IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 8 ta’ Ottubru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jippreżentalna parabbola drammatika, bi tmiem ta’ niket (cfr Mt 21,33-43.  Sid għalqa tad-dwieli  żera’ dielja u ħa ħsiebha; imbagħad kellu jitlaq u jħalliha f’idejn il-bdiewa.  Fi żmien il-hsad jibgħat lill-qaddejja tiegħu biex jiġbru l-frott.  Iżda l-bdiewa ttrattawhom ħażin u qatulhom; għalhekk is-sid bagħat lil ibnu, u dawk qatlu lilu wkoll.  Kif?  X’mar ħażin?  Hemm messaġġ ta’ Ġesù f’dil-parabbola.

Is-sid kollox jagħmel sewwa, bl-imħabba: bata personalment, żera’ d-dielja, dawwarha b’ħajt biex iħarisha, ħaffer ħofra għall-magħsar u bena torri biex iħarisha (cfr v. 33).  Imbagħad iqabbilha lil xi bdiewa u jtihom b’kera dak il-ġid prezzjuż u għalhekk mexa magħhom b’ġustizzja sabiex jikkultivaw id-dielja u din tagħmel il-frott.  B’konsegwenza ta’ dan kollu, il-ħsad kellu jintemm b’suċċess, fi klima ta’ festa, billi l-ħsad jinqasam bejn kulħadd u kulħadd ikun sodisfatt.

Iżda moħħ il-bdiewa mtela bi ħsibijiet ta’ ingratitudni u regħba.  Għandkom tiftakru li l-għeruq tal-kunflitti huma dejjem imniġġsin bl-ingratitudni u xewqat ta’ regħba, kollox u malajr.  “Lis-sid m’għandna bżonn intuh xejn.  Il-prodott tal-ħidma tagħna huwa tagħna biss.  Ma rridu nagħtu rendikont tiegħu lil ħadd!”  Hekk jirraġunaw dawn il-ħaddiema.  U dan mhux minnu: għandhom ikunu rikonoxxenti għal dak kollu li rċevew u dwar kif ġew ittrattati.  Iżda l-ingratitudni tkebbes ir-regħba u ftit ftit jibda dieħel fihom sens ta’ ribelljoni, li jwassalhom jagħwġu r-realtà, iħossu li s-sid midjun magħhom minflok ma jħossuhom grati lejn is-sid li tahom ix-xogħol.  Meta jaraw ġej lill-iben jaslu jgħidu: “Dan hu l-werriet.  Jekk noqtluh is-sehem tiegħu isir tagħna!” (v.38).  U minn bdiewa jsiru assassini.  Proċess sħih.  U bosta drabi dal-proċess iseħħ fi qlub in-nies, saħansitra fi qlubna wkoll.

B’dil-parabbola Ġesù jfakkarna x’jiġri meta l-bniedem jilludi ruħu li jista’ jagħmel kollox u jinsa l-gratitudni, jinsa r-realtà fundamentali tal-ħajja: li r-riżq jiġi mill-grazzja t’Alla, li r-riżq jiġi mid-don gratwit tiegħu.  Meta ninsew dan, il-gratitudni lejn Alla, nispiċċaw ngħixu ħajjitna u l-limitazzjonijiet tagħna mhux bis-sens li aħna maħbubin u salvati, iżda bl-illużjoni ta’ swied il-qalb li la għandna bżonn imħabba u lanqas salvazzjoni.  Ma nibqgħux napprezzaw lil min jgħożżna u nsibu ruħna priġunieri tar-rebgħa tagħna, priġunieri ikkundizzjonati li jrid ikollna xi ħaġa aktar minn ħaddiehħor, li rridu nidhru aktar mill-oħrajn.  Dan hu proċess ikraħ u bosta drabi jaħkem lilna wkoll.  Naħsbu dwar dan bis-serjetà.  Minn hawn jiġi n-nuqqas ta’ sodisfazzjoni u l-akkużi, in-nuqqas ta’ ftehim u tant għira; u meta ninħakmu mir-rankur nistgħu naqgħu dritt fiċ-ċirku tal-vjolenza.  Iva, għżież ħuti, l-ingratitudni tiġġenera l-vjolenza, teħdilna l-paċi u ġġagħalna nħossuna u nitkellmu ngħajtu, bla paċi, waqt li sempliċi “grazzi” tista’ ġġib il-paċi mill-ġdid!

Għalhekk, insaqsu: jien konxju li l-ħajja u l-fidi rċevejthom bħala don?  Konxju dwar min jien, li jien don?  Nemmen li kollox jibda’ mill-grazzja tal-Mulej? Nifhem li kulma għandi mhux mertu tiegħi, illi jien maħbub u salvat gratwitament?  U, fuq kollox, bi tweġiba għall-grazzja, naf ngħid “grazzi”?  Naf ngħid grazzi?  It-tlett kelmiet sigriet tal-konvivenza umana: grazzi, nista’, maħfra.  Naf ngħidhom dawn it-tlett kelmiet”   Grazzi, nista’, skużani?  Naf inlissinhom dawn it-tlett kelmiet?  Kelma żgħira ħafna, “grazzi” – kelma żgħira, nista’,- kelma żgħira oħra nitlob skuża “aħfrili, skużani” – li Alla u ħuti jistennewhom kuljum.  Insaqsu lilna nfusna jekk dil-kelma ċkejkna, “grazzi”, “nista’”, “aħfirli, skużani” hix preżenti fil-ħajja tagħna.  Naf nirringrazzja, ngħid “grazzi”?  Naf nitlob zkuża, aħfirli?  Naf ma nkunx invadenti – “nista’”?  Grazzi, maħfra, nista’.

Tgħinna Marija, li ruħha tfaħħar lill-Mulej, sabiex il-gratitudni nagħmluha d-dawl li jitla’ kuljum mill-qalb.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed insegwi bi preokkupazzjoni kbira u niket dak li qed jiġri f’Iżrael, fejn faqqgħet vjolenza feroċi li qed iġġib il-mewt ta’ mijiet u tħalli ħafna feruti.  Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-familji tal-vittmi, nitlob għalihom u għal dawk kollha li għaddejjin minn dis-siegħa ta’ terrur u nkwiet.  L-attakki u l-armi għandhom jieqfu, jekk jogħġobkom, u hemm bżonn nifhmu li t-terroriżmu u l-gwerra ma jwasslu għal ebda soluzzjoni, imma biss għall-mewt, u t-tbatija ta’ tant innoċenti.  Il-gwerra hi telfa: kull gwerra hi telfa!  Nitolbu sabiex ikun hemm il-paċi f’Iżrael u fil-Palestina!

Matul dan ix-xahar ta’ Ottubru, li minbarra għall-missjonijiet hu dedikat ukoll għat-talba tar-Rużarju, ma nhedew qatt ninvokaw, bl-interċessjoni ta’ Marija, id-don ta-paċi f’ħafna pajjiżi tad-dinja mifluġin bil-gwerer u l-knflitti; u nkomplu niftakru fl-għażiża Ukrajna, li qed tbati ħafna ta’ kuljum, tant imkissra.

Irrodd ħajr lil kull min qed isegwi u fuq kollox jakkupanja bit-talb is-Sinodu li għaddej, ġrajja ekkleżjali ta’ smigħ, kondiviżjoni u komunjoni fraterna fl-Ispirtu.  Nistieden lil kulħadd jafda l-ħidma ta’ din l-assemblea f’idejn l-Ispirtu s-Santu.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja, partikolarment l-istudenti u l-għalliema taċ-Ċentru ta’ Formazzjoni Stimmatini minn Verona, lill-ġiżwiti minn diversi pajjiżi mistiedna fil-Kulleġġ San Roberto Bellarmino f’Ruma.  Bosta pollakki: qed nara ħafna bnadar pollakki hawn.  Tislima lilkom ilkoll żgħażagħ tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber