SOLENNITÀ  TAL-KUNĊIZZJONI IMMAKULATA

TAL-BEATA VERĠNI MARIJA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ġimgħa, 8 ta’ Diċembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Illum, solennità tal-Kunċizzjoni Immakulata, l-Evanġelju jtina x-xena tat-Tħabbira tal-Anġlu (cfr Lq 1,26-38).  Dix-xena turina żewġ atteġġjamenti ta’ Marija li jgħinuna nifhmu kif hi għożżot id-don uniku li rċeviet, dak ta’ qalb ħielsa għal kollox mid-dnub.  Dawn l-atteġġjamenti huma l-istagħġib għall-opra t’Alla u l-fedeltà fl-affarijiet sempliċi.

Naraw l-ewwel l-istagħġib.  Lil-Marija l-Anġlu jgħidilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja: il-Mulej miegħek” (v.28) u l-evanġelista Luqa jinnota li l-Verġni Marija “tħawdet ħafna u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima” (v. 29).  Tibqa’ mistagħġba, mifxula: tħossha mistagħġba meta tisma’ l-anġlu jgħidilha li hi “mimlija bil-grazzja” – il-Madonna umli – jiġifieri mimlija bl-imħabba t’Alla. Hu atteġġjament nobbli: li taghraf tistgħaġeb quddiem id-doni tal-Mulej, qatt ma teħdhom “for granted”, tapprezza l-valur tagħhom, tithenna bil-fiduċja u t-tenerezza li dawn iġibu magħhom.  Huwa importanti wkoll li tingħata xhieda ta’ dan l-istagħġib anki quddiem l-oħrajn, titkellem bl-umiltà dwar id-doni ta’ Alla, tal-ġid li rċevejt u mhux biss dwar il-problemi tal-ħajja ta’ kuljum.  Inkunu aktar pożittivi.  Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: naf nistagħġeb bl-opri t’Alla?  Jiġri li xi kultant inġarrab l-istagħġib u naqsmu ma’ ħaddieħor?  Jew dejjem infittex l-ikraħ, dak li jnikkitni?

U niġu għat-tieni atteġġjament: il-fedelta fl-affarijiet sempliċi.  Qabel it-tħabbira l-Evanġelju ma jgħid xejn dwar Marija.  Jippreżentahielna bħala tfajla sempliċi, fid-dieher waħda bħal ħafna oħrajn li kienu jgħixu fil-villaġġ tagħha.  Żgħażugħa, li propju minħabba s-sempliċità tagħha żammet safja dik il-Qalb Immakulata, li biha, bil-grazzja t’Alla, kienet imnissla.  Dan ukoll huwa importanti għax biex nilqgħu id-doni kbar ta’ Alla hu deċisiv li nagħrfu ngħożżu dawk tal-ħajja ta’ kuljum li ftit li xejn jidhru, huma apprixxenti.

U preċiżament bi-fedeltà tal-ħajja ta’ kuljum fit-tajjeb li l-Madonna ħalliet id-don ta’ Alla jisseddaq fiha; hekk tħarrġet biex twieġeb lill-Mulej, biex tgħidlu “iva” b’ħajjitha kollha.

Allura nistaqsu: jien nemmen li fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. bħalma hi l-mixja spiritwali, l-aktar importanti hi l-fedelta lejn Alla?  U jekk dan nemmnu, insib ħin biex naqra l-Evanġelju, biex nitlob, biex nieħu sehem fl-Ewkaristija u biex nirċievi l-Maħfra, biex nagħmel xi att konkret u gratwit ta’ servizz ? Huma dawn l-għażliet żgħar ta’ kuljum, għażliet deċiżivi biex nilqa’ l-preżenza tal-Mulej fija.

Marija Immakulata tgħinna nistagħġbu bid-doni ta’ Alla u biex inwieġbu għalihom b’ġeneorożità fidila ta’ kuljum.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem b’għożża lir-rumani u lill-pellegrini ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-fidili minn Novoli u lill-adoloxxenti tal-Griżma min Cingoli.

F’dil-festa tal-Immakulata, fil-parroċċi taljani jiġġedded it-tesserament tal-Azzjoni Kattolika.  Ninkoraġġixxi lill-membri kollha, miż-żgħar sal-anzjani, biex ikunu ġebel ħaj fil-Knisja u ħmira tajba fis-soċjetà.  Il-mixja t-tajba!

Inbierek minn qalbi lill-fidili minn Rocca di Papa u l-fjakkola li biha se jixgħelu l-istilla kbira fuq il-fortizza tal-belt sabiħa tagħhom, ad unur ta’ Marija Immakulata.

Nibgħat it-tislijiet tiegħi lill-fidili tad-Djoċesi ta’ Québec, fil-Kanada, li llum qed jiċċelebraw lill-Patruna tagħhom, l-Immakulata, u qed jinawguraw il-Ġublew fl-okkażjoni tat-350 anniversarju tad-djoċesi.  Québec kienet l-ewwel djoċesi mwaqqfa fil-Kanada.  Is-sena tal-Ġublew it-tajba u jalla l—Verġni Marija tkun dejjem magħkom!

U issa b’ferħ inħabbar li fil-25 u s-26 ta’ Mejju tas-sena li ġejja, f’Ruma se niċċelebraw l-ewwel Jum Dinji tat-Tfal.  L-inizjattiva, bil-patroċinju tad-Dikasteru għall-Kultura u l-Edikazzjoni hi tweġiba għall-mistoqsija: xi kwalità ta’ dinja nixtiequ ngħaddu lit-tfal li qed jikbru?  Bħal Ġesù irridu nqiegħdu t-tfal fiċ-ċentru u nieħdu ħsiebhom.

Illum waranofsinhar se mmur l-ewwel fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u mbagħad fi Piazza di Spagna biex nitlob lill-Madonna.  Nitlob lil kulħadd, speċjalment lill-fidili minn Ruma, biex jingħaqdu miegħi spiritwalment f’dawn il-ġesti li bihom qed nintelqu f’idejn l-Omm tagħna u nitolbu partikolarment għall-paċi fl-Ukrajna, għall-paċi fil-Palestina u f’Iżrael, u fl-artijiet kollha miġrugħin mill-gwerer.  Nitolbu l-paċi, jalla l-qlub jimtlew bil-paċi, jalla jkun hawn il-paċi!

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u l-mixja tal-Avvent it-tajba bit-tmexxija tal-Verġni Marija.  Insellem b’mod speċjali lill-adoloxxenti tal-Immacolata, illum il-ġurnata tagħkom! U jekk  jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan  minn Joe Huber