SOLENNITĄ TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI TAL-BEATA VERĠNI MARIJA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

PJazza San PietrU

It-Tlieta, 8 ta' Diċembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-festa liturġika tal-lum tiċċelebra waħda mill-meravilji tal-istorja tas-salvazzjoni:  il-Konċepiment Immakulat tal-Verġni Marija.  Hija wkoll kienet salvata minn Kristu, iżda b'mod straordinarju, għax Alla ried li sa mill-waqt tal-konċepiment tal-Omm tiegħu, Hi ma tkunx imtebba' bil-miżerja tad-dnub.  U għalhekk, Marija, tul il-kors kollu ta' ħajjitha fid-dinja, kienet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub, kienet "il-mimlija bil-grazzja" (Lq 1,28), kif sejħilha l-anġlu, u gawdiet minn azzjoni singolari tal-Ispirtu s-Santu biex baqgħet dejjem f'relazzjoni perfetta ma' Binha Ġesł; anzi, kienet id-dixxiplu ta' Ġesł: l-Omm hija d-dixxiplu.  Imma fiha ma kienx hemm dnub.

Fl-innu meraviljuż li jiftaħ l-Ittra lill-Efesin (cfr 1,3-6.11-12), San Pawl jgħinna nifhmu sewwa li kull bniedem hu maħluq minn Alla għal dik il-milja ta' qdusija, għal dik is-sbuħija li biha kienet imlibbsa Marija sa mill-bidu.  L-għan li għalih aħna msejħin hu rigal t'Alla lilna wkoll, illi - jgħid l-Appostlu - "għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa" (v. 4); iddestinana (cfr v. 5), fi Kristu biex ġurnata waħda nkunu hielsa għal kollox mid-dnub. U din hija l-grazzja, hija b'xejn, gratwita, hija don ta' Alla.

U dak li għal Marija kien sa mill-bidu, għalina se jkun fit-tmiem, wara li nkunu għaddejna mill-'banju' tat-tisfija tal-grazzja t'Alla.  Dak li se jiftħilna l-bieb tal-ġenna hija l-grazzja t'Alla, li aħna nirċievu bil-fedeltą.  Il-qaddisin kollha rġiel u nisa terrqu dit-triq.  Madankollu wkoll dawk li kienu l-aktar innoċenti kienu mmarkati mid-dnub oriġinali u tqabdu bil-forzi tagħhom kollha mal-konsegwenzi tiegħu.  Huma għaddew mill-bieb id-dejjaq li jwassal għall-ħajja (cfr Lq 13,24).  U intom tafu min kien l-ewwel li aħna ċerti li daħal fis-sema, tafu?  "Delinkwent": wieħed mit-tnejn li kienu msallbin ma' Ġesł.  Hu dar lejh u qallu: "Illum tkun il-ġenna miegħi" (Lq 23,42-43).  Ħuti, il-grazzja t'Alla hi offruta lilna llkoll; u ħafna minn dawk li fid-dinja huma tal-aħħar, se jkun tal-ewwel fis-sema (cfr Mk 10,31).

Imma, attenzjoni.  Dan ma jgħoddx għal min irid ikun makakk: li bniedem jibqa' jkaxkar u ma jagħmilx eżami serju ta' ħajtu, li japprofitta ruħu mill-paċenzja tal-Mulej. Hu paċenzjuż, Hu jistenniena, Hu dejjem lest biex itina l-grazzja -.  Aħna nistgħu nqarrqu bil-bnedmin, imma b'Alla le, Hu jaf lil qlubna aħjar milli nafuhom aħna stess.  Napprofittaw ruħna mill-waqt t'issa!  Dan hu verament is-sens nisrani: li napprofittaw ruħna mill-jum: ma ngawdux il-ħajja bil-mument li jtir mar-riħ, le, dan hu s-sens mondan.  Imma nieħdu l-okkażjoni ta' issa biex ngħidu "le" għall-ħażen u "iva" lil Alla; ninfetħu għall-Grazzja tiegħu; nieqfu darba għal dejjem nafdaw fina nfusna biex b'hekk nibqgħu nitkaxkru fl-ipokrisija.  Inħarsu lejn ir-realtą, naffrontawha wiċċ imb'wiċċ, hekk, kif aħna; nagħrfu li lil Alla ma ħabbejniehx u ma ħabbejniex lill-proxxmu kif suppost, u dan nistqarruh. Dan ikun il-bidu ta' mixja ta' konverżjoni billi, qabel kollox, nitolbu maħfra lil Alla bis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, u mbagħad inpattu għall-ħsara li nkunu għamilna lil ħaddieħor.  Imma dejjem miftuhin għall-grazzja.  Il-Mulej iħabbat fuq il-bieb tagħna, iħabbat fuq qlubna biex jidħol fi ħbiberija magħna, f'komunjoni, biex itina s-salvazzjoni.

Din għalina hi t-triq biex insiru "qaddisa u bla tebgħa".  Is-sbuħija mhux mittiefsa tal-Omm tagħna ma nistgħux nimitawha, imma fl-istess ħin tiġbidna lejha.  Nintelqu f'idejha u ngħidu darba għal dejjem "le" għad-dnub u "iva" għall-Grazzja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi varji.  U nsellem lil-grupp tal-Immakulata, illum, fil-festa tal-Immakulata: bravi, dejjem ikunu hawn.

Illum, is-soċi tal-Azzjoni Kattolika Taljana jġeddu s-sħubija tagħhom fl-Għaqda.  Insellmilhom u nawguralhom il-mixja t-tajba.  Nitlob "sabiex Kristu jinżel fikom"- kif jikteb San Pawl - sabiex intom tkunu artiġjani tal-fraternitą.

Insellem lir-rappreżentanti tal-Komun 'Rocca di Papa' li llum - skont it-tradizzjoni - jixgħelu l-Istilla tal-Milied fuq "il-Fortizza" tal-belt.  Jalla d-dawl ta' Kristu jdawwal dejjem il-komunitą tagħkom.

Kif tafu, illum mhux se jkun hemm it-tislima tradizzjonali lill-Immakulata fi Piazza di Spagna, biex ikun evitat ir-riskju li jinġabru ħafna nies, kif talbuna nagħmlu l-aworitajiet ċivili.  Imma dan ma jwaqqafniex milli noffru lill-Omm tagħna l-fjuri li l-aktar jgħoġbuha: it-talb, il-penitenza, qalb miftuha għall-grazzja.  Madankollu, dalgħodu mort privatament fi Piazza di Spagna u wara mort Santa Maria Maggiore, fejn iċċelebrajt Quddiesa.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber