimlija inċertezzi (cfr Mt 6,25-34) u bla ebda interess fejjaq il-morda u lil kulmin mar jitolbu l-għajnuna, bla qatt talab xi ħaġa lura (cfr Mt 10,8).  Din hi l-gratwità tal-ministeru ta’ Ġesù.  U hi l-gratwità ta’ kull ministeru.

Kien ħieles fil-konfront tal-poter: infatti minkejja li sejjaħ ħafna biex jimxu warajh qatt ma obbliga lil ħadd biex jibqa’ miegħu, u lanqas fittex l-appoġġ tas-setgħanin, imma dejjem baqa’ man-naħa ta’ dawk tal-aħħar, u għallem lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess, bħalma għamel Hu (cfr Lq 22,25-27).

Fl-aħħar, Ġesù kien ħieles mit-tfittxija għall-fama u biex jikseb approvazzjoni u għalhekk qatt ma baqa’ lura milli jgħid il-verità, akkost li ma jifhmuhx (cfr Mk 3,21), li jkun impopolari, sa ma’ miet fuq is-salib, bla ma ħalla xejn jew lil ħadd jintimidah, jixtrih jew jikkorrompih (Mt 10,28).

Ġesù kien bniedem ħieles.  Ħieles fil-konfront tal-ġid, ħieles fil-konfront tas-setgħa, ħieles fil-konfront tat-tfittxija għall-fama.  Dan hu importanti għalina wkoll. Infatti jekk inħallu t-tfittxija għall-pjaċir, għas-setgħa, għall-flus u għall-approvazzjoni jikkundizzjonawna, insiru lsira tagħhom.  Jekk, minflok, inħallu l-imħabba gratwita ta’ Alla tissawwab fina u trattbilna qalbna, jew jekk inħalluh ifawwarna spontanjament billi ntuh lil ħaddieħor, bil-ħila kollha tagħna, bla biża’, kalkoli jew kundizzjonamenti, allura titkattar fina l-libertà, u nkunu nistgħu nxerrdu fwieħa ħelwa madwarna.

Allura nsaqsu lilna nfusna: jien persuna ħielsa?  Jew inħalli l-miti tal-flus, tal-poter u tas-suċċess ijassruni u hekk nissagrifika s-serenità, il-paċi tiegħi u tal-oħrajn?  Fl-ambjenti li ngħix u naħdem fihom, inxerred arja friska ta’ libertà, ta’ sinċerità, ta’ spontanjetà?

Il-Verġni  Marija tgħinna ngħixu u nħobbu kif għallimna Ġesù, bil-libertà ta’ ulied Alla (cfr Ru 8,15.20-23).

 

Wara l-Angelus

Pitgħada, fil-Ġordanja, se ssir konferenza internazzjonali dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża, imsejħa mir-re tal-Ġordanja, mill-President tal-Eġittu u mis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.  Filwaqt li rroddilhom ħajr għal din l-inizjattiva importanti, inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex taġixxi bla telf ta żmien u b’kull mezz, biex tgħin lill-popolazzjoni ta’ Gaża mifnija bil-gwerra.  L-għajnuna umanitarja għandha tasal għand min jeħtieġa, u ħadd ma għandu jagħmel ostakli għal dan.

Ilbieraħ ħabat l-għaxar anniversarju minn meta ġiet Invokata l-Paċi, fil-Vatikan, li għaliha kienu preżenti l-President ta’ Iżrael, il-mibki Shimon Perez, u dak tal-Palestina, Abu Mazen.  Dik il-laqgħa wrietna li huwa possibbli nieħdu b’idejn xulxin, u li biex ikun hemm il-paċi hemm bżonn ħafna kuraġġ, ferm aktar kuraġġ minn dak meħtieġ biex issir il-gwerra.  Għalqadstant ninkoraġġixxi n-negozjati li għaddejjin bejn il-partijiet, minkejja li mhumiex faċli, u nawgura li l-proposti tal-paċi biex jieqaf il-ġlied fuq il-fronti kollha u biex jinħelsu l-ostaġġi, jingħataw widen minnufih għal-ġid tal-palestinjani u tal-iżraeliti.

U ma ninsewx il-poplu mifluġ tal-Ukrajna li aktar ma jbati aktar tikber fih ix-xenqa għall-paċi.  Insellem lil dal-grupp ta’ ukreni bil-bandiera, li jinsabu hemmhekk.  Aħna qribkom!  Din hi xewqa tal-paċi, għalhekk nagħmel kuraġġ lil kull sforz li jsir biex malajr kemm jista’ jkun il-paċi tinbena bl-għajnuna internazzjonali.  U ma ninsewx il-Myanmar.

Insellem lilkom, rumani u pellegrini minn bosta pajjiżi, partikolarment lill-għalliema tal-Ginnasio San Giovanni Paolo II minn Kyiv (Ukrajna) Slava Isusu Khrystu!  (Ikum imfaħħar Ġesù Kristu), u nagħmlilhom kuraġġ fil-missjoni edukattiva li għandhom f’daż-żmien tant diffiċli u ta’ tbatija. Insellem lill-għalliema u l-istudenti tal-Iskola Djoċesana “Cardenal Cinseros” mid-djoċesi ta’ Sigüenza-Guadalajara” minn Spanja; kif ukoll lill-fidili minn Assemini (Cagliari), lit-tfal tal-iskola “Giovanni Prati” minn Padova u liż-żgħażagħ tal-parroċċa Sant Irenew f’Ruma.

Inġedded it-tislijiet lill-kanturi li ġew Ruma minn kull naħa tad-dinja biex jieħdu sehem fir-raba’ Laqgħa Internazzjonali tal-Korijiet.  Għeżież, bil-kant tagħkom tistgħu dejjem tagħtu ġieħ lil Alla u tittrasmettu l-ferħ tal-Evanġelju!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber