FESTA TALMAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 9 ta’ Jannar, 2022

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Vanġelu tal-Liturġija tal-lum itina x-xena li biha tibda l-ħajja pubblika ta’ Ġesù: Hu li hu Iben Alla u l-Messija, imur fuq ix-xatt tax-xamara Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni l-Battista.  Wara madwar tletin sena mgħejxa kważi fil-moħbi, Ġesù ma jippreżentax ruħu b’xi miraklu jew minn fuq xi kattedra biex jgħallem.  Joqgħod fil-kju flimkien mal-poplu li kien imur biex jitgħammed minn Ġwanni.  L-innu liturġiku tal-lum jgħid li l-poplu kien imur biex jitgħammed bl-ispirtu u saqajh għerja, bl-umiltà.  Atteġġjament sabih, bl-ispirtu u s-saqajn għerja.  U Ġesù jaqsam dan id-destin flimkien magħna l-midinbin, jinżel lejna: jinżel fix-xmara bħalma jinżel fl-istorja miġrugħa tal-umanità, jogħdos fl-istess ilmijiet tagħna biex ifejjaqhom, jogħdos flimkien magħna, jogħdos fostna.  Ma jitlax fuq rasna, imma jinżel lejna, bi spirtu għeri, b’saqajh għerja bħalma kien il-poplu.  Ma jmurx waħdu u lanqas ma xi grupp ta’ privileġġjati, le, imur flimkien mal-poplu.  Hu sehem minn dak il-poplu u jmur jitgħammed flimkien mal-poplu, ma’ dak il-poplu umli.

Nieqfu fuq punt importanti: fil-waqt li fih Ġesù kien qed jirċievi l-Magħmudija, it-test jgħidilna li kien “qiegħed jitlob” (Lu 3, 21).  Jagħmlilna tajjeb nikkuntemplaw dan: Ġesù jitlob.  Imma kif?  Hu, li hu l-Mulej, Iben Alla, jitlob bħalna?  Iva, Ġesù – itennuh kemm-il darba l-Vanġeli – iqatta’ ħafna ħin jitlob: fil-bidu ta’ kull ġurnata, spiss billejl, qabel ma jieħu deċiżjonijiet importanti...  It-talb tiegħu hu djalogu, relazzjoni mal-Missier.  Hekk, fil-Vanġelu tal-lum nistgħu naraw “żewġ movimenti” tal-ħajja ta’ Ġesù: min-naħa jinżel lejna, fl-ilmijiet tal-Ġordan; mill-oħra jerfa’ ħarstu u qalbu fit-talb lill-Missier.

Hi tagħlima kbira għalina lkoll: aħna lkoll mgħaddsin fil-problemi tal-ħajja u f’tant sitwazzjonijiet kumplikati, imsejħin biex naffrontaw mumenti u għażliet diffiċli li jniżżluna ‘l isfel.  Imma jekk ma rridux nibgħqu mgħattnin, hemm bżonn noffru kollox ‘il fuq.  U talb jagħmel eżatt dan, mhux ħarba, it-talb mhux rit maġiku jew ripetizzjoni ta’ kantalieni li nkunu tgħallimna bl-amment.  Le.  It-talb hu l-mod kif inħallu lil Alla jaħdem fina, biex nifhmu dak li jrid iwasslilna anki fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, nitolbu biex ikollna l-forza li nibqgħu mexjin.  Ħafna nies iħossu li ma jirnexxilhomx jitolbu: “Mulej, tini l-qawwa biex nibqa’ miexi ‘l quddiem”.  Aħna wkoll għamilna dan bosta drabi. It-talb jgħinna għax jgħaqqadna ma’ Alla, jiftaħna għal-laqgħa miegħu.  Iva, it-talb hu l-muftiħ li jiftħilna qlubna għall-Mulej.  Hu djalogu ma Alla, smigħ tal-Kelma tiegħu, hu qima: tibqa’ fis-skiet u tafda f’idejh il-ġrajjiet kollha ta’ ħajtek.  U kutant hi wkoll għajjat bħalma għamel Ġob, nisfugaw miegħu.  Ngħajtu bħal Ġob.  Hu Missier, jifhimna tajjeb.  Hu qatt ma jinkorla għalina.  U Ġesù jitlob.

It-talb – biex nużaw tixbiha sabiha tal-Vanġelu tal-lum – “jiftaħ is-sema” (cfr v. 21).  It-talb jiftaħ is-sema: jagħti l-ossiġnu lill-ħajja, jagħti n-nifs anki waqt il-qtigħ il-qalb u jurina s-sitwazzjonjiet f’dawl aktar wiesa.  Fuq kollox, jippermettielna ngħaddu mill-istess esperjenza ta’ Ġesù fil-Ġordan: inħossuna ulied maħbubin tal-Missier.  Lilna wkoll, meta nitolbu, il-Missier jgħidilna, kif qal lil Ġesù fil-Vanġelu: “Int ibni l-maħbub” (cfr v. 22).  Il-fatt li aħna ulied beda fil-jum tal-Magħmudija, li waħħditna ma’ Kristu u għamlitna membri tal-poplu t’Alla, għamlitna ulied maħbubin tal-Missier.  Ma ninsewhiex id-data tal-Magħmudija tagħna!  Kieku issa kelli nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom: liema hi d-data tal-Magħmudija tiegħek?  Forsi xi wħud ma jiftakruhiex.  Din hi ħaġa sabiha: li niftakru d-data tal-Magħmudija, għax hi t-twelid ġdid tagħna, il-waqt li fih aħna sirna ulied Alla ma’ Ġesù.  U meta terġgħu lura d-dar – jekk ma tafuhiex – staqsu lill-ommkom, liz-zija, lin-nanniet: “Meta għammduni?”, u tgħallmu meta hi dik il-festa biex tiċċelebrawha, biex tiżżu ħajr lill-Mulej.  U llum, f’dal-ħin, nistaqsu lilna nfusna: kif inhu t-talb tiegħi?  Nitlob bi drawwa, nitlob kontra qalbi, billi nirrepeti xi frażi ritwali, jew it-talb tiegħi hu l-laqgħa tiegħi ma’ Alla?  Jien, midneb, dejjem sehem mill-poplu t’Alla, qatt iżolat?  Nikkultiva l-intimità ma’ Alla, niddjaloga miegħu, nismagħha Kelmtu?  Fost il-ħafna affarijiet li nagħmlu matul il-ġurnata, qatt m’għandna nittraskuraw it-talb: nagħtu ħin għalih, nużaw invokazzjonijiet qosra u ntennuhom spiss, naqraw il-Vanġelu kuljum.  It-talb jiftħilna s-sema.

U issa nduru lejn il-Madonna, Verġni tat-talb, li ħajjitha għamlitha għanja ta’ tifħir lil Alla.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Sirt naf b’niket kbir li kien hemm xi vittmi waqt il-protesti li faqqgħu fil-jiem li għaddew fil-Każakistan.  Nitlob għalihom u għall-familjari tagħhom, u nittama li bla telf ta’ żmien terġa’ ssaltan l-armonija soċjali bit-tfittxija tad-djalogu, tal-ġustizzja u tal-ġid komuni.  Nafda l-poplu tal-Każakistan taħt il-protezzjoni tal-Madonna, Reġina tal-Paċi ta’ Oziornoje.

U nsellem minn qalbi lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini taljani u minn pajjiżi oħra.  Insellem partikolarment lill-grupp minn Frattamaggiore, qrib Napli.

Dalgħodu, kif inhi d-drawwa fil-Ħadd tal-Magħmudija tal-Mulej, għammidt xi tfal, ulied impjegati tal-Vatikan.  Issa nixtieq inwassal talbi u l-barka tiegħi lit-trabi kollha li rċevew jew se jirċievu l-Magħmudija f’dal-perjodu.  Il-Mulej iberikom u l-Madonna tipproteġihom.

U lilom ilkoll, nirrikmandalkom: tgħallmu d-data tal-Magħmudija tagħkom.  Meta għammduni?  Dan qatt m’għandkom tinsewh, u tfakkru dak il-jum qiesu jum ta’ festa.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber