IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 8 ta' Novembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju ta' dal-Ħadd (Mt 25,1-13) tistedinna nkomplu r-riflessjoni tagħna dwar il-ħajja ta' dejjem li bdiet fl-okkażjoni tal-festa tal-Qaddisin Kollha u bit-tifkira tal-fidili mejtin.  Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-għaxar xebbiet mistednin għall-festa tat-tieġ, simbolu tas-Saltna tas-Smewwiet.

Fi żmien Ġesù kienet id-drawwa li t-tiġijiet isiru billejl; għaldaqstant il-korteo tal-mistednin kien ikollu jimxi bl-imsiebaħ mixgħulin. Xi xbejbiet huma boloħ: jieħdu l-imsiebaħ imma ma jeħdux aktar żejt magħhom; dawk għaqlin jieħdu wkoll aktar żejt.  L-għarus jiddawwar, jiddawwar ma jiġi, u lkoll jeħodhom in-nagħas.  Meta xi leħen iħabbar li l-għarus qorob, il-boloħ, dak il-ħin, jintebħu li m'għandhomx żejt għall-imsiebaħ tagħhom; jitolbu lill-għaqlin ituhom imma dawn iwieġbu li ma jistgħux inkella ma jkunx hemm biżżejjed għal kulħadd.  Waqt li l-boloħ imorru jixtru ż-żejt, jasal l-għarus u l-bieb jingħalaq. L-oħrajn jaslu tard wisq u ma jkunux milqugħin.

Huwa ċar li b'dil-parabbola Ġesù jrid jgħidilna li għandna nkunu mħejjija għal-laqgħa miegħu.  Mhux biss għal-laqgħa ta-aħħar, imma wkoll għal kull laqgħa żgħira jew kbira li jkollna kuljum in vista ta' dik il-laqgħa, li għaliha  l-musbieħ tal-fidi mhux biżżejjed, hemm bżonn ukoll iż-żejt tal-karità u tal-opri tajba.  Il-fidi li tgħaqqadna verament ma' Ġesù hi dik li, kif jgħidilna l-Appostlu Pawlu, "xejn ma tkun tiswa ħlief biss il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba" (Gal 5,6).  Dan hu dak li tirrappreżenta l-imġieba tax-xbejbiet għaqlin.  Li nkunu għaqlin u prudenti jfisser li ma noqgħodux nistennew sal-aħħar mument biex inwieġbu għall-grazzja t'Alla, imma nilqgħuha attivament minnufih, nibdew minn issa.  "Jiena...iva, imbagħad ftit żmien ieħor nikkonverti..." - "Ikkonverti llum!  Ibdel ħajtek illum !" - "Iva, iva... għada".  U l-istess dak li jkun itenni l-għada u hekk għada qatt ma jasal.  Illum!  Jekk irridu nkunu lesti għall-aħħar laqgħa mal-Mulej, irridu minn issa nikkoperaw miegħu u nwettqu azzjonijiet tajba mnebbħin minn imħabbtu.

Aħna nafu illi, sfortunatament, jiġri li ninsew l-għan ta' ħajjitna, jiġifieri l-appuntament definittiv ma' Alla, u b'hekk nitiflu s-sens tal-istennija u l-preżent nagħmluh assolut.  Meta bniedem jagħmel il-preżent assolut, iħares biss lejn l-'issa', jitlef is-sens tal-istennija, li hu tant sabiħ, u tant meħtieġ, u li joħroġna mill-kuntradizzjonijiet tal-mument.  Dan l-atteġġjament - meta jintilef is-sens tal-istennija - jagħlaq il-bieb għal kull perspettiva tal-ħajja l-oħra:  kollox jibda jsir qiesu qatt mhu se nitilqu lejn il-ħajja l-oħra.  U għalhekk ikun moħħna biss biex nakkwistaw, nilħqu, nsibu saqajna... u dejjem irridu aktar.  Jekk inħallu jsuqna dak kollu li jidher l-aktar attraenti, dak li jogħġobna, it-tifttxija tal-interessi personali, ħajjitna ssir ħawlija; ma nkunux qed naħżnu żejt għall-musbieħ tagħna, u dan jintefa qabel il-laqgħa tagħna mal-Mulej.  Irridu ngħixu llum, imma llum jixref lejn għada, lejn dik il-laqgħa, l-'illum' miżgħud bit-tama.  Jekk nishru u nagħmlu l-ġid billi nikkorrispondu mal-grazzja t'Alla, inkunu nistgħu nistennew il-miġja tal-għarus bis-serenità.  Il-Mulej jista' jiġi anki meta nkunu reqdin:  dan ma jkunx ta' nkwiet għalina għax ikollna l-ħażna taż-żejt miġbura mill-opri tajba tal-ħajja ta' kuljum, miġbura b'dik l-istennija tal-Mulej, biex jiġi mill-aktar fis possibbli u jiġi biex jiġborni miegħu.

Nitolbu l-interċessjoni ta' Marija Sanitissma, biex tgħinna ngħixu, kif għamlet Hi, fidi ħawtiela: Hija l-musbieħ imdawwal li permezz tiegħu nistgħu naqsmu l-lejl lil hinn mill-mewt u naslu għall-festa kbira tal-ħajja.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

ilbieraħ f'Barċellona kien dikjarat Beatu Koan Roig y Diggle, lajk martri, maqtul fl-età ta' 19-il sena waqt il-gwerra ċivili spanjola.  Kien xhud ta' Ġesù fl-ambjent tax-xogħol u baqa' fidil lejh sal-għoti suprem ta' ħajtu.  Jalla l-eżempju tiegħu iqanqal fina lkoll, u speċjalment fiż-żgħażagħ, ix-xewqa li ngħixu l-vokazzjoni nisranija fil-milja tagħha.  Applaws lil dal-Beatu żgħażugħ, tant kuraġġuż.

Hemmhekk qed nara bandiera, li qed tfakkarni fil-popolazzjonijiet tal-Amerika tan-Nofs, li dawn l-aħħar ġranet intlaqtu minn uragan vjolenti li ħalla bosta vittmi u ħsarat enormi, u li jsiru aktar serji bis-sitwazzjoni diġà diffiċli minħabba l-pandemija.  Il-Mulej jilqa' fi ħdanu lill-mejtin, ifarraġ lill-familjari tagħhom u jwieżen li kull min għaddej mill-prova, kif ukoll lil kull min li qed jagħmlu ħilithom kollha biex jgħinhom.

Qed insegwi bi tħassib kbir l-aħbarijiet li qed jaslu mill-Etjopja.  Filwaqt li nħeġġeġ minn qalbi biex tkun miċħuda kull tentazzjoni ta' ġlied bl-armi, nistieden lil kulħadd biex jitlob u biex ikun hemm rispett fratern, djalogu u sabiex id-diżordni jitfejjaq b'mod paċifiku.

Illum fit-Tunisija jibdew il-laqgħat tal-"Forum għad-djalogu politiku tal-Libja" li fihom qed jieħdu sehem il-partijiet kollha.  Minħabba l-importanza tal-avveniment, nawgura minn qalbi li f'dan il-waqt hekk delikat tinstab soluzzjoni għat-tbatija li l-poplu tal-Libja ilu jsofri, u li l-ftehim reċenti tal-waqfien mill-ġlied ikun rispettat u jsir konkret.  Nitolbu għad-delegati tal-Forum, għall-paċi u għall-istabbiltà fil-Libja.

Illum fl-Italja qed tkun iċċelebrata l-Ġurnata tar-Radd il-Ħajr bit-tema "L-ilma, barka għad-dinja".  L-ilma hu vitali għall-agrikoltura u hu vitali wkoll għall-ħajja!  Jien qrib bit-talb u l-għożża tad-dinja rurali, speċjalment tal-koltivaturi ż-żgħar.  Ix-xogħol tagħhom hu importanti daqs qatt qabel f'dan iż-żmien ta' kriżi.  Ningħaqad mal-Isqfijiet Taljani, u nħeġġiġhom  biex iħarsu l-ilma bħala ġid komuni, li l-użu tiegħu għandu jirrispetta d-destinazzjoni universali tiegħu.

U issa nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili individwali.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber